29.2.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 78/9
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (ir-Renju Unit) fl-24 ta’ Diċembru 2015 – Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs vs Brockenhurst College
(Kawża C-699/15)
(2016/C 078/10)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Qorti tar-rinviju
Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division)
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs
Konvenut: Brockenhurst College
Domandi preliminari
1)
Skont l-Artikolu 132(1)(i) tad-Direttiva tal-VAT (1), il-provvista, bi ħlas, ta’ servizzi ta’ ristorazzjoni u ta’ divertiment minn stabbiliment ta’ tagħlim lil membri tal-pubbliku (li ma humiex id-destinatarji tas-servizz prinċipali ta’ tagħlim) hija “marbuta mill-qrib” mat-tagħlim meta t-twettiq ta’ dawn is-servizzi jkun iffaċilitat mill-istudenti (li huma d-destinatarji tas-servizz prinċipali ta’ tagħlim) fil-kuntest tat-taħriġ tagħhom u bħala parti integrali minn dan it-taħriġ?
2)
Biex jiġi ddeterminat jekk il-provvisti ta’ servizzi ta’ ristorazzjoni u ta’ divertiment jidħlux taħt l-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 132(1)(i) tad-Direttiva tal-VAT bħala servizzi “marbuta mill-qrib” mat-tagħlim,
a)
huwa rilevanti l-fatt li l-istudenti jiksbu vantaġġ mill-involviment fil-preparazzjoni tas-servizzi inkwistjoni u mhux mis-suġġett ta’ dawn is-servizzi?
b)
huwa rilevanti l-fatt li dawn is-servizzi ma huma la riċevuti u lanqas ikkunsmati direttament jew indirettament mill-istudenti iżda huma riċevuti u kkunsmati mill-membri tal-pubbliku li jħallsu għal dawn is-servizzi u li ma humiex destinatarji tas-servizz prinċipali ta’ tagħlim?
c)
huwa rilevanti l-fatt li mill-perspettiva tal-konsumatur medju tas-servizzi inkwistjoni (jiġifieri l-membri tal-pubbliku li jħallsu l-prezz għalihom) dawn is-servizzi ma jirrappreżentawx mezz sabiex jibbenefikaw fl-aħjar kundizzjonijiet minn servizz ieħor iżda jikkostitwixxu għan fihom infushom?
d)
huwa rilevanti l-fatt li mill-perspettiva tal-istudenti, is-servizzi inkwistjoni ma jikkostitwux għan fihom infushom, iżda li l-parteċipazzjoni fil-preparazzjoni ta’ dawn is-servizzi tikkostitwixxi mezz sabiex jibbenefikaw minn kundizzjonijiet aħjar tas-servizz prinċipali ta’ tagħlim?
e)
sa fejn għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ newtralità fiskali?
(1) Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006 L 347, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy