29.2.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 78/20
Digriet tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Diċembru 2015 – CCPL et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-522/15) (1)
((“Proċeduri għal miżuri provviżorji - Kompetizzjoni - Akkordji - Ippakkjar tal-ikel għall-bejgħ bl-imnut - Deċiżjoni li timponi multi - Garanzija bankarja - Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni - Fumus boni juris - Urġenza - Ibbilanċjar tal-interessi”))
(2016/C 078/30)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: CCPL – Consorzio Cooperative di Produzione e Lavoro SC (Reggio Emilia, l-Italja), Coopbox group SpA (Reggio Emilia), Poliemme Srl (Reggio Emilia), Coopbox Hispania, SL (Lorca, Spanja), Coopbox Eastern s.r.o. (Nové Mesto nad Váhom, Is-Slovakkja) (rappreżentanti: S. Bariatti u E. Cucchiara, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: inizjalment F. Jimeno Fernandez, A. Biolan u P. Rossi, sussegwentement F. Jimeno Fernandez, P. Rossi u L. Malferrari, aġenti)
Suġġett
Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni C (2015) 4336 finali tal-Kummissjoni, tal-24 ta’ Ġunju 2015, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (AT.39563 – Ippakkjar tal-ikel għall-bejgħ bl-imnut), sa fejn din timponi fuq ir-rikorrenti l-obbligu li jipprovdu garanzija bankarja jew li jwettqu l-ħlas provviżorju tal-ammont tal-multi imposti bħala kundizzjoni sabiex jevitaw l-irkupru immedjat ta’ dan l-ammont.
Dispożittiv
1)
L-obbligu li r-rikorrenti, CCPL – Consorzio Cooperative di Produzione e Lavoro SC, Coopbox group SpA, Poliemme Srl, Coopbox Hispania, SL u Coopbox Eastern s.r.o., jikkostitwixxu favur il-Kummissjoni Ewropea garanzija bankarja sabiex jevitaw l-irkupru immedjat tal-multi imposti fuqhom permezz tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni C (2015) 4336 finali tal-Kummissjoni, tal-24 ta’ Ġunju 2015, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (AT.39563 – Ippakkjar tal-ikel għall-bejgħ bl-imnut), huwa sospiż sakemm:
—
fi żmien xahar mid-data tan-notifika ta’ dan id-digriet, u sussegwentement kull tliet xhur sal-adozzjoni tad-deċiżjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll fil-kuntest ta’ kull żvilupp li jista’ jaffettwa l-kapaċità futura tagħhom li jħallsu l-multi imposti, ir-rikorrenti għandhom jippreżentaw bil-miktub lill-Kummissjoni rapport iddettaljat dwar l-implementazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni tal-grupp CCPL u dwar l-ammont tad-dħul iġġenerat mill-bejgħ tal-assi tiegħu kemm jekk b’eżekuzzjoni ta’ dan il-pjan kif ukoll jekk “lil hinn” minn din l-eżekuzzjoni;
—
ir-rikorrenti jħallsu lill-Kummissjoni s-somma ta’ EUR 5 miljuni, hekk kif din tkun ġiet iġġenerata mill-imsemmi bejgħ kif ukoll id-dħul kollu magħmul mit-trasferiment ippjanat tal-ishma f’Refincoop, f’Erzelli Energia u fi Smec, hekk kif dan id-dħul isir.
2)
L-ispejjeż huma rriżervati.
(1) ĠU C 354, 26.10.2015.
Full & Egal Universal Law Academy