7.3.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 90/5
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (il-Ġermanja) fit-3 ta’ Diċembru 2015 – Bund Naturschutz in Bayern e.V. u Harald Wilde vs Freistaat Bayern
(Kawża C-645/15)
(2016/C 090/08)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Bayerischer Verwaltungsgerichtshof
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Bund Naturschutz in Bayern e.V. u Harald Wilde
Konvenut: Freistaat Bayern
Domandi preliminari
1)
Il-punt 7(c) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li jokpri wkoll it-twessigħ jew l-iżvilupp ta’ triq eżistenti ta’ erba’ korsiji jew iktar?
2)
Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda:
Il-punt 7(c) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92 jikkostitwixxi dispożizzjoni speċjali b’paragun mal-punt 7(b) ta’ dan l-istess anness u għandu għalhekk jiġi applikat bi prijorità?
3)
Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel jew għat-tieni domanda:
It-terminu “toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa” fil-punt 7(b) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92 jimplika li l-parti mit-triq ikkonċernata għandha tkun arterja prinċipali tat-traffiku internazzjonali fis-sens tal-Ftehim Ewropew dwar l-Arterji Prinċipali tat-Traffiku Internazzjonali?
4)
Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel, għat-tieni jew għat-tielet domanda:
Il-kunċett ta’ “bini” fil-punt 7(b) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92 ikopri t-twessigħ jew l-iżvilupp ta’ triq li ma jibdilx b’mod sinjifikattiv ir-rotta tagħha?
5)
Fil-każ ta’ risposta affermattiva għar-raba’ domanda:
Il-kunċett ta’ “bini” fil-punt 7(b) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92 jimplika li l-parti mit-triq ikkonċernata għandha tkun ta’ ċertu tul minimu? Fil-każ affermattiv, għandha din il-parti mit-triq tkun kontinwa? Fil-każ affermattiv, dan it-tul minimu huwa iktar minn 2,6 kilometri mingħajr interruzzjoni jew – jekk għandu jingħadd it-tul ta’ diversi partijiet mit-triq li ma humiex maġenb xulxin – minn 4,4 kilometri b’kollox?
6)
Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ħames domanda:
It-tieni każ tal-punt 7(b) tal-Anness I tad-Direttiva 2011/92 (il-bini ta’ toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa) japplika għal miżura ta’ twessigħ jew ta’ żvilupp ta’ triq li tinsab fejn hemm bini fis-sens tal-Ftehim Ewropew dwar l-Arterji Prinċipali tat-Traffiku Internazzjonali?
(1) ĠU 2012, L 26, p. 1.
Full & Egal Universal Law Academy