DIGRIET TAL-VIĊI PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA
5 ta’ Ġunju 2015 ( *1 )
“Appell — Digriet ta’ miżuri provviżorji — Kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet — Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1268/2012 — Sejħa għal offerti dwar il-kostruzzjoni ta’ impjant għal tliet tipi ta’ ġenerazzjoni mgħammar b’turbina tal-gass u l-manutenzjoni relatata — Offerta emendata wara l-ftuħ tal-offerti — Ċaħda tal-offerta tar-rikorrenti — Inammissibbiltà — Żball ta’ liġi — Assenza”
Fil-Kawża C‑49/15 P(R),
li għandha bħala suġġett appell skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-6 ta’ Frar 2015,
STC SpA, stabbilita f’Forlì (l-Italja), irrappreżentata minn A. Marelli u G. Delucca, avukati,
appellanti,
il-partijiet l-oħra fil-proċedura huma:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Cappelletti, L. Di Paolo u F. Moro, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
CPL Concordia Soc. coop., stabbilita f’Concordia Sulla Secchia (l‑Italja), irrappreżentata minn A. Penta, avukat,
intervenjenti fl-ewwel istanza,
IL-VIĊI PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,
wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali M. Wathelet,
jagħti l-preżenti
Digriet
1
Permezz tal-appell tagħha, STC SpA (iktar ’il quddiem “STC”) qiegħda titlob l-annullament tad-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, STC vs Il-Kummissjoni (T‑355/14 R, EU:T:2014:1046, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”), li permezz tiegħu l-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba tagħha għal miżuri provviżorji dwar diversi deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea li jirrigwardaw il-proċedura ta’ sejħa għal offerti JRC IPR 2013 C04 0031 OC, dwar il-kostruzzjoni ta’ impjant għal tliet tipi ta’ ġenerazzjoni mgħammar b’turbina tal-gass u l-manutenzjoni tiegħu fis-sit taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (ĊKR) f’Ispra (ĠU 2013/S 137-237146).
Il-kuntest ġuridiku
2
L-Artikolu 112 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, p. 1), intitolat “Prinċipji ta’ trattament ugwali u trasparenza”, huwa fformulat kif ġej:
“1. Waqt li l-proċedura tal-aġġudikazzjoni tkun għaddejja, il-kuntatti kollha bejn l-awtorità kontraenti u l-kandidati jew l-offerenti għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet li jassiguraw trasparenza u trattament ugwali. Dawn ma għandhomx iwasslu għal emendar tal-kundizzjonijiet tal-kuntratt jew tat-termini tal-offerta oriġinali.
2. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 210 rigward ir-regoli dettaljati dwar il-prinċipji ta’ trattament ugwali u trasparenza. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 210 rigward il-kuntatt li hu permess bejn l-awtoritajiet kontraenti u l-offerenti tul l-iżvolġiment tal-proċedura tal-aġġudikazzjoni tal-kuntratt, ir-rekwiżiti minimi għar-reġistrazzjoni bil-miktub ta’ evalwazzjoni u d-dettalji minimi tad-deċiżjoni meħuda mill-awtoità kontraenti.”
3
L-Artikolu 160 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012, tad-29 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 966/2012 (ĠU L 362, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Delega”), intitolat “Kuntatti bejn l-awtoritajiet kontraenti u l-offerenti”, jipprovdi:
“1. Bħala eċċezzjoni, jista’ jsir kuntatt bejn l-awtorità kontraenti u l-offerenti matul il-proċedura tal-għoti tal-kuntratti, fil-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3.
[...]
3. Jekk, wara li jinfetħu l-offerti, tkun meħtieġa xi kjarifika b’rabta ma’ offerta, jew jekk ikunu jridu jiġu rranġati żbalji klerikali ovvji fl-offerta, l-awtorità kontraenti tista’ tikkuntattja lill-offerenti, għalkemm tali kuntatt jista’ ma jwassal [ma jista’ jwassal] għall-ebda bidla fit-termini tal-offerta.
[...]”
Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura quddiem l-Imħallef għal miżuri provviżorji u d-digriet appellat
4
Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti fil-qosor fil-punti 1 sa 6 tad-digriet appellat fit-termini segwenti:
“1
Fis-17 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sejħa għal offerti skont il-proċedura miftuħa bir-referenza JRC IPR 2013 C04 0031 OC li kienet tirrigwarda l-kostruzzjoni ta’ impjant għal tliet tipi ta’ ġenerazzjoni mgħammar b’turbina tal-gass u l-manutenzjoni tiegħu fis-sit taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (ĊKR) f’Ispra (l-Italja). It-terminu għar-riċezzjoni tal-offerti u d-data tal-ftuħ tal-offerti ġew iffissati, wara rettifika ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali, bħala, rispettivament, il-15 u l-21 ta’ Novembru 2013. Id-dokument intitolat ‘Anness amministrattiv’ li kien jinsab fl-istedina għall-preżentata ta’ offerti kien jippreċiża li l-attribuzzjoni tal-kuntratt kienet ser tkun ibbażata fuq l-iktar offerta ekonomikament vantaġġuża ddeterminata fuq il-bażi tan-nefqa totali tagħha u tal-kwalità teknika tagħha, li nota massima ta’ 80 punt setgħet tingħata għan-nefqa totali tal-offerta u li nota massima ta’ 20 punt setgħet tingħata għall-kwalità teknika tal-offerta.
2
Fl-10 ta’ Settembru 2013 inżammet laqgħat ta’ informazzjoni fis-sit taċ-ĊKR f’Ispra. Fil-kuntest ta’ tweġiba għal mistoqsija magħmula matul il-laqgħa, ġie indikat żball fid-dokument ‘Offerta tal-kontraenti’, fil-linja 2.31, li kien jirrigwarda l-prestazzjoni ‘Manutenzjoni – MANUTENZJONI SĦIĦA tal-inġenji ġeneraturi b’turbina għal żmien ta’ 24 xahar mid-data tal-kunsinna tal-impjant’, li fir-rigward tagħha l-kwantità mitluba kienet ta’ tnejn minflok ta’ erbgħa. Fis-17 ta’ Settembru 2013, il-fajl li kien jinkludi l-imsemmi dokument kien ippubblikat mill-ġdid, fil-verżjoni kkoreġuta tiegħu, fis-sit internet taċ-ĊKR. Peress li, wara l-laqgħa, kien ġie kkonstatat li kien hemm żball ieħor f’dan l-istess dokument, fil-linja 2.18, dwar il-prestazzjoni ‘Installazzjonijiet elettriċi ta’ provvista servizzi ta’ impjant tal-1 lott (MMC u provvista tal-apparat kollu tal-impjant)’, li l-kwantità mitluba tagħha kienet ta’ wieħed minflok ta’ tnejn, il-fajl li kien jinkludi d-dokument ‘Offerta tal-kontraenti’ kien ippubblikat mill-ġdid fis-sit internet taċ-ĊKR fid-9 ta’ Ottubru 2013.
3
L-offerta ta’ [STC], ippreżentata fil-15 ta’ Novembru 2013, kienet tinkludi ’l-ewwel offerta’ kif ukoll żewġ ‘offerti alternattivi’. Il-kumitat ta’ evalwazzjoni tal-offerti warrab iż-żewġ offerti alternattivi minħabba li ma kinux konformi mal-ispeċifikazzjonijiet previsti fl-inkartament tas-sejħa għal offerti. Fir-rigward tal-ewwel offerta, dan il-kumitat ikkonstata li l-offerta teknika ta’ [STC] ma kinitx tinkludi deskrizzjoni ġenerali ddettaljata kif mitlub fil-Kapitolu 12 tal-ispeċifikazzjoni tekniċi tas-sejħa għal offerti u li [STC] kienet ifformulat l-offerta ekonomika tagħha fuq verżjoni mhux aġġornata tad-dokument ‘Offerta tal-kontraent’. Fit-30 ta’ Jannar 2014, il-Kummissjoni bagħtet ittra lil [STC] fejn talbitha tipprovdi deskrizzjoni ġenerali ddettaljata, kif meħtieġ fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi. Fir-rigward tal-offerta ekonomika, hija bagħtet lil [STC], bħala anness, id-dokument ‘Offerta tal-kontraenti’ kkoreġut, fejn ħadet il-prezzijiet unitarji proposti minn [STC] u applikathom għall-kwantitajiet mitluba, kif ikkoreġuti fid-9 ta’ Ottubru 2013. Hija talbet lil [STC] tikkonferma l-kalkoli li jirriżultaw mit-traspożizzjoni tal-prezzijiet unitarji proposti fid-dokument ‘Offerta tal-kontraenti’ kkoreġut.
4
Fis-7 ta’ Frar 2014 [STC] wieġbet permezz ta’ ittra elettronika. Peress li l-kumitat ta’ evalwazzjoni tal-offerti qies li t-tweġibiet mogħtija ma kinux konformi mal-aspettattivi tiegħu, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tat-3 ta’ April 2014, informat lil [STC] li l-offerta tagħha kienet is-suġġett ta’ evalwazzjoni negattiva. Permezz ta’ din l-istess ittra, [STC] kienet informata dwar l-isem tal-offerenti li lilha ngħata l-kuntratt, jiġifieri [CPL Concordia Soc. coop., iktar ’il quddiem ‘CPL Concordia’], dwar in-numru ta’ punti li kienet kisbet u dwar il-possibbiltà li tikseb informazzjoni dwar il-karatteristiċi u l-vantaġġi tal-offerta magħżula.
5
Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ April 2014, [STC] ikkontestat l-evalwazzjoni tal-kumitat ta’ evalwazzjoni tal-offerti kemm fir-rigward tal-offerta teknika tagħha u kemm fir-rigward tal-offerta ekonomika tagħha. Hija talbet ukoll aċċess għall-atti tal-ħatra tal-kumitat ta’ evalwazzjoni tal-offerti, għall-minuti tal-laqgħat ta’ evalwazzjoni, għat-talbiet sabiex jiġu ‘kkompletati’ jew ‘iċċarati’ dokumenti ta’ sostenn u għat-tweġibiet korrispondenti, għall-klassifikazzjoni ta’ attribuzzjoni u għan-noti attribwiti lil kull waħda mill-impriżi li kienet ippreżentat offerta, flimkien mar-raġunijiet ta’ esklużjoni u ta’ selezzjoni korrispondenti.
