15.2.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 59/5
Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Novembru 2015 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-626/15)
(2016/C 059/04)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Bouquet, E. Paasivirta, C. Hermes, aġenti)
Konvenuta: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla parzjalment id-deċiżjoni tal-Kunsill, tal-11 ta’ Settembru 2015, kif tinsab fil-konklużjoni tal-President tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-11 ta’ Settembru 2015 li tapprova l-preżentazzjoni, f’isem l-Unjoni u f’isem l-Istati Membri tagħha, ta’ dokument ta’ riflessjoni dwar proposta futura lill-Kummissjoni dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi marittimi ħajjin tal-Antartiku intiża għall-ħolqien ta’ żona tal-baħar protetta fil-Baħar ta’ Weddell, riprodotta fir-rendikont sommarju tat-23 ta’ Settembru 2015 tal-2554 il-laqgħa tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Dokument 11837/15, punt 65, paġni 19 u 20, u Dokument 11644/1/15/REV), sa fejn il-Kunsill impona li d-dokument ta’ riflessjoni jiġi ppreżentat f’isem l-Unjoni u f’isem l-Istati Membri tagħha, minflok ma jiġi ppreżentat f’isem l-Unjoni waħedha;
—
tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz ta’ dan ir-rikors, il-Kummissjoni titlob bir-rispett li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2015, sa fejn il-Kunsill impona li d-dokument ta’ riflessjoni lill-Kummissjoni dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi marittimi ħajjin tal-Antartiku intiż għall-ħolqien ta’ żona tal-baħar protetta fil-Baħar ta’ Weddell, jiġi ppreżentat f’isem l-Unjoni u f’isem l-Istati Membri tagħha, minflok ma jiġi ppreżentat f’isem l-Unjoni waħedha.
Il-Kummissjoni hija tal-fehma li, sa fejn tqis li l-kompetenza f’dan il-qasam hija kondiviża, u sa fejn tqis li, konsegwentement, id-dokument ta’ riflessjoni għandu jiġi deċiż permezz ta’ kunsens u jiġi ppreżentat f’isem l-Unjoni u f’isem l-Istati Membri tagħha, id-deċiżjoni kkontestata hija illegali, għaliex b’dan il-mod tipprekludi lill-Kummissjoni milli tippreżenta dan id-dokument f’isem l-Unjoni waħedha bi ksur tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni f’dan il-qasam (u tal-prerogattivi tal-Kummissjoni li tirrappreżenta lill-Unjoni).
Il-Kummissjoni tressaq żewġ motivi insostenn tar-rikors tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.
Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li bl-adozzjoni tal-att ikkontestat, il-Kunsill kiser il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni fil-qasam tal-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar, kif stabbilit fl-Artikolu 3(1)(d) TFUE. L-ewwel nett, il-Kummissjoni tqis li l-Kunsill injora l-kuntest ġuridiku tal-miżura kkonċernata mill-att ikkontestat, kemm fil-kuntest tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi marittimi ħajjin tal-Antartiku kif ukoll fil-kuntest tal-Unjoni. It-tieni nett, il-Kummissjoni tqis li l-Kunsill injora l-għan u l-kontenut ta’ din il-miżura.
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni, sussidjarjament, li anki jekk il-miżura ma jkollhiex titqies li hija miżura ta’ konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar fis-sens tal-Artikolu 3(1)(d) TFUE, bl-adozzjoni tal-att ikkontestat il-Kunsill, f’kull każ, kiser il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni sa fejn l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva esterna f’dan il-qasam minħabba li l-miżura ppjanata tista’ taffettwa r-regoli tal-Unjoni jew tbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom fis-sens tal-Artikolu3(2) TFUE. L-ewwel nett, il-Kummissjoni tqis li l-Kunsill injora li l-miżura ppjanata tista’ taffettwa jew tbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ żewġ regolamenti ta’ dritt sekondarju (ir-Regolamenti (KE) Nru 600/2004 (1) u (KE) Nru 601/2004 (2)). It-tieni nett, il-Kummissjoni tqis li l-Kunsill ma ħax inkunsiderazzjoni l-effett fuq jew il-bdil tal-pożizzjoni-qafas tal-Unjoni ta’ Ġunju 2014.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 600/2004, tat-22 ta’ Marzu 2004, li jelenka certi miżuri tekniċi applikabbli għall-attivitajiet tas-sajd fl-inħawi koperti mill-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar tal-Antartiku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 7, p. 43).
(2) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 601/2004, tat-22 ta’ Marzu 2004, li jistabbilixxi ċerti miżuri ta’ kontroll applikabbli għall-attivitajiet tas-sajd fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi marittimi ħajjin tal-Antartiku u jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 3943/90, (KE) Nru 66/98 u (KE) Nru 1721/1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 51, p. 52).
Full & Egal Universal Law Academy