15.2.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 59/8
Appell ippreżentat fis-7 ta’ Diċembru 2015 minn Viasat Broadcasting UK Ltd mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fl-24 ta’ Settembru 2015 fil-Kawża T-674/11, TV2/Danmark vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-657/15 P)
(2016/C 059/07)
Lingwa tal-kawża: id-Daniż
Partijiet
Appellanti: Viasat Broadcasting UK Ltd (rappreżentanti: M. Honoré u S. Kalsmose-Hjelmborg, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: TV2 Danmark A/S, Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Renju tad-Danimarka
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla l-punt 1 tal-parti operativa tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Settembru 2015 fil-Każ T-674/11 TV2/Danmark vs Il-Kummissjoni (talba 1); u
—
tannulla dik il-parti tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Settembru 2015 fil-Każ T-674/11 TV2/Danmark vs Il-Kummissjoni li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali tilqa’ t-tielet parti tal-ewwel talba tal-appellanti (talba 2); u
—
tilqa’ t-talba tal-Kummissjoni fir-rigward tar-rikors għal annullament ta’ TV2 u tar-Renju tad-Danimarka; u
—
tordna lil TV2/Danmark u lir-Renju tad-Danimarka, rikorrenti fl-ewwel istanza, sabiex iħallsu l-ispejjeż ta’ Viasat.
Aggravji u argumenti prinċipali
Fir-rigward tal-ewwel talba, Viasat tissottometti li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’mod żbaljat, li l-Kummissjoni kienet żbaljat meta sostniet li d-dħul mir-reklamar mitlub minn TV2 Reklame A/S fl-1995 u fl-1995 kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.
Viasat tissottometti wkoll li d-dħul mir-reklamar mill-1995 u mill-1996 kien ifisser trasferiment tar-riżorsi tal-Istat, peress li d-dħul mir-reklamar kien jgħaddi għand il-kumpannija TV2 Reklame A/S u t-TV2 Fund, li t-tnejn li huma kienu taħt kontroll tal-Istat. Barra minn hekk, l-użu attwali tar-riżorsi kien ġie deċiż mill-Ministru għall-Kultura (Kulturministeren) u mill-Kumitat Parlamentarju għall-Finanzi (Folketingets Finansudvalg). Il-Qorti Ġenerali kienet ukoll żbaljat meta sostniet li TV2 kellha dritt għar-riżorsi tal-TV2 Fund jew partijiet minnu.
Fir-rigward tat-tieni talba, Viasat tissottometti li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta laqgħet it-talba tar-rikorrenti li t-tieni rekwiżit ta’ Altmark kien intlaħaq fil-każ (paragrafi 88-111). Viasat tosserva li, fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra unikament l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni appellata li l-Kummissjoni, skont il-Qorti Ġenerali, kellha tissottometti fit-talbiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma eżaminat id-dikjarazzjoni ta’ motivi fid-deċiżjoni appellata. Ma hemm xejn fil-paragrafi 114 sa 116 tad-deċiżjoni appellata li juri li t-tieni rekwiżit ta’ Altmark jinkludi rekwiżit ta’ effiċjenza fuq il-persuna li tirċievi l-kumpens.
Il-Qorti Ġenerali għalhekk kellha tieħu deċiżjoni dwar jekk il-Kummissjoni tistax ġustament titlob, fir-rigward tat-tieni rekwiżit ta’ Altmark, li mhux biss għandu jkun hemm prevedibbiltà fir-rigward tad-dħul futur mir-reklamar ta’ TV2 (jiġifieri, dħul), iżda wkoll l-ispejjeż fir-rigward tal-kalkolu tal-kumpens.
Viasat tissottometti li r-rekwiżit tal-Kummissjoni ta’ grad suffiċjenti ta’ trasparenza fir-rigward tal-ispejjeż huwa konsegwenza loġika u neċessarja tal-libertà wiesgħa li fornitur tas-servizz pubbliku għandu fis-setturi tar-radju u tat-televixin: ara inter alia paragrafi 214 fis-sentenza BUPA vs Il-Kummissjoni, T-289/03, EU:T:2008:29.
Il-bżonn ta’ trasparenza dwar spejjeż huwa wkoll rilevanti fir-rigward tar-rekwiżit l-ieħor ta’ Altmark: ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali f’Viasat vs Il-Kummissjoni, T-125/12, EU:T:2015:687 paragrafi 80-83.
Full & Egal Universal Law Academy