6
Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ April 2014, il-Kummissjoni fakkret lil [STC] l-isem tal-offerenti li lilha ngħata l-kuntratt, indikat in-noti komparattivi u l-karatteristiċi tal-offerta ta’ [CPL Concordia] minn aspett tekniku u ekonomiku u bagħtitilha estratt mir-rapport tal-kumitat ta’ evalwazzjoni tal-offerti.”
5
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Mejju 2014, STC ippreżentat rikors intiż, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tat-3 ta’ April 2014 li permezz tagħha l-Kummissjoni ċaħdet l-offerta li hija kienet ippreżentat fil-kuntest tas-sejħa għal offerti JRC IPR 2013 C04 0031 OC, tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni attribwixxiet il-kuntratt lil CPL Concordia, ta’ kull att ieħor relatat, preċedenti jew sussegwenti, inkluża l-eventwali deċiżjoni li tapprova l-kuntratt, u tal-kuntratt stess, kif ukoll id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad it-talba għal aċċess għad-dokumenti tas-sejħa għal offerti (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“deċiżjonijiet kontenzjużi”), u, min-naħa l-oħra, għall-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tirrevoka l-attribuzzjoni u sabiex tfassal u tadotta kull att meħtieġ sabiex tingħata l-kuntratt jew, sussidjarjament, jekk id-dannu ma jkunx jista’ jiġi rrimedjat, sabiex tikkumpensa d-danni mġarrba.
6
Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, STC ressqet talba għal miżuri provviżorji fejn talbet, essenzjalment, li l-President tal-Qorti Ġenerali:
—
jordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi;
—
jippermetti l-eżerċizzju sħiħ tad-dritt tagħha għal aċċess għad-dokumenti tas-sejħa għal offerti permezz ta’ miżura provviżorja adegwata, u
—
jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
7
Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-imsemmija talba, il-Kummissjoni essenzjalment talbet lill-President tal-Qorti Ġenerali jiċħad it-talba għal miżuri provviżorji bħala parzjalment inammissibbli u kompletament infondata, kif ukoll li jirriżerva l-ispejjeż. Permezz ta’ digriet tat-2 ta’ Settembru 2014, il-President tal-Qorti Ġenerali laqa’ l-intervent ta’ CPL Concordia insostenn tal-Kummissjoni.
8
Fit-8 ta’ Diċembru 2014, permezz tad-digriet appellat, il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji minħabba li l-kundizzjoni marbuta mal-fumus boni juris ma kinitx issodisfata fil-każ ineżami. Wara li analizza, fil-punti 20 sa 31 tad-digriet appellat, it-tieni motiv ta’ annullament dwar l-offerta ekonomika ppreżentata minn STC, il-President tal-Qorti Ġenerali ddeċieda, fil-punt 32 tal-istess digriet, li ma kienx neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-motivi ta’ annullament l-oħra peress li, prima facie, kien jidher li l-offerta ta’ STC kienet ġiet miċħuda ġustament, b’tali mod li dawn il-motivi l-oħra ma setgħux jistabbilixxu l-eżistenza ta’ fumus boni juris.
It-talbiet tal-partijiet
9
STC titlob, essenzjalment, li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla d-digriet appellat;
—
tissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
10
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tiċħad l-appell bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat;
—
sussidjarjament, tiċħad it-talba għal miżuri provviżorji, u
—
tikkundanna lil STC għall-ispejjeż sostnuti fil-kuntest tal-appell kif ukoll fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.
11
CPL Concordia titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tiċħad l-appell bħala manifestament inammissibbli u manifestament infondat;
—
tikkonferma d-digriet appellat kif ukoll id-deċiżjonijiet kontenzjużi, u
—
tikkundanna lil STC għall-ispejjeż.
Fuq l-appell
12
Insostenn tal-appell tagħha, STC tinvoka tliet aggravji. Kull wieħed minn dawn it-tliet aggravji jindirizza l-konklużjoni magħmula mill-President tal-Qorti Ġenerali fil-punt 31 tad-digriet appellat, fis-sens li t-tieni motiv ta’ annullament imressaq fl-ewwel istanza, dwar l-offerta ekonomika magħmula minn STC, ma jippermettix li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ fumis boni juris.
13
Barra minn hekk, STC issostni li l-appell tagħha jikkonċerna wkoll il-punti 32 sa 35 tad-digriet appellat, li fihom il-President tal-Qorti Ġenerali espona r-raġunijiet għaliex fil-fehma tiegħu, peress li kienet eskluża l-eżistenza ta’ fumus boni juris ibbażat fuq it-tieni motiv ta’ annullament, ma kienx meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar il-motivi l-oħra mqajma, jiġifieri l-ewwel u t-tielet motivi ta’ annullament, u lanqas dwar l-argumenti ta’ STC dwar l-urġenza u l-ibbilanċjar tal-interessi.
