25.1.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 27/25
Appell ippreżentat fid-19 ta’ November 2015 minn Koninklijke Philips Electronics NV mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fid-9 ta’ Settembru 2015 fil-Kawża T-92/13: Koninklijke Philips Electronics NV vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-622/15 P)
(2016/C 027/29)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Koninklijke Philips Electronics NV (rappreżentanti: E. Pijnacker Hordijk, J. K. de Pree, S. Molin, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-92/13;
—
tannulla totalment jew parzjalment, l-Artikoli 1(1)(c) u 1(2)(f), Artikoli 2(1)(c) u 2(1)(e), u Artikoli 2(2)(c) u 2(2)(e) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Diċembru 2012 fil-Każ COMP/39437 – TV and Computer Monitor Tubes (id-“deċiżjoni kkontestata”), sa fejn tikkonċerna lil KPNV; u/jew tnaqqas il-multi imposti fuq KPNV fl-Artikoli 2(1)(c) u 2(1)(e) u l-Artikoli 2(2)(c) u 2(2)(e) tad-deċiżjoni kkontestata;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-ewwel istanza u tal-appell.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tippreżenta l-aggravji u l-argumenti prinċipali segwenti:
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (1) meta kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet tikklassifika l-bejgħ ta’ tubi katodiċi (iktar 'il quddiem “CRTs”) magħmula minn LPD Group lil Philips Group (u LGE Group) bħala bejgħ ġewwa l-grupp u billi kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet tinkludi l-valur ta’ bejgħ dirett fiż-ŻEE permezz ta’ prodotti trasformati (“DSTP”) fil-kalkolu tal-multa ta’ KPNV, meta kienet tikkonċerna bejgħ downstream ta’ skrins tal-kompjuter u televixins tal-kulur minn sussidjarji ta’ KPNV li jinkludu CRTs ipprovduti minn LPD Group.
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta sostniet li l-Kummissjoni ma kisritx id-drittijiet ta’ difiża ta’ KPNV meta għażlet – anki fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ – li ma tinkludix l-LPD Group fil-proċedimenti amministrattivi u toħroġ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għal dan abbażi tal-fatt li KPNV għandha l-obbligu ġenerali li żżomm reġistrazzjonijiet fil-kotba u files tagħha fir-rigward tal-attivitajiet ta’ LPD Group, anki fil-każ ta’ falliment ta’ LPD.
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ evalwazzjoni billi interpretat ħażin il-motiv imqajjem minn KPNV dwar it-trattament ta’ DSTP u għalhekk naqset milli tindirizza wieħed mill-motivi ewlenin ta’ KPNV kontra d-Deċiżjoni kkontestata. L-appellanti tkompli tgħid li ma ngħatatx il-protezzjoni tal-prinċipju fundamentali ta’ trattament ugwali peress li l-Qorti Ġenerali naqset milli tirrikonoxxi li ġew applikati standards legali differenti lil impriżi differenti fid-determinazzjoni tal-bażi tal-kalkolu tal-multa. Dan it-trattament diskriminatorju rriżulta f’multa sostanzjalment ogħla għal KPNV.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).
Full & Egal Universal Law Academy