DIGRIET TAL-VIĊI PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA
6 ta’ Ottubru 2015 ( * )
“Appell — Intervent — Interess fis-soluzzjoni tat-tilwima”
Fil-Kawża C‑418/15 P(I),
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fid-29 ta’ Lulju 2015,
Cap Actions SNCM, stabbilit f’Marseille (Franza), irrappreżentat minn C. Bonnefoi, avukat,
appellant,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Société nationale maritime Corse Méditerranée (SNCM), stabbilita f’Marseille,
rikorrenti fl-ewwel istanza,
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Di Bucci u B. Stromsky, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-VIĊI PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,
wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali Ewlieni, M. Wathelet,
tagħti l-preżenti
Digriet
1
Permezz tal-appell tiegħu, Cap Actions SNCM (iktar ’il quddiem “Cap Actions”), fond komuni ta’ investiment li permezz tiegħu impjegati ta’ Société nationale maritime Corse Méditerranée (SNCM) iżommu 9 % tal-kapital ta’ din il-kumpannija, jitlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Lulju 2015, SNCM vs Il‑Kummissjoni (T‑1/15, EU:T:2015:489, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”), li jiċħad it-talba tiegħu għal intervent insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti fl-ewwel istanza fil-Kawża T‑1/15, li huma intiżi għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/882/UE, tal-20 ta’ Novembru 2013, dwar l-għajnuna mill-Istat Nru SA 16237 (C 58/02) (ex N 118/02) implimentata minn Franza favur l-SNCM (ĠU 2014, L 357, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).
2
Barra minn hekk, Cap Actions jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ t-talba tiegħu għal intervent.
3
Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-appell fis-7 ta’ Settembru 2015.
Fuq l-appell
4
Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kull persuna tista’ tintervjeni quddiem il-qrati tal-Unjoni Ewropea jekk tkun tista’ turi li għandha interess fis-soluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiem waħda minnhom.
5
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “interess fir-riżultat ta’ xi kawża [fis-soluzzjoni tat-tilwima]”, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-imsemmi Artikolu 40, għandu jiġi ddefinit fid-dawl tas-suġġett innifsu tat-tilwima u għandu jinftiehem li jfisser interess dirett u attwali fl-eżitu tat-talbiet infushom, u mhux interess fir-rigward tal-motivi jew tal-argumenti mqajma. Fil-fatt, it-termini “riżultat ta’ xi kawża [soluzzjoni tat-tilwima]” jirreferu għad-deċiżjoni finali mitluba, kif tiġi stabbilita fid-dispożittiv tas-sentenza li għandha tingħata (ara d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2013:83, punt 7 u l-ġurisprudenza ċċitata).
6
F’dan ir-rigward, għandu, b’mod partikolari, jiġi vverifikat li min iressaq talba għal intervent huwa affettwat direttament mill-att ikkontestat u li l-interess tiegħu fl-eżitu tat-tilwima huwa ċert (ara d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:135, punt 7 u l-ġurisprudenza ċċitata). Bħala prinċipju, interess fis-soluzzjoni tat-tilwima jista’ jitqies li huwa suffiċjentement dirett biss sa fejn din is-soluzzjoni tkun ta’ natura li tbiddel il-pożizzjoni legali ta’ min iressaq talba għal intervent [ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja National Power u PowerGen vs Il‑Kummissjoni, C‑151/97 P(I) u C‑157/97 P(I), EU:C:1997:307, punt 61; Schenker vs Air France u Il‑Kummissjoni, C‑589/11 P(I), EU:C:2012:332, punti 14 u 15, u Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:135, punti 4 u 11].