14
Fl-ewwel lok, għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà ta’ dawn l-argumenti u, fit-tieni lok, għandhom jiġu eżaminati t-tliet aggravji flimkien.
Fuq l-ammissibbiltà tal-argumenti dwar l-urġenza u l-ibbilanċjar tal-interessi, kif ukoll dwar iċ-ċaħda tal-argumenti li jirrigwardaw il-fumus boni juris relatat mal-ewwel u mat-tielet motivi ta ’ annullament imressqa fl-ewwel istanza
15
L-Artikolu 104(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprovdi li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jispeċifikaw “is-suġġett tal-kawża, iċ-ċirkustanzi li jitolbu l-urġenza kif ukoll ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt li jiġġustifikaw prima facie l-adozzjoni tal-miżura provviżorja li tiġi mitluba”. B’hekk, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni u l-miżuri provviżorji l-oħra jistgħu jiġu ordnati mill-Imħallef għal miżuri provviżorji jekk jiġi stabbilit li l-adozzjoni tagħhom hija prima facie ġġustifikata fil-fatt u fil-liġi (fumus boni juris) u li huma urġenti, fis-sens li, sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tal-parti li tkun qiegħda titlobhom, ikun neċessarju li dawn il-miżuri jiġu adottati u jipproduċu l-effetti tagħhom sa minn qabel id-deċiżjoni fil-mertu dwar ir-rikors. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, b’tali mod li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jiġu miċħuda meta waħda minnhom ma tkunx issodisfatta. L-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jwettaq ukoll, jekk ikun il-każ, ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni [digriet Il-Kummissjoni vs Pilkington Group, C‑278/13 P(R), EU:C:2013:558, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata].
16
Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, inkonformità mal-Artikolu 256(1) TFUE, mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mal-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, appell għandu jindika b’mod preċiż il-punti kkritikati tas-sentenza jew tad-digriet li jkun qiegħed jintalab l-annullament tagħhom, kif ukoll l-argumenti legali li jissostanzjaw speċifikament din it-talba. Dan ir-rekwiżit ma jkunx issodisfatt minn appell li, mingħajr lanqas ma jinkludi argumenti intiżi speċifikament li jidentifikaw l-iżball ta’ liġi li bih tkun allegatament ivvizzjata s-sentenza appellata, sempliċement jirriproduċi l-motivi u l-argumenti li jkunu diġà ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, tali appell jikkostitwixxi fil-verità talba intiża sabiex jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, liema eżami ma jaqax fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja [digriet Goldstein vs Il-Kummissjoni, C‑148/96 P(R), EU:C:1996:307, punti 23 u 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll is-sentenza Nordspedizionieri di Danielis Livio et vs Il-Kummissjoni, C‑62/05 P, EU:C:2007:607, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata].
17
Mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 15 ta’ dan id-digriet jirriżulta li l-President tal-Qorti Ġenerali kkunsidra ġustament, fil-punt 35 tad-digriet appellat, li kien hemm lok li tiġi miċħuda t-talba għal miżuri provviżorji mingħajr ma jiġu eżaminati l-kwistjonijiet marbuta mal-urġenza u mal-ibbilanċjar tal-interessi peress li l-kundizzjoni dwar il-fumus boni juri ma kinitx issodisfatta. Barra minn hekk, sa fejn STC irrepetiet, fil-kuntest tal-appell tagħha, l-argumenti li hija ressqet fl-ewwel istanza dwar dawn il-kwistjonijiet, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, inkonformità mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 16 ta’ dan id-digriet.
18
Fir-rigward taċ-ċaħda tal-argumenti dwar il-fumus boni juris li jikkonċernaw l-ewwel u t-tielet motivi ta’ annullament imqajma quddiem il-Qorti Ġenerali, STC tosserva, fl-appell tagħha, li l-“Qorti Ġenerali tqis li l-allegat nuqqas ta’ fumus boni juris jiddispensaha milli tiddeċiedi dwar il-motivi ta’ annullament l-oħra mqajma”. B’dan premess, hija ssostni li hija “ma hijiex qiegħda tirrinunzja għal dawn il-motivi ta’ annullament u qiegħda tinsisti fuqhom sabiex tikkontesta d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li ma teżaminahomx” u “titlob li dawn l-argumenti jintlaqgħu mill-Imħallef għal miżuri provviżorji jew, jekk ikun il-każ, mill-Qorti tal-Ġustizzja stess jew, wara li l-kawża tintbagħat lura, mill-Qorti Ġenerali”. F’dan ir-rigward, STC tfakkar espliċitament l-argumenti tagħha mressqa fl-ewwel istanza insostenn tal-imsemmija motivi.
19
Għandu jiġi osservat, qabel kollox, li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni STC, il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad l-argumenti dwar il-fumus boni juris li jikkonċernaw l-ewwel u t-tielet motivi mqajma quddiem dik il-qorti.
20
Huwa minnu li l-President tal-Qorti Ġenerali ma eżaminax dawn l-argumenti fil-mertu iżda madankollu indika, fil-punt 32 tad-digriet appellat, ir-raġuni għaliex tali eżami ma kienx neċessarju meta ddeċieda li, “peress li l-offerta ta’ [STC] kienet, prima facie, miċħuda, ġustament, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli, jidher li huwa eskluż li l-eżami tal-motivi l-oħra jista’ jiżvela l-eżistenza ta’ fumus boni juris”.
