15.2.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 59/10
Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Diċembru 2015 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Portugiża
(Kawża C-665/15)
(2016/C 059/10)
Lingwa tal-kawża: il-Portugiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: P. Guerra e Andrade u J. Hottiaux, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Portugiża
Talbiet
—
tiddikjara li, billi ma abbonatx ruħha man-netwerk tal-liċenzji tas-sewqan tal-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 7(5)(d) tad-Direttiva 2006/126/KE (1).
—
tikkundanna lir-Repubblika Portugiża għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Mid-Direttiva 2006/126 u mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja tas-sewqan għandu l-obbligu li jivverifika jekk ġewx issodisfatti r-rekwiżiti minimi għall-ħruġ tal-liċenzja tas-sewqan.
Issa, jekk l-Istat Portugiż ma jkunx abbona ruħu man-netwerk ta’ liċenzji tas-sewqan tal-Unjoni Ewropea (RESPER), huwa ma jkunx jista’ jivverifika jekk ġewx issodisfatti r-rekwiżiti minimi għall-ħruġ tal-liċenzja tas-sewqan. B’mod partikolari, huwa ma jkunx jista’ jivverifika jekk il-persuna li qed titlob il-liċenzja tas-sewqan diġà għandhiex liċenzja tas-sewqan oħra fi Stat Membru ieħor.
Min-naħa l-oħra, billi ma jkunx abbonat ma’ RESPER, l-Istati Membri l-oħra ma jkunux jistgħu jivverifikaw, flimkien mal-Portugall, jekk ġewx issodisfatti r-rekwiżiti minimi għall-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan.
Barra minn hekk l-Istati Membri l-oħra ma jkunu jistgħu jwettqu ebda verifika, flimkien mal-Portugall, fir-rigward ta’ dawk il-każijiet fejn manifestament ma jkunux ġew issodisfatti r-rekwiżiti minimi għall-ħruġ tal-liċenzja tas-sewqan.
Għalhekk, billi ma abbonatx ruħha ma’ RESPER, il-Portugall iqiegħed inkwistjoni l-għan essenzjali tad-dmir ta’ abbonament u tad-Direttiva 2006/126, li hu li titjieb is-sigurtà tat-toroq, fejn b’hekk jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tal-persuni.
L-Artikolu 7(5)(d) tad-Direttiva jistabbilixxi, b’mod ċar, li l-Istati Membri għandhom jużaw in-netwerk ta’ liċenzji tas-sewqan tal-Unjoni Ewropea u dan b’mod partikolari sabiex iwettqu l-verifiki u b’mod partikolari sabiex jipprekludu li persuna jkollha iktar minn liċenzja tas-sewqan waħda.
L-Artikolu 16(2) tad-Direttiva jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom japplikaw l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva mid-19 ta’ Jannar 2013.
(1) Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar il-Liċenzji tas-Sewqan (Tfassil mill-Ġdid) (ĠU L 403, p. 18)
Full & Egal Universal Law Academy