4.4.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 118/6
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Ġermanja) fis-17 ta’ Diċembru 2015 – Asklepios Dienstleistungsgesellschaft mbH vs Vittoria Graf
(Kawża C-681/15)
(2016/C 118/07)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Bundesarbeitsgericht
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Asklepios Dienstleistungsgesellschaft mbH.
Konvenuta: Vittoria Graf
Domandi preliminari
I.
1)
L-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001 (1), jipprekludi dispożizzjoni legali nazzjonali li tipprevedi li, fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża jew ta’ negozju, il-kundizzjonijiet tax-xogħol miftiehma, skont il-prinċipju ta’ awtonomija tal-volontà f’kuntratt ta’ xogħol individwali, bejn iċ-ċedent u l-ħaddiem huma ttrasferiti mingħajr ebda bidla liċ-ċessjonarju bħallikieku dan tal-aħħar kien ftiehem huwa stess mal-ħaddiem f’kuntratt individwali, meta d-dritt nazzjonali jipprevedi, favur iċ-ċessjonarju, possibbiltajiet ta’ adattament kemm kunsenswali kif ukoll unilaterali?
2)
Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, b’mod ġenerali jew għal grupp ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol speċifiċi miftiehma fil-kuntratt ta’ xogħol individwali bejn iċ-ċedent u l-ħaddiem:
Mill-applikazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/23/KE jirriżulta li ċerti kundizzjonijiet tal-kuntratt ta’ xogħol, miftiehma skont il-prinċipju ta’ awtonomija tal-volontà bejn iċ-ċedent u l-ħaddiem, għandhom jiġu esklużi mit-trasferiment liċ-ċessjonarju mwettaq mingħajr ebda bidla u għandhom jiġu adattati sempliċiment minħabba t-trasferiment ta’ impriża jew ta’ negozju?
3)
Jekk, skont ir-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel u għat-tieni domanda, ma hemmx trasferiment mingħajr ebda bidla ta’ klawżola ta’ riferiment miftiehma f’kuntratt ta’ xogħol individwali, li abbażi tagħha ċerti regoli ta’ ftehim kollettiv huma inkorporati b’mod dinamiku fil-kuntratt ta’ xogħol skont il-prinċipju ta’ awtonomija tal-volontà:
a)
dan japplika wkoll fil-każ fejn la ċ-ċedent u lanqas iċ-ċessjonarju ma huma partijiet direttament jew indirettament fi ftehim kollettiv, jiġifieri jekk id-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettiv ma jkunux fi kwalsiasi każ ġew applikati, qabel it-trasferiment ta’ impriża jew ta’ negozju, għar-relazzjoni ta’ xogħol maċ-ċedent fl-assenza ta’ klawżola ta’ riferiment stipulata fil-kuntratt ta’ xogħol skont il-prinċipju ta’ awtonomija tal-volontà?
b)
fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din id-domanda:
dan japplika wkoll jekk iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju huma impriżi tal-istess grupp?
II.
L-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprekludi dispożizzjoni legali nazzjonali, li timplementa d-Direttivi 77/187/CEE (2) jew 2001/23/CE, li tipprevedi li, fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża jew ta’ negozju, iċ-ċessjonarju huma marbut ukoll bil-kundizzjonijiet tal-kuntratt ta’ xogħol miftiehma f’kuntratt individwali bejn iċ-ċedent u l-ħaddiem skont il-prinċipju ta’ awtonomija tal-volontà qabel it-trasferiment ta’ negozju, bħallikieku ċ-ċessjonarju kien ftiehem dwarhom huwa stess, meta dawn il-kundizzjonijiet jinkorporaw b’mod dinamiku fil-kuntratt ta’ xogħol dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ ftehim kollettiv mhux applikabbli b’mod ieħor għar-relazzjoni ta’ xogħol, sa fejn id-dritt nazzjonali jipprevedi possibbiltajiet ta’ adattament kemm kunsenswali kif ukoll unilaterali?
(1) Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98)
(2) Direttiva tal-Kunsill 77/187/KEE, tal-14 ta’ Frar 1977, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU L 61, p. 26).
Full & Egal Universal Law Academy