7
Permezz tal-appell tiegħu, Cap Actions jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli interpretat it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja b’mod żbaljat. Essenzjalment, Cap Actions iressaq ħames aggravji bbażati:
—
l-ewwel nett, fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma kienx sar ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE wara l-annullament mill-Qorti Ġenerali, permezz tas-sentenza Corsica Ferries France vs Il‑Kummissjoni (T‑565/08, EU:T:2012:415), tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/611/KE, tat-8 ta’ Lulju 2008, dwar il-miżuri C 58/02 (ex N 118/02) li Franza implimentat favur is-[SNCM] (ĠU 2009, L 225, p. 180);
—
it-tieni nett, fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta ddeċidiet li l-fatt li Cap Actions jirrappreżenta l-interess kollettiv tal-impjegati azzjonisti ta’ SNCM ma huwiex ta’ natura, minnu nnifsu, li jnissel interess dirett u attwali ta’ Cap Actions fis-soluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiem dik il-qorti fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja;
—
it-tielet nett, fuq żball ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta ddeċidiet li Cap Actions ma pprovax li l-proċedura ta’ amministrazzjoni kkontrollata pendenti fuq livell nazzjonali tiġi sospiża fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata;
—
ir-raba’ nett, fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali assimilat l-interessi tal-azzjonist prinċipali, Transdev, li jixtieq jinqata’ mit-trasport marittimu, ma’ dawk tal-azzjonisti impjegati, irrappreżentati minn Cap Actions, li jfittxu li jissalvagwardaw kemm l-assi tagħhom kif ukoll l-impjieg tagħhom; u
—
il-ħames nett, fuq żball ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta ddeċidiet li l-interess ta’ Cap Actions fis-soluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiem dik il-qorti ma kienx distint minn dak ta’ SNCM.
8
Għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, l-ewwel aggravju u sussegwentement, b’mod konġunt, it-tieni u l-ħames aggravji, li jqajmu, essenzjalment, l-istess punt ta’ liġi, u fl-aħħar nett, suċċessivament, it-tielet u r-raba’ aggravji.
Fuq l-ewwel aggravju
9
Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, Cap Actions isostni li l-Qorti Ġenerali messha ħadet inkunsiderazzjoni, fid-digriet appellat, il-fatt li, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma kienx sar ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE wara l-annullament mill-Qorti Ġenerali, permezz tas-sentenza Corsica Ferries France vs Il‑Kummissjoni (T‑565/08, EU:T:2012:415), tad-Deċiżjoni 2009/611.
10
Din l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni kisret l-ugwaljanza fl-aċċess għall-proċeduri dwar l-għajnuna mill-Istat bejn żewġ persuni li jressqu talba għal intervent, jiġifieri, minn naħa, Corsica Ferries France (iktar ’il quddiem “Corsica Ferries”), li talbet li tintervjeni fil-Kawża T‑1/15 insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, u, min-naħa l-oħra, Cap Actions, li talab li jintervjeni fl-istess kawża insostenn tat-talbiet ta’ SNCM. Cap Actions jenfasizza, għal dan il-għan, li, fil-punt 9 tad-digriet SNCM vs Il‑Kummissjoni (T‑1/15, EU:T:2015:487) li jammetti l-intervent ta’ Corsica Ferries, il-Qorti Ġenerali għamlet riferiment b’mod partikolari għall-fatt li din tal-aħħar, li hija kompetitriċi ta’ SNCM, kienet ipparteċipat b’mod attiv fil-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni. Cap Actions isostni li huwa ċċaħħad mill-possibbiltà li jagħmel l-istess permezz tar-rifjut tal-Kummissjoni li tiftaħ mill-ġdid il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, minkejja talbiet f’dan is-sens li ressqulha r-Repubblika Franċiża u SNCM, wara l-annullament tad-Deċiżjoni 2009/611.
11
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-fatt li parti titħalla tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja aggravju li hija ma qajmitx quddiem il-Qorti Ġenerali, meta hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi sabiex tagħmel dan u meta dan l-aggravju ma jirrigwardax xi wieħed mill-motivi esposti mill-Qorti Ġenerali fid-deċiżjoni tagħha, ikun jammonta għall-fatt li din il-parti titħalla tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha kompetenza limitata fil-qasam tal-appell, tilwima li l-ambitu tagħha jkun usa’ minn dak tat-tilwima mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Langnese-Iglo vs Il‑Kummissjoni, C‑279/95 P, EU:C:1998:447, punt 55, u Pêra-Grave vs UASI, C‑249/14 P, EU:C:2015:459, punt 24).
12
L-argument ta’ Cap Actions, spjegat fil-qosor fil-punt 10 ta’ dan id-digriet, jitlaq mill-premessa li huwa kien jipparteċipa fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali li kieku din il-proċedura nfetħet mill-ġdid wara l-annullament mill-Qorti Ġenerali tad-Deċiżjoni 2009/611. Issa, skont l-Artikolu 108(2) TFUE u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-artikolu [108 TFUE] (ĠU L 83, p. 1), huma l-partijiet interessati fis-sens tal-imsemmi Artikolu 108(2) li għandhom id-dritt jippreżentaw osservazzjonijiet fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Għalhekk, impliċitament iżda neċessarjament, Cap Actions isostni, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li kellu dan l-istatus fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata.