21
Issa, billi fl-appell tagħha indikat sempliċement li qiegħda tikkontesta l-punti rilevanti tad-digriet appellat u ma hijiex qiegħda tirrinunzja għall-motivi tagħha ppreżentati fl-ewwel istanza, u billi sempliċement irrepetiet l-argumenti li hija ressqet quddiem il-Qorti Ġenerali, STC ma qiegħda tressaq ebda aggravju jew argument li jistgħu jdaħħlu inkwistjoni ċ-ċaħda mill-President tal-Qorti Ġenerali tal-argumenti dwar il-fumus boni juris li jikkonċernaw l-ewwel u t-tielet motivi ta’ annullament imqajma quddiem dik il-qorti. Fil-fatt, fl-appell tagħha, STC ma tesponix ir-raġunijiet għaliex il-President tal-Qorti Ġenerali allegatament wettaq illegalità meta qies li ċ-ċaħda tal-argumenti li jirrigwardaw it-tieni motiv ta’ annullament kienet suffiċjenti sabiex isservi ta’ bażi għaċ-ċaħda tal-argumenti analogi li jirrigwardaw dawn iż-żewġ motivi l-oħra.
22
F’dawn iċ-ċirkustanzi, inkonformità mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 16 ta’ dan id-digriet, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.
Fuq it-tliet aggravji
L-argumenti tal-partijiet
23
L-ewwel aggravju huwa essenzjalment ibbażat fuq żnaturament tal-fatti fir-rigward tal-importanza tal-iżball materjali manifest li minnu hija affettwata l-offerta ekonomika ta’ STC kif ukoll fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, mill-President tal-Qorti Ġenerali, ta’ eċċess ta’ poter imwettaq mill-Kummissjoni. Skont STC, l-iżball materjali li minnu hija affettwata l-offerta tagħha ma jikkonċernax il-prezzijiet unitarji iżda l-kwantitajiet meħtieġa ta’ ċerti prestazzjonijiet, peress li hija kienet ippreżentat l-offerta tagħha fuq il-bażi ta’ verżjoni li ma kinitx għadha applikabbli tad-dokument intitolat “Offerta tal-kontraenti”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-unika korrezzjoni li kienet possibbli kienet li tiġi mistiedna tindika hija stess il-prezzijiet unitarji li kienet qiegħda tipproponi fir-rigward tal-kwantitajiet il-ġodda. Ma kienx il-kompitu tal-Kummissjoni li timla d-dokument “Offerta tal-kontraenti” minflok STC u li b’hekk tintervjeni fid-determinazzjoni tan-nefqa totali tal-offerta.
24
It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-President tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-fatt li l-offerent, u mhux l-awtorità kontraenti, għandu d-dritt li jemenda l-offerta ekonomika tal-offerent sabiex jiġi kkoreġut żball materjali manifest li minnu tkun affettwata l-offerta. Fid-dawl tal-emenda mill-Kummissjoni tal-kwantitajiet meħtieġa, STC kien imissha kellha l-opportunità tindika prezz unitarju ġdid fuq il-bażi ta’ dawn il-kwantitajiet. Skont STC, il-prezzijiet unitarji proposti jorbtu lill-offerent biss fir-rigward tal-kwantitajiet indikati fl-offerta u hija tenfasizza li hija n-nefqa totali tal-offerta li tiddetermina n-numru ta’ punti attribwiti fir-rigward tal-offerta ekonomika.
25
It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-President tal-Qorti Ġenerali sa fejn iddeċieda li l-emenda minn STC tal-prezzijiet unitarji ppreżentati fl-offerta tagħha, sussegwentement għal emenda tal-kwantitajiet meħtieġa ta’ ċerti prestazzjonijiet, kienet illegali.
26
Il-Kummissjoni, sostnuta minn CPL Concordia, issostni li t-tliet aggravji huma inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondati.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
27
Għandu jitfakkar, preliminarjament, kif osserva l-President tal-Qorti Ġenerali fil-punt 23 tad-digriet appellat, li l-Artikolu 160(3) tar-Regolament ta’ Delega jawtorizza l-korrezzjoni ta’ żbalji materjali manifesti fir-redazzjoni ta’ offerta matul il-fażi tal-proċedura sussegwenti għall-ftuħ tal-offerti esklużivament fuq l-inizjattiva tal-awtorità kontraenti u sa fejn dan il-kuntatt ma jwassalx għal bidla fit-termini tal-offerta. Din id-dispożizzjoni ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 112 tar-Regolament Nru 966/2012, li l-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi, b’mod partikolari, li tali kuntatti għandhom jinżammu f’kundizzjonijiet li jiggarantixxu t-trasparenza u l-ugwaljanza fit-trattament.
