21.3.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 106/20
Appell ippreżentat fis-17 ta’ Diċembru 2015 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fis-7 ta’ Ottubru 2015 fil-Kawża T-689/13, Bilbaína de Alquitranes et vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-691/15 P)
(2016/C 106/21)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: P.J. Loewenthal, K. Talabér-Ritz, aġenti)
Partijiet oħra fil-proċedura: Bilbaína de Alquitranes, SA, Deza, a.s., Industrial Química del Nalón, SA, Koppers Denmark A/S, Koppers UK Ltd, Koppers Netherlands BV, Rütgers basic aromatics GmbH, Rütgers Belgium NV, Rütgers Poland Sp. z o.o., Bawtry Carbon International Ltd, Grupo Ferroatlántica, SA, SGL Carbon GmbH, SGL Carbon GmbH, SGL Carbon, SGL Carbon, SA, SGL Carbon Polska S.A., ThyssenKrupp Steel Europe AG, Tokai erftcarbon GmbH, European Chemicals Agency (ECHA), GrafTech Iberica, SL
Talbiet
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (il-Ħames Awla) tas-7 ta’ Ottubru 2015 fil-Kawża T-689/13 Bilbaína de Alquitranes et vs Il-Kummissjoni EU:T:2015:767;
—
tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għall-apprezzament tagħha; u
—
tirriżerva l-ispejjeż tal-proċeduri odjerni.
Aggravji u argumenti prinċipali
Fis-sentenza kkontestata, il-Qorti Ġenerali annullat parzjalment ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 944/2013 (1), tat-2 ta’ Ottubru 2013, li jemenda, għall-finijiet tal-adattament tiegħu għall-progress tekniku u xjentifiku, ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet.
Il-Kummissjoni tinvoka tliet aggravji insostenn tal-appell tagħha tas-sentenza appellata.
Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tallega li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 36 u 53(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi, meta kklassifikat is-sustanza żift, qatran tal-faħam, temperatura għolja (CTPHT) abbażi tal-kostitwenti tagħha għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-periklu permezz tal-metodu tal-addizzjoni, hija naqset milli tosserva l-obbligu tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi u ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha biex b’hekk tieħu kont tal-proporzjon ta’ preżenza ta’ dawn il-kostitwenti fis-CTPHT u l-effetti kimiċi tagħhom, b’mod partikolari l-kapaċità baxxa tas-CTPHT li tinħall fl-assjem tagħha. Madankollu. ma huwiex ċar mis-sentenza appellata, jekk il-Qorti Ġenerali annullatx parzjalment ir-regolament inkwistjoni għal din ir-raġuni peress li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta applikat il-metodu ta’ addizzjoni għall-finijiet tal-klassifikazzjoni, u kellha minflok tapplika metodu ieħor ta’ klassifikazzjoni, jew minħabba li l-Kummissjoni applikat il-metodu ta’ addizzjoni b’mod żbaljat.
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tallega li l-Qorti Ġenerali kisret ir-Regolament CLP meta kkonkludiet li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi adottat il-klassifikazzjoni kkontestata mingħajr ma kkunsidrat il-kapaċità, tas-sustanza fl-assjem tagħha, li tinħall. L-ewwel parti ta’ dan l-aggravju huwa bbażat fuq il-preżunzjoni li l-Qorti Ġenerali annullat parzjalment ir-regolament inkwistjoni peress li kkunsidrat li l-Kummissjoni żbaljat meta applikat il-metodu ta’ addizzjoni sabiex tikklassifika is-CTPHT bħala perikoluża għall-ambjent akkwatiku, f’liema każ il-Qorti Ġenerali kisret ir-Regolament CLP peress li d-data tat-test disponibbli fuq is-CTPHT ġiet meqjusa inadegwata sabiex tikklassifika s-sustanza direttament taħt ir-Regolament CLP. Dan, flimkien mal-fatt li ma setgħux jiġu applikati prinċipji ta’ tqarrib, kienu jorbtu lill-Kummissjoni li tuża il-metodu ta’ addizzjoni f’dan il-każ. It-tieni parti ta’ dan l-aggravju hija bbażata fuq il-preżunzjoni li l-Qorti Ġenerali annullat parzjalment ir-regolament inkwistjoni peress li kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet applikat b’mod żbaljat il-metodu ta’ addizzjoni, f’liema każ il-Qorti Ġenerali kisret ir-Regolament CLP peress li dan ir-regolament ma jirrikjedix li fl-applikazzjoni ta’ dan il-metodu għandha tiġi kkunsidrata l-kapaċità, tas-sustanza fl-assjem tagħha, li tinħall.
Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni billi eċċediet il-limiti tal-istħarriġ tal-legalità tar-regolament ikkontestat u żnaturat il-provi li abbażi tagħhom ġie adottat ir-regolament inkwistjoni.
(1) ĠU L 261, p. 5
Full & Egal Universal Law Academy