13
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li Cap Actions ma sostniex, quddiem il-Qorti Ġenerali, l-allegat status tiegħu ta’ parti interessata fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE. Minn dan isegwi li ma huwiex ammissibbli għalih li jibbaża ruħu fuq dan l-istatus quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jitlob l-annullament tad-digriet appellat.
14
Huwa minnu li Cap Actions jilmenta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn allegata inugwaljanza fit-trattament, fil-konfront tiegħu, minħabba l-ammissjoni ta’ Corsica Ferries, permezz tad-digriet SNCM vs Il‑Kummissjoni (T‑1/15, EU:T:2015:487), sabiex tintervjeni fil-Kawża T‑1/15 insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, b’mod partikolari għar-raġuni li Corsica Ferries kienet ipparteċipat b’mod attiv fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar l-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata.
15
Madankollu, l-ammissjoni mill-Qorti Ġenerali ta’ persuna li tressaq talba għal intervent fi proċedura, abbażi tal-argumenti li din tal-aħħar ressqet quddiem dik il-qorti, ma jistax ikollha, minnha nfisha, impatt fuq l-eżitu tat-talba ta’ terz sabiex jintervjeni fl-istess proċedura, peress li s-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar kienet differenti u peress li huwa bbaża ruħu, quddiem il-Qorti Ġenerali, fuq argumenti differenti insostenn tat-talba tiegħu minn dawk tal-persuna li ma ġietx ammessa sabiex tintervjeni.
16
Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.
Fuq it-tieni u l-ħames aggravji
17
Fil-kuntest tat-tieni aggravju tiegħu, li jirrigwarda l-punt 11 tad-digriet appellat, Cap Actions ifakkar li huwa jirrappreżenta l-interessi tal-impjegati ta’ SNCM li jżommu azzjonijiet f’din il-kumpannija, li l-valur tagħhom huwa affettwat direttament mid-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk l-imsemmija impjegati għandhom, bħala azzjonisti, interess dirett u attwali fis-soluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali. L-intervent ta’ Cap Actions jevita multipliċità ta’ interventi individwali u dan tal-aħħar josserva li huwa għal din ir-raġuni li l-Qorti tal-Ġustizzja tadotta interpretazzjoni wiesgħa tad-dritt għal intervent f’dak li jirrigwarda l-assoċjazzjonijiet, u jiċċita insostenn tal-argument tiegħu d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja National Power u PowerGen vs Il‑Kummissjoni [C‑151/97 P(I) u C‑157/97 P(I), EU:C:1997:307, punt 66]. Skont Cap Actions, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, minkejja dawn iċ-ċirkustanzi, li huwa ma għandux interess dirett u attwali fis-soluzzjoni tat-tilwima inkwistjoni.
18
Permezz tal-ħames aggravju tiegħu, li jirrigwarda l-punti 14 sa 16 tad-digriet appellat, Cap Actions iqiegħed fid-dubju l-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali li huwa ma pproduċa ebda prova konkreta u sostanzjata ta’ natura li tiddifferenzja l-interess tiegħu minn dak ta’ SNCM. Cap Actions jenfasizza li huwa għandu personalità ċivili u ġuridika distinta minn SNCM u li l-interess tiegħu jikkonsisti fid-difiża tal-assi tal-azzjonisti impjegati li huwa jirrappreżenta. Huwa josserva li dawn tal-aħħar jaraw direttament l-azzjonijiet tagħhom jonqsu fil-valur minħabba l-kawżi pendenti quddiem il-qrati tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija lil SNCM, u b’mod partikolari minħabba l-Kawża T‑1/15, pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali, li fiha huwa jitlob li jintervjeni.
19
Huwa minnu li l-interessi finanzjarji tal-azzjonisti impjegati, difiżi minn Cap Actions, bl-istess mod bħall-interessi tiegħu stess bħala persuna ġuridika, jistgħu jiġu affettwati b’mod sinjifikattiv mill-eżitu tat-tilwima pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali, li fiha SNCM hija parti prinċipali. Fil-fatt, is-soluzzjoni mogħtija għal din it-tilwima hija ta’ natura li jkollha impatt kunsiderevoli fuq is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ SNCM u, għalhekk, fuq il-valur tal-azzjonijiet miżmuma permezz ta’ Cap Actions.