28
B’hekk, l-għan tal-Artikolu 160(3) tar-Regolament ta’ Delega huwa li jippermetti l-korrezzjoni tal-iżbalji materjali mwettqa mill-offerenti fir-redazzjoni tal-offerti tagħhom, filwaqt li jiġi evitat li kuntatt bejn l-awtorità kontraenti u offerent sabiex jiġi kkoreġut tali żball materjali ma jagħtix vantaġġ lil dan tal-aħħar billi jippermettilu jibdel din l-offerta f’punt meta l-offerenti l-oħra ma jkunx għad għandhom din il-possibbiltà.
29
Fil-kawża ineżami, huwa paċifiku li l-Kummissjoni, permezz tal-ittra tagħha tat-30 ta’ Jannar 2014, stiednet lil STC sabiex tikkoreġi l-offerta tagħha, skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar, li għaliha barra minn hekk sar riferiment.
30
Huwa wkoll paċifiku li kien hemm żewġ żbalji fid-dokument “Offerta tal-kontraenti”, inizjalment ippubblikat fis-17 ta’ Lulju 2013, fil-linji 2.18 u 2.31, fir-rigward tal-kwantitajiet meħtieġa ta’ ċerti prestazzjonijiet. STC issostni, b’mod partikolari, li hija kien imissha ngħatat il-possibbiltà li temenda, fit-tweġiba tagħha għall-ittra tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Jannar 2014, il-prezzijiet unitarji proposti fl-offerta inizjali tagħha, ippreżentata fil-15 ta’ Novembru 2013, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn l-iżbalji.
31
Madankollu, fil-punt 2 tad-digriet appellat ġie kkonstatat, u dan lanqas ma ġie kkontestat minn STC, li verżjoni kkoreġuta tal-fajl bid-dokument “Offerta tal-kontraenti” kienet ġiet ippubblikata fis-sit internet taċ-ĊKR fid-9 ta’ Ottubru 2013, jiġifieri iktar minn xahar qabel il-15 ta’ Novembru 2013, id-data sa meta kellhom jiġu ppreżentati l-offerti u d-data meta STC effettivament ippreżentat l-offerta tagħha.
32
Għaldaqstant, l-iżbalji materjali li kellhom jiġu kkoreġuti minn STC bi tweġiba għall-ittra tat-30 ta’ Jannar 2014 ma kinux, bħala tali, l-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni fir-redazzjoni inizjali tas-sejħa għal offerti, li kienu ġew ikkoreġuti fil-ħin. Mill-fatti kkonstatati fid-digriet appellat fuq il-bażi tal-elementi fil-proċess, u b’mod partikolari fil-punti 2, 3 u 24 tiegħu, jirriżulta li l-iżbalji li kellhom jiġu kkoreġuti kienu jirriżultaw pjuttost mill-fatt li STC ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni, fl-offerta tagħha ppreżentata fil-15 ta’ Novembru 2013, l-emendi magħmula, fid-9 ta’ Ottubru 2013, fir-rigward tal-kwantitajiet meħtieġa għall-manutenzjoni u għall-installazzjonijiet elettroniċi ta’ provvista.
33
Kif il-President tal-Qorti Ġenerali osserva ġustament fil-punt 24 tad-digriet appellat, STC għalhekk wettqet żbalji materjali fir-redazzjoni tal-offerta tagħha, fis-sens tal-Artikolu 160(3) tar-Regolament ta’ Delega, sa fejn użat il-kwantitajiet żbaljati ta’ dawn il-prestazzjonijiet indikati fis-sejħa għal offerti ppubblikata inizjalment.
34
Huwa minnu li, kif issostni STC, dawn l-iżbalji kienu jirrigwardaw il-kwantitajiet meħtieġa tal-imsemmija prestazzjonijiet u mhux il-prezzijiet unitarji proposti bħala tali. Madankollu, kif osserva ġustament il-President tal-Qorti Ġenerali fil-punti 25 sa 27 tad-digriet appellat, l-imsemmija żbalji xorta waħda kellhom impatt dirett fuq l-offerta ekonomika ta’ STC sa fejn affettwaw il-kalkolu tal-ammont totali tal-offerta fuq il-bażi ta’ dawn il-prezzijiet.
35
Peress li l-President tal-Qorti Ġenerali, filwaqt li osserva li l-iżbalji li kellhom jiġu kkoreġuti, li ma twettqux mill-awtorità kontraenti iżda mill-offerenti, kienu jirrigwardaw il-kwantitajiet meħtieġa ta’ ċerti prestazzjonijiet, identifika b’mod korrett l-impatt tagħhom fuq in-nefqa totali tal-offerta, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti ta’ STC, imressqa fil-kuntest tal-ewwel aggravju tagħha u bbażati fuq żnaturament tal-fatti fir-rigward tal-importanza tal-iżbalji materjali manifesti li kienet affettwata minnhom l-offerta ekonomika tagħha.
36
Fil-fatt, dawn l-argumenti ma jippermettux li jiġi konkluż li l-imsemmija żbalji kienu ġew evalwati, fid-digriet appellat, b’mod li jiżnatura l-elementi fil-proċess.
