25.1.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 27/26
Appell ippreżentat fl-20 ta’ November 2015 minn Toshiba Corp. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fid-9 ta’ Settembru 2015 fil-Kawża T-104/13: Toshiba Corp. vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-623/15 P)
(2016/C 027/30)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Toshiba Corp. (rappreżentanti: J. F. MacLennan, Solicitor, A. Schulz, Rechtsanwalt, J. Jourdan, avukat, A. Kadri, Solicitor)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Każ T-104/13 sa fejn tilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li Toshiba hija responsabbli flimkien u in solidum għall-aġir ta’ MTPD;
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea fil-Każ COMP/39.437 TV and Computer Monitor Tubes sa fejn huwa deċiż li Toshiba kisret l-Artikolu 101 TFUE u żżomm lil Toshiba responsabbli flimkien u in solidum għall-aġir ta’ MTPD;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tagħhom l-appellanti jippreżentaw aggravju wieħed:
Il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ impriża billi kklassifikat ħażin ċerti elementi bħala li jindikaw li Toshiba kienet f’pożizzjoni li teżerċita, jew effettivament eżerċitat, influwenza deċiżiva fuq MTPD u billi kkonkludiet li s-somma ta’ dawn l-elementi kienet suffiċjenti sabiex issostni l-konklużjoni li Toshiba eżerċitat tali influwenza fuq MTPD.
Full & Egal Universal Law Academy