20
Madankollu, tali preġudizzju, anki jekk sinjifikattiv, li jsir lill-interessi ekonomiċi u finanzjarji tal-azzjonisti ta’ kumpannija li hija waħda mill-partijiet prinċipali f’kawża pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali, kif ukoll lill-interessi tal-fond ta’ investiment li permezz tiegħu ċerti investituri jżommu l-azzjonijiet tagħhom f’din il-kumpannija, ma jistax jitqies li huwa preġudizzju dirett li jsir lill-interessi ta’ dawn azzjonisti u ta’ dan il-fond, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 5 u 6 ta’ dan id-digriet, peress li huwa ma jbiddilx is-sitwazzjoni legali ta’ dawn tal-aħħar. Fil-fatt, tali interessi huma l-istess bħal dawk tal-kumpannija nfisha li hija parti prinċipali fit-tilwima inkwistjoni u huma affettwati mis-soluzzjoni mogħtija għal din it-tilwima biss b’mod indirett, permezz tal-konsegwenzi li l-imsemmija soluzzjoni tippreżenta fir-rigward ta’ din il-parti prinċipali (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja AITEC et vs Il‑Kummissjoni, C‑97/92, C‑105/92 u C‑106/92, EU:C:1993:954, punt 15).
21
Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi, la fil-punt 11 tad-digriet appellat u lanqas fil-punti 14 sa 16 ta’ dan tal-aħħar, meta ddeċidiet li l-interessi invokati minn Cap Actions quddiemha ma humiex affettwati b’mod dirett mill-eżitu tat-tilwima pendenti quddiemha u għalhekk ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.
22
Għaldaqstant, it-tieni u l-ħames aggravji għandhom jiġu miċħuda.
Fuq it-tielet aggravju
23
Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, li jirrigwarda l-punt 12 tad-digriet appellat, Cap Actions isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta ddeċidiet li huwa ma pprovax li l-proċedura ta’ amministrazzjoni kkontrollata pendenti tiġi sospiża fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Cap Actions jinsisti fuq il-fatt li l-eżitu ta’ din il-proċedura ta’ amministrazzjoni jiddependi mill-eżitu tal-kawżi pendenti quddiem l-istanzi tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija lil SNCM, u b’mod partikolari mill-Kawża T‑1/15, pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, dawn il-kawżi huma r-raġuni li għaliha l-azzjonist prinċipali ta’ SNCM, jiġifieri l-impriża pubblika Transdev, beda l-proċedura ta’ amministrazzjoni kkontrollata. Skont Cap Actions, fl-assenza tal-imsemmija kawżi, id-defiċit ta’ SNCM messu ġie indirizzat permezz ta’ ristrutturazzjoni ta’ impriża.
24
F’dan ir-rigward, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Qorti Ġenerali biss għandha l-kompetenza, minn naħa, sabiex tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawn il-fatti. Meta l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza sabiex teżerċita, skont l-imsemmi Artikolu 256, stħarriġ fir-rigward tal-klassifikazzjoni legali ta’ dawn il-fatti u tal-konsegwenzi legali li l-Qorti Ġenerali tkun siltet minnhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Bavaria vs Il‑Kummissjoni, C‑445/11 P, EU:C:2012:828, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).
25
F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 12 tad-digriet appellat, li SNCM hija involuta f’diversi proċeduri pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li, għaldaqstant, is-somom inkwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata huma biss parti mis-somom li għandhom jiġu rrimborsati, f’dan l-istadju, mill-benefiċjarju tal-għajnuna. Huwa abbażi ta’ dawn il-konstatazzjonijiet li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li ma kienx ġie pprovat li l-proċedura ta’ amministrazzjoni kkontrollata pendenti quddiem il-qrati nazzjonali tiġi sospiża fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata.
26
Issa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Cap Actions jillimita ruħu li jsostni, f’dan ir-rigward, li, skont il-provi li huwa pproduċa lill-Qorti Ġenerali, l-azzjonist prinċipali Transdev iddeċieda li jibda l-proċedura ta’ amministrazzjoni kkontrollata quddiem il-qrati nazzjonali minħabba l-kawżi dwar għajnuna mill-Istat pendenti fuq livell tal-Unjoni. Dawn l-argumenti ma jistgħux jistabbilixxu l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet fattwali li fuqhom huwa bbażat il-punt 12 tad-digriet appellat.
27
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, bil-fatt li jikkontesta l-evalwazzjonijiet fattwali mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-punt 12 tad-digriet appellat, mingħajr ma jistabbilixxi li l-ineżattezza materjali ta’ dawn l-evalwazzjonijiet tirriżulta mill-atti tal-proċess, Cap Actions iqajjem argumenti inammissibbli.
28
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud.
Fuq ir-raba ’ aggravju
29
Permezz tar-raba’ aggravju tiegħu, li jirrigwarda l-punt 13 tad-digriet appellat, Cap Actions isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn assimilat l-interessi tal-azzjonist prinċipali, li huwa Transdev u mhux l-Istat Franċiż bħala tali, ma’ dawk tal-azzjonisti impjegati, irrappreżentati minn Cap Actions. Dan tal-aħħar isostni li Transdev tixtieq tinqata’ mit-trasport marittimu, filwaqt li l-azzjonisti impjegati jfittxu li jissalvagwardaw kemm l-assi tagħhom kif ukoll l-impjieg tagħhom. Cap Actions għalhekk għandu interess speċifiku fis-soluzzjoni tat-tilwima pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali, li huwa differenti minn dak tal-azzjonist prinċipali.
30
F’dan ir-rigward, kif ġie deċiż fil-punt 20 ta’ dan id-digriet, l-interessi ekonomiċi u finanzjarji tal-azzjonisti ta’ kumpannija huma l-istess, bħala prinċipju, bħal dawk tal-kumpannija nfisha li hija parti prinċipali f’tilwima. Huwa minnu li l-azzjonisti li Cap Actions jirrappreżenta l-interessi tagħhom f’dan il-każ huma wkoll impjegati ta’ SNCM, iżda għandu jiġi enfasizzat li Cap Actions jirrappreżenta l-interessi tagħhom bħala azzjonisti, kif jafferma espliċitament fil-kuntest tal-appell tiegħu.
31
Il-Qorti Ġenerali kellha raġun tiddeċiedi, fil-punt 13 tad-digriet appellat, li, b’eċċezzjoni għar-regola mfakkra fil-punt preċedenti ta’ dan id-digriet, il-fatt li azzjonist minoritarju ta’ kumpannija jkollu interessi diverġenti mill-azzjonist prinċipali tagħha u għalhekk, jekk ikun il-każ, mill-kumpannija nfisha, jista’, jekk ikun il-każ, jagħti lil dan l-azzjonist minoritarju interess fis-soluzzjoni ta’ tilwima li fiha l-kumpannija inkwistjoni tkun waħda mill-partijiet prinċipali, li huwa distint mill-interess ta’ din tal-aħħar. Madankollu, sabiex jipprevalixxi ruħu minn din l-eċċezzjoni, l-azzjonist minoritarju għandu jipproduċi provi konkreti li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ din id-diverġenza ta’ interessi fir-rigward tas-soluzzjoni tat-tilwima inkwistjoni, fid-dawl tas-suġġett ta’ din tal-aħħar.
32
Issa f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 13 tad-digriet appellat, li Cap Actions ma kien ipproduċa ebda prova konkreta ta’ natura li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ tali diverġenza. Konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 24 ta’ dan id-digriet, Cap Actions jinvoka argumenti inammissibbli meta jikkontesta din l-evalwazzjoni fattwali mingħajr ma jistabbilixxi li l-ineżattezza materjali ta’ din tal-aħħar tirriżulta mill-atti tal-proċess.
33
Minn dan isegwi li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.
34
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, peress li ebda wieħed mill-aggravji mqajma minn Cap Actions insostenn tal-appell tiegħu ma ntlaqa’, dan tal-aħħar għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.
Fuq l-ispejjeż
35
L-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi li, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni talbet li Cap Actions jiġi kkundannat għall-ispejjeż u peress li din tal-aħħar tilef il-kawża, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja jordna:
1)
L-appell huwa miċħud.
2)
Cap Actions SNCM huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni.
Firem
( * ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
Full & Egal Universal Law Academy