37
Mill-bqija, għandhom jiġu eżaminati flimkien l-argumenti ta’ STC, imressqa fil-kuntest tal-ewwel aggravju tagħha u bbażati fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ eċċess ta’ poter imwettaq mill-Kummissjoni, kif ukoll dawk imressqa minn STC fil-kuntest tat-tieni u tat-tielet aggravji tagħha. Permezz ta’ dawn l-argumenti kollha, STC qiegħda essenzjalment issostni li l-President tal-Qorti Ġenerali wettaq illegalitajiet meta ddeċieda li t-tieni motiv ta’ annullament imressaq quddiem dik il-qorti ma kienx jippermetti li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ fumus boni juris minkejja l-iżbalji ta’ liġi mwettqa mill-Kummissjoni, li kienu wassluha għal evalwazzjoni negattiva, ikkomunikata lil STC fit-3 ta’ April 2014, tal-offerta tagħha. Dawn l-iżbalji kienu jirrigwardaw l-applikazzjoni magħmula, għall-każ ineżami, tal-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex jiġu kkoreġuti żbalji materjali manifesti li minnhom tkun affettwata l-offerta ta’ offerent.
38
F’dan ir-rigward, STC ġustament issostni, fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni aggravji tagħha, li huwa biss offerent li jista’ jiddetermina l-kontenut tal-offerta tiegħu. Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 160(3) tar-Regolament ta’ Delega jippermetti lill-awtorità kontraenti tieħu l-inizjattiva li tikkuntattja lill-offerent, sabiex tippermettilu jikkoreġi l-offerta tiegħu, dan l-artikolu ma jagħtihiex is-setgħa li temenda din l-offerta f’isem l-offerent.
39
Fil-kawża ineżami, kif il-President tal-Qorti Ġenerali ddeċieda ġustament fil-punt 25 tad-digriet appellat, il-Kummissjoni effettivament ikkuntattjat lil STC sabiex tippermettilha tikkoreġi l-iżbalji materjali manifesti kkonstatati, inkonformità mal-Artikolu 160(3) tar-Regolament ta’ Delega.
40
Huwa minnu li, kif jirriżulta mill-punt 3 tad-digriet appellat, il-Kummissjoni bagħtet lil STC, permezz tal-ittra tagħha tat-30 ta’ Jannar 2014, id-dokument “Offerta tal-kontraenti” f’verżjoni aġġornata bl-indikazzjoni tal-prezzijiet unitarji kif ukoll tan-nefqa totali tal-offerta kkoreġuta. Madankollu, meta STC indikat, permezz tal-ittra elettronika tagħha tas-7 ta’ Frar 2014, li hija ma kinitx qiegħda tikkonferma l-emendi proposti b’dan il-mod iżda kienet minflok qiegħda żżomm l-ammont totali tal-offerta tagħha, billi emendat b’hekk il-prezzijiet unitarji inizjalment indikati, il-Kummissjoni ħadet nota ta’ din il-pożizzjoni meħuda mill-offerenti. Fil-fatt, kif il-President tal-Qorti Ġenerali osserva fil-punt 4 tad-digriet appellat, kien fuq il-bażi ta’ din it-tweġiba għall-ittra tagħha tat-30 ta’ Jannar 2014 li l-Kummissjoni ħadet id-deċiżjoni sussegwenti tagħha, inkluża fl-ittra tagħha tat-3 ta’ April 2014, li twarrab l-offerta ta’ STC, kif kienet emendata minn din tal-aħħar.
41
Għandu jiġi kkonstatat li, meta aġixxiet b’dan il-mod, il-Kummissjoni ma emendatx l-offerta ta’ STC minflok din tal-aħħar u li, għall-kuntrarju tal-argumenti ta’ STC, il-President tal-Qorti Ġenerali ma ddeċidiex, fid-digriet appellat, li tali emenda kienet tkun legali. Kif il-President tal-Qorti Ġenerali ddeċieda fil-punt 25 tad-digriet appellat, prima facie l-Kummissjoni ma marritx lil hinn mil-limiti tas-setgħa tagħha li tikkuntattja lil offerent peress li hija kienet biss ipproponiet lil STC korrezzjoni tal-kwantitajiet ta’ ċerti prestazzjonijiet imsemmija fl-offerta tagħha.
42
STC tallega wkoll li l-President tal-Qorti Ġenerali wettaq żball ta’ liġi, relatat mal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ fumus boni juris, fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-Kummissjoni warrbitx ġustament l-offerta ta’ STC minħabba li din tal-aħħar kienet emendat it-termini tal-offerta ekonomika tagħha, minflok ma kkoreġietha.
43
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, inkonformità ma’ dak li ġie deċiż fil-punt 28 ta’ dan id-digriet, il-korrezzjoni ta’ żball materjali mwettaq minn offerent fir-redazzjoni tal-offerta tiegħu, taħt l-Artikolu 160(3) tar-Regolament ta’ Delega, ma għandhiex tippermettilu jemendaha u b’hekk tagħtih vantaġġ indebitu.
44
Minn dan isegwi li kull emenda ta’ offerta ekonomika li ma tkunx korrezzjoni mekkanika ta’ żball materjali manifest fir-redazzjoni tagħha, jew li ma tirriżultax awtomatikament minn tali korrezzjoni, ma hijiex awtorizzata taħt l-Artikolu 160(3) tar-Regolament ta’ Delega. Fil-fatt, l-awtorità kontraenti ma tistax tagħti lil offerent wieħed biss, wara l-ftuħ tal-offerti, il-possibbiltà li jemenda t-termini tal-offerta tiegħu, għaliex inkella tkun qiegħda tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll it-termini tal-imsemmija dispożizzjoni.
45
Skont STC, il-korrezzjoni tal-prezzijiet unitarji indikata fl-ittra elettronika tagħha tas-7 ta’ Frar 2014 kien imissha ġiet aċċettata peress li ma temendax in-nefqa totali tal-offerta tagħha. Madankollu, fil-punt 27 tad-digriet appellat, il-President tal-Qorti Ġenerali osserva ġustament li l-emendi magħmula minn STC fl-ittra elettronika tagħha kienu jwasslu sabiex jiġi rdoppjat l-ammont tal-offerta tagħha fir-rigward tal-prezz għall-prestazzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-kwantitajiet mitluba kienu diviżi fi tnejn u, fil-punt 29 tal-istess digriet, li n-nefqa totali tal-offerta kienet ikkalkolata awtomatikament skont il-kwantitajiet mitluba u l-prezzijiet unitarji, peress li huma biss dawn tal-aħħar li għandhom jiġu indikati mill-kandidati fid-dokument “Offerta tal-kontraenti”.
46
Fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet u fir-rigward ta’ dak li ġie deċiż f’dan id-digriet, kien ukoll ġustament li l-President tal-Qorti Ġenerali osserva, fil-punt 28 tad-digriet appellat, fil-kuntest tal-eżami preliminari tiegħu fir-rigward tal-eżistenza ta’ fumus boni juris, li STC ma setgħetx tingħata l-possibbiltà, wara l-għeluq tal-perijodu għall-preżentata tal-offerti, tevalwa mill-ġdid il-prezzijiet unitarji tagħha skont il-kwantitajiet mitluba u, fil-punt 29 tal-imsemmi digriet, li dawn il-prezzijiet kienu jidhru li jikkostitwixxu parametru essenzjali tal-offerta. Fil-fatt, korrezzjoni tal-offerta ta’ STC li temenda l-prezzijiet unitarji inizjalment ippreżentati kienet ta’ natura tali li setgħet tagħtiha vantaġġ indebitu fil-konfront tal-offerenti l-oħra u għalhekk setgħet tkun kuntrarja għall-Artikolu 160(3) tar-Regolament ta’ Delega kif ukoll għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.
47
F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa ġustament li l-President tal-Qorti Ġenerali ddeċieda, fil-punti 25 u 30 tad-digriet appellat, li l-unika korrezzjoni possibbli mingħajr emenda illegali tal-offerta kienet, prima facie, tidher li hija biss fl-applikazzjoni tal-prezzijiet unitarji indikati fl-offerta inizjali tal-15 ta’ Novembru 2013 għall-kwantitajiet il-ġodda meħtieġa mis-sejħa għal offerti, kif emendata fid-9 ta’ Ottubru 2013. Kien ukoll ġustament li osserva, fil-punti 25 u 27 tad-digriet appellat, li l-Kummissjoni kienet, prima facie, aġixxiet b’mod legali meta pproponiet din il-korrezzjoni, inkonformità mas-setgħa li kellha, filwaqt li STC, billi xtaqet iżżomm in-nefqa totali tal-offerta tagħha minkejja l-emenda tal-kwantitajiet meħtieġa, kienet emendat it-termini ta’ din l-offerta.
48
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argumenti ta’ STC fis-sens li, għall-kuntrarju ta’ dak li ddeċieda l-President tal-Qorti Ġenerali fid-digriet appellat, hija kellha d-dritt li tikkoreġi l-prezzijiet unitarji ppreżentati fl-offerta inizjali tagħha, kif għamlet fl-ittra elettronika tagħha tas-7 ta’ Frar 2014, ma jistax jintlaqa’.
49
B’hekk, ebda wieħed mill-aggravji ma jippermetti li jiġi konkluż li l-President tal-Qorti Ġenerali wettaq illegalità meta qies, fuq il-bażi tal-argumenti ppreżentati quddiem dik il-qorti, u bla ħsara għall-eżami tal-kawża fil-mertu, li t-tieni motiv ta’ annullament ma kienx jippermetti li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ fumis boni juris.
50
Għaldaqstant, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu, mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tat-talbiet ta’ STC intiżi għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi. Fil-fatt, għalkemm dawn it-talbiet ma ġewx ippreżentati b’mod sussidjarju, għandu jiġi kkonstatat li dawn kienu ser ikunu rilevanti biss fil-każ li jiġi annullat id-digriet appellat.
Fuq l-ispejjeż
51
L-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi li, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li STC tilfet fir-rigward tat-talbiet u tal-aggravji tagħha, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż marbuta ma’ din il-proċedura tal-appell, kif mitlub mill-Kummissjoni u minn CPL Concordia.
Għal dawn il-motivi, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja jordna:
1)
L-appell huwa miċħud.
2)
STC SpA hija kkundannata għall-ispejjeż tal-proċedura tal-appell.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.
Full & Egal Universal Law Academy