24.8.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 279/56
Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Mejju 2015 – ZZ et vs BEI
(Kawża F-78/15)
(2015/C 279/72)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: ZZ et (rappreżentant: L. Levi, avukat)
Konvenut: Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)
Suġġett u deskrizzjoni tat-tilwima
Minn naħa, l-annullament tad-deċiżjonijiet li jinsabu fir-rendikonti tar-remunerazzjoni għax-xahar ta’ Frar 2015, li jistabbilixxu l-aġġustament annwali tas-salarji limitat għal 1,2 % għas-sena 2015 u l-annullament tar-rendikonti posterjuri, kif ukoll, sa fejn meħtieġ, tan-noti ta’ informazzjoni li l-konvenut indirizza lir-rikorrenti fis-6 u l-10 ta’ Frar 2015. Min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-BEI għall-ħlas tad-danni materjali u morali allegatament sostnuti.
Talbiet
—
jiddikjara dan ir-rikors ammissibbli u fondat, sa fejn jinkludi l-eċċezzjoni ta’ illegalità li fih;
—
konsegwentement:
—
jannulla d-deċiżjoni li tinsab fir-rendikonti tar-remunerazzjoni tar-rikorrenti għax-xahar ta’ Frar 2015, deċiżjoni li tistabbilixxi l-aġġustament annwali tas-salarji limitat għal 1,2 % għas-sena 2015 u, għaldaqstant, jannulla d-deċiżjonijiet simili li jinsabu fir-rendikonti tar-remunerazzjoni posterjuri u, sa fejn huwa meħtieġ, jannulla żewġ noti ta’ informazzjoni li l-konvenut indirizza lir-rikorrenti fis-6 ta’ Frar 2015 u fl-10 ta’ Frar 2015;
—
għaldaqstant, jikkundanna lill-konvenut;
—
għall-ħlas lil kull rikorrent, bħala kumpens għad-dannu materjali (i) tal-bilanċ tas-salarju li jikkorrispondi għall-applikazzjoni tal-aġġustament annwali għall-2015, jiġifieri żieda ta’ 0,4 %, għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2015 sal-31 ta’ Diċembru 2015; (ii) tal-bilanċ tas-salarju li jikkorrispondi għall-konsegwenzi tal-applikazzjoni tal-aġġustament annwali ta’ 1,2 % għall-2015 fuq l-ammont ta’ salarji li ser jitħallsu minn Jannar 2016; (iii) ta’ interessi moratorji fuq il-bilanċi tas-salarji dovuti sakemm jitħallsu kollha s-somom dovuti, ir-rata ta’ interessi moratorji li tapplika għandha tiġi kkalkulata fuq il-bażi tar-rata ffissata mill-Bank Ċentrali Ewropew għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament, applikabbli matul il-perijodu kkonċernat, miżjuda bi tliet punti u (iv) ta’ danni minħabba t-telf tas-setgħa ta’ akkwist; dan id-dannu materjali kollu qed jiġi stmat, b’mod provviżorju, għal kull rikorrenti, għal EUR 30 000;
—
għall-ħlas lil kull rikorrent ta’ EUR 1 000 bħala kumpens għad-dannu morali;
—
jikkundanna lill-BEI għall-ispejjeż kollha.
Full & Egal Universal Law Academy