29.2.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 78/4
Appell ippreżentat fl-4 ta’ Diċembru 2015 minn Verein zur Wahrung von Einsatz und Nutzung von Chromtrioxid und anderen Chrom-VI-verbindungen in der Oberflächentechnik eV (VECCO), Adolf Krämer GmbH & Co. KG, AgO Argentum GmbH, et mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fil-25 ta’ Settembru 2015 fil-Kawża T-360/13, Verein zur Wahrung von Einsatz und Nutzung von Chromtrioxid und anderen Chrom-VI-verbindungen in der Oberflächentechnik eV et vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-651/15 P)
(2016/C 078/05)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Verein zur Wahrung von Einsatz und Nutzung von Chromtrioxid und anderen Chrom-VI-verbindungen in der Oberflächentechnik eV (VECCO), Adolf Krämer GmbH & Co. KG, AgO Argentum GmbH, et (rappreżentanti: C. Mereu, avukat, J. Beck, solicitor)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, European Chemicals Agency (ECHA), Assogalvanica, Ecometal, Comité européen des traitements de surfaces (CETS) et
Talbiet
—
tiddikkjara l-appell ammissibbli u fondat;
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-360/13;
—
tiddeċiedi dwar il-mertu tar-rikors għal annullament tal-appellant jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni fil-mertu tar-rikors għal annullament.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tressaq dawn l-argumenti:
L-ewwel aggravju – Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta sostniet li d-Direttiva 98/24 (1) u d-Direttiva 2004/37 (2) ma humiex leġiżlazzjoni tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 58(2) REACH (3) li jimponu rekwiżiti minimi li jikkontrollaw sewwa r-riskju għas-saħħa tal-bniedem tal-użu ta’ triossidu tal-kromju fl-industriji tal-kisi ta’ uċuh u ta’ galvanizzazzjoni:
Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali jinterpreta l-Artikolu 58(2) REACH b’mod li jmur lil hinn mill-kliem u l-għan ċar ta’ din id-dispożizzjoni, kif ukoll mill-mod kif id-Direttiva 98/24 u d-Direttiva 2004/37 għandhom jiġu interpretati. Essenzjalment, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta (i) rreferiet għall-eżenzjoni taħt l-Artikolu 58(2) REACH bħala waħda li tapplika għas-“sustanzi” minflok għall-“użu”, (ii) sseparat it-test triplu tal-Artikolu 58(2) u billi naqset milli tevalwa essenzjalment it-tielet parti tat-test (“kontroll adegwat tar-riskji”), u (iii) sabet li d-Direttivi 98/24 u 2004/37 ma jimponux rekwiżiti minimi sabiex jikkontrollaw ir-riskju relatat mal-użu tat-triossidu tal-kromju fl-industriji tal-kisi ta’ uċuh u ta’ galvanizzazzjoni, jiġifieri, b’mod partikolari, billi tirreferi għall-assenza ta’ valuri ta’ limitu ta’ espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol.
It-tieni aggravju – Dak li ssostni s-sentenza appellata fir-rigward tad-diskrezzjoni tal-Kummissjoni huma żbaljati:
Jekk l-ewwel aggravju jiġi milqugħ, is-sejba tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni użat sewwa d-diskrezzjoni tagħha meta ddeċidiet jekk tagħtix jew le l-eċċezzjoni taħt l-Artikolu 58(2) REACH hija żbaljata.
It-tielet aggravju – Nuqqas li jiġu evalwati sewwa l-ewwel motiv u t-tieni parti tar-raba’ motiv:
Jekk l-ewwel aggravju jiġi milqugħ, ir-raġunament fil-punti 68 u 69 kif ukoll 84 u 85 tas-sentenza appellata ma jkunx japplika, kemm l-ewwel motiv kif ukoll it-tieni parti tar-raba’ motiv quddiem il-Qorti Ġenerali jkollhom jiġi evalwati mill-ġdid.
(1) Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE, tas-7 ta’ April 1998, dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mir-riskji li għandhom x’jaqsmu mal-aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol (l-erbatax-il Direttiva individwali fit-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE), (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 5, Vol. 3, p. 279).
(2) Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-esposizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (Sitt Direttiva individwali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 5, Vol. 5, p. 35)
(3) Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta' Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni, (ĠU L 396, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy