10.5.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 165/4
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Judecătoria Câmpulung (ir-Rumanija) fit-23 ta’ Novembru 2015 – Dumitru Gavrilescu, Liana Gavrilescu vs SC Volksbank România SA, SC Volksbank România SA – sucursala Câmpulung
(Kawża C-627/15)
(2016/C 165/05)
Lingwa tal-kawża: ir-Rumen
Qorti tar-rinviju
Judecătoria Câmpulung
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Dumitru Gavrilescu, Liana Gavrilescu
Konvenuti: SC Volksbank România SA, SC Volksbank România SA – sucursala Câmpulung
Domandi preliminari
1)
L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (1), għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċetti ta’ “kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt” u ta’ “suffiċjenza [adegwatezza] tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra” jkopru klawżola, inkluża f’kuntratt ta’ kreditu fformulat f’munita barranija bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur u li ma kinitx suġġetta għal negozjati individwali, li permezz tagħha, għall-ħlas lura tal-pagamenti mensili, id-debitur huwa obbligat isostni b’mod esklużiv ir-“riskju tal-kambju”, jiġifieri l-effett negattiv potenzjali li jikkonsisti fiż-żieda tal-obbligu tal-pagament mensili kkawżat mill-fluttwazzjoni tar-rati tal-kambju, li huwa għandu jsostni bħal konsegwenza tal-konlużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu u tar-rimbors tas-somom imħallsa abbażi tal-kuntratt ta’ kreditu f’munita li ma hijiex il-munita nazzjonali tar-Rumanija?
2)
Skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, wieħed għandu jifhem li l-obbligu tal-konsumatur li jsostni, matul il-ħlas lura tas-self, id-differenza li tirriżulta miż-żieda tal-munita li fiha s-self ġie fformulat (CHF), jirrappreżenta ħlas li l-adegwatezza tiegħu meta mqabbel mas-servizz ipprovdut ma jistax jiġi analizzat bl-għan tal-evalwazzjoni tan-natura inġusta tiegħu?
3)
Jekk ir-risposta għal din id-domanda hija li tali klawżola ma tevitax l-evalwazzjoni tan-natura inġusta, wieħed għandu jqis li din tissodisfa r-rekwiżiti ta’ bona fide, ta’ bilanċ u ta’ trasparenza previsti mid-Direttiva, billi tippermettti lill-konsumatur jipprevedi, abbażi ta’ kriterji ċari u li jinfthiemu, il-konsegwenzi li jirriżultaw minnha fir-rigward tiegħu?
4)
Klawżola kuntrattwali bħall-[punt] 4.2 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kunratt, li permezz tagħha d-dritt li wieħed jaqleb f’munita nazzjonali kreditu fformulat fi CHF huwa rrikonoxxut lill-bank fil-każ ta’ żieda fir-rata tal-kambju li taqbeż l-10 % tal-valur tagħha fil-mument tal-iffirmar tal-kuntratt, sabiex jiġi evitat li l-[bank] ikompli jżid l-espożizzjoni tiegħu għar-riskju tal-kambju, mingħajr ma jiġi rrikonoxxut dritt simili lill-konsumatur, taqa’ fil-qasam ta’ protezzjoni tad-Direttiva 93/13 jew inkella tevita l-evalwazzjoni tan-natura inġusta?
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288.
Full & Egal Universal Law Academy