4.4.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 118/7
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesverwaltungsgericht Oberösterreich (l-Awstrija) fit-18 ta’ Diċembru 2015 – Online Games Handels GmbH u Frank Breuer et vs Landespolizeidirektion Oberösterreich
(Kawża C-685/15)
(2016/C 118/08)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Landesverwaltungsgericht Oberösterreich
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Online Games Handels GmbH, Frank Breuer, Nicole Enter, Astrid Walden
Awtorità konvenuta: Landespolizeidirektion Oberösterreich
Domanda preliminari
L-Artikolu 56 TFUE u l-Artikoli 49 et seq TFUE, fid-dawl tal-Artikolu 6 tal-KEDB moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fid-dawl tal-oġġettività u tal-imparzjalità li l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem teħtieġ minn qorti (ara, b’mod partikolari, il-punt 54 tas-sentenza tagħha tat-18 ta’ Mejju 2010 fil-Kawża 64962/01), dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi li l-provi li għandhom jiġu prodotti fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali amministrattivi sabiex tiġi ġġustifikata s-sistema ta’ kważi-monpolju tas-suq nazzjonali tal-logħob tal-ażżard protetta mid-dritt kriminali, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ara, b’mod partikolari, s-sentenza tagħha tat-30 ta’ April 2014, C-390/12 (1)) għandhom, l-ewwel nett, jiġu ddikjarati u delimitati b’mod totalment indipendenti kif ukoll jiġu sussegwentement investigati u evalwati b’mod awtonomu, mhux mill-awtorità ta’ prosekuzzjoni, jew korp ieħor tal-Istat inkarigat mill-prosekuzzjoni, fil-funzjoni tagħhom bħala rappreżentant tal-akkuża, iżda bil-kontra mill-qorti mitluba tagħti deċiżjoni dwar il-legalità tal-miżura tad-dritt kriminali li kontra tagħha r-rikors huwa ppreżentat, fuq inizjattiva tagħha stess u indipendentement mill-aġir tal-partijiet fil-proċedura, u li taġixxi bħala l-istess persuna/fl-eżerċizzju tal-istess funzjoni?
(1) ECLI:EU:C:2014:281 – “Pfleger”.
Full & Egal Universal Law Academy