22.2.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 68/22
Appell ippreżentat fit-2 ta’ Diċembru 2015 minn Toni Klement mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fl-24 ta’ Settembru 2015 fil-Kawża T-211/14, Toni Klement vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
(Kawża C-642/15 P)
(2016/C 068/30)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellant: Toni Klement (rappreżentant: J. Weiser, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)
Talbiet
—
tannulla s-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali mogħtija fl-24 ta’ Settembru 2015 fil-Kawża T-211/14 u
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellant iqajjem tliet aggravji insotenn tal-appell.
1.
Huwa paċifiku li t-trade mark ikkontestata kienet ġiet użata esklużivament mal-element verbali addizzjonali “Bullerjan”. L-appellant jinvoka żnaturament tal-provi dwar l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tal-element miżjud “Bullerjan”. Il-Qorti Ġenerali kklassifikat bħala normali (biss) il-karattru distintiv tal-element miżjud. Il-konstatazzjoni ta’ karattru distintiv normali (biss) ma għandu ebda konferma fil-provi eżistenti, billi dawn tal-aħħar ma jipprovdu ebda indikazzjoni tal-portata, tat-tul u tal-intensità tal-użu tal-element verbali “Bullerjan”, irreġistrat huwa stess bħala trade mark.
2.
L-appellant iqajjem it-tieni aggravju insostenn tal-appell, ibbażat fuq in-natura kontradittorja li biha l-Qorti Ġenerali mmotivat il-konstatazzjoni tagħha tal-karattru distintiv għoli tat-trade mark ikkontestata. Fil-motivi li adottat, il-Qorti Ġenerali tafferma minn naħa li l-trade mark ikkontestata għandha “forma mhux abitwali” iżda, min-naħa l-oħra, tikkonferma li produtturi oħra jqassmu fran li huma ta’ forma simili ħafna. Kontradizzjoni oħra tinsab fil-konstazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li, minn naħa, it-trade mark ikkontestata għandha karattru distintiv għoli, minkejja l-funzjonalità eventwali tagħha, u, min-naħa l-oħra, tali karattru distintiv ma huwiex ikkontestat mill-forma simili ħafna ta’ fran oħra, peress li dan ix-xebh qawwi jista’ jiġi spjegat bit-tfittxija għal riżultat tekniku partikolari. Għaldaqstant, ir-raġunijiet mogħtija mill-Qorti Ġenerali huma kontradittorji f’żewġ aspetti u għalhekk ivvizzjati bi żbalji ta’ liġi.
3.
L-appellant iqajjem it-tielet aggravju insostenn tal-appell, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi li jivvizzjaw f’ħafna aspetti l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja (1). L-ewwel nett, meta eżaminat il-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata, kif jirirkjedi l-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja, il-Qorti Ġenerali ma osservatx il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-evalwazzjoni ta’ dan il-karattru sa fejn jirrigwarda t-trade marks tridimensjonali. Kuntrarjament għal dak li tirrikjedi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx it-tqabbil rikjest tat-trade mark ikkontestata mal-forom normali ta’ fran fl-industrija. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-funzjonalità eventwali tal-forma tat-trade mark ikkontestata hija irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ din tal-aħħar. B’hekk il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju stabbilit li, fl-evalwazzjoni tal-karattru distintiv, għandhom jitqiesu l-fatturi rilevanti kollha tal-każ. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ma osservatx il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-użu proprju sabiex tiġi żgurata ż-żamma tad-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata li tikkostitwixxi wieħed mill-elementi ta’ trade mark kumplessa. Il-Qorti Ġenerali b’hekk qieset bħala suffiċjenti il-fatt li trade mark li tagħmel parti minn trade mark kumplessa tkun ukoll irrikonoxxuta bħala indikazzjoni ta’ oriġini. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu, impost mill-formulazzjoni ċara tal-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li dejjem tiddetermina wkoll jekk il-karattru distintiv tat-trade mark irreġistrata nbidilx. Il-Qorti Ġenerali naqset milli tagħmel tali determinazzjoni.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja, ĠU L 78, p. 1.
Full & Egal Universal Law Academy