22.2.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 68/24
Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Diċembru 2015 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-687/15)
(2016/C 068/32)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: F. Erlbacher, L. Nicolae, aġenti)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Konferenza Dinjija tar-Radjukomunikazzjoni 2015 (WRC-15) tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU) adottati fis-26 ta’ Ottubru 2015 fit-3419-il laqgħa tal-Kunsill fil-Lussemburgu;
—
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
1.
Permezz ta’ dan ir-rikors, il-Kummissjoni titlob l-annullament tal-“Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Konferenza Dinjija tar-Radjukomunikazzjoni 2015 (WRC-15) tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU)” adottati fis-26 ta’ Ottubru 2015 fit-3419-il laqgħa tal-Kunsill fil-Lussemburgu.
2.
Ir-rikors huwa bbażat fuq motiv wieħed, jiġifieri li bl-adozzjoni tal-Konklużjonijiet dwar il-Konferenza Dinjija tar-Radjukomunikazzjoni 2015 (WRC-15) tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU) minflok deċiżjoni kif ipproponiet il-Kummissjoni, il-Kunsill kiser l-Artikolu 218(9) TFUE li japplika għall-adozzjoni tal-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-WRC-15.
3.
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li l-Artikolu 218(9) TFUE huwa applikabbli għall-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fejn l-Unjoni Ewropea għandha status fl-organizzazzjoni internazzjonali kkonċernata, jiġifieri dak ta’ membru ta’ settur li, skont l-Artikolu 3(2) tal-Kostituzzjoni tal-ITU, jagħti lill-Unjoni Ewropea ċerti drittijiet ta’ parteċipazzjoni fl-attivitajiet tal-organizzazzjoni.
4.
It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li r-reviżjonijiet tar-Regolamenti tar-Radju li għalihom il-Kummissjoni pproponiet l-adozzjoni ta’ pożizzjoni li għandha tittieħed skont l-Artikolu 218(9) TFUE jipproduċu effetti legali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni kemm skont il-qafas ġuridiku internazzjonali applikabbli kif ukoll skont ir-regoli rilevanti tal-Unjoni.
5.
It-tielet nett, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet l-oħra għall-applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) TFUE, il-Kummissjoni ssostni li dawn huma wkoll issodisfatti f’dan il-każ peress li l-korpi tal-ITU huma sede “stabbilita fi ftehim” u l-atti li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni pproponiet l-adozzjoni ta’ pożizzjoni li għandha tittieħed “[ma jissupplimentawx] jew [ma jemendawx] il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”.
Full & Egal Universal Law Academy