SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)
20 ta’ Novembru 2017 ( *1 )
“Membru tal-Parlament Ewropew - Rifjut li jkun disponibbli bini tal-Parlament - Ċittadini ta’ Stati terzi - Rifjut ta’ aċċess għall-bini tal-Parlament - Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali - Diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika - Diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità - Ammissibbiltà ta’ motiv - Diskriminazzjoni bbażata fuq l-opinjonijiet politiċi”
Fil-Kawża T‑618/15,
Udo Voigt, residenti fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn P. Richter, avukat,
rikorrent,
vs
Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn N. Görlitz, S. Seyr u M. Windisch, bħala aġenti,
konvenut,
li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament, minn naħa, tad-deċiżjoni tal-Parlament, tad-9 ta’ Ġunju 2015 li tirrifjuta li tqiegħed għad-dispożizzjoni tar-rikorrent sala sabiex fiha ssir konferenza stampa fis-16 ta’ Ġunju 2015 u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjoni tal-Parlament tas-16 ta’ Ġunju 2015 li tirrifjuta l-aċċess għall-bini tiegħu lil ċittadini Russi,
IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)
komposta minn H. Kanninen, President, L. Calvo-Sotelo Ibáñez-Martín (Relatur) u I. Reine, Imħallfin,
Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratur,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-24 ta’ Jannar 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
I. Il-fatti li wasslu għall-kawża
1
Fl-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju 2014, ir-rikorrent, Udo Voigt, ġie elett fil-Parlament Ewropew fil-lista ta’ partit Ġermaniż, in-Nationaldemokratische Partei Deutschlands (NPD). Minn dakinhar, huwa membru tal-Parlament bħala deputat mhux irreġistrat ma’ grupp politiku.
2
Fit-22 ta’ Marzu 2015, f’Saint Petersbourg (ir-Russja) inżamm forum politiku imsejjaħ “Forum Nazzjonali Russu”, li għalih ir-rikorrent kien mistieden mill-partit Russu Rodina u li fih ħadu sehem Andrei Petrov, Fedor Biryukov u Alexander Sotnichenko, rikorrenti fil-kawża li hija rreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali bin-numru T-452/15.
3
Bħala tkomplija ta’ dan il-forum, assistent ta’ U. Voigt, permezz ta’ posta elettronika tat-3 ta’ Ġunju 2015, informa lis-servizz tal-istampa tal-Parlament bl-intenzjoni tiegħu li jorganizza, fis-16 ta’ Ġunju 2015, konferenza stampa intitolata “L-azzjonijiet tagħna sabiex tiġi evitata gwerra bierda u sħuna fl-Ewropa” (iktar ’il quddiem il-“konferenza stampa”). Din il-konferenza stampa kellha tiżvolġi fil-preżenza ta’ sitt parteċipanti, jiġifieri r-rikorrent, deputat Grieg, żewġ ex deputati Taljan u Brittaniku kif ukoll A. Petrov u F. Biryukov, it-tnejn li huma ċittadini Russi u membri tal-partit Russa Rodina. L-assistent tar-rikorrent talab għal dan il-għan li sala tal-Parlament u l-infrastruttura ta’ interpretazzjoni jkunu disponibbli għalih.
4
Dejjem fit-tkomplija tal-forum intitlotat “Forum Nazzjonali Russu”, l-assistent tar-rikorrent, fid-9 ta’ Ġunju 2015, talab lill-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Sigurtà” tal-Parlament, responsabbli fil-qasam ta’ akkreditament, il-ħruġ ta’ permessi ta’ aċċess għal 21 persuna fosthom ħames ċittadini Russi (iktar ’il quddiem il-“mistednin Russi”), jiġifieri A. Petrov, F. Biryukov u A. Sotnichenko kif ukoll E.N. u P.E, b’antiċipazzjoni tat-tieni avveniment, jiġifieri laqgħa ta’ xoghol intitolat “Laqgħa dwar it-tema tal-kooperazzjoni Ewropea”, ippjanata wkoll għas-16 ta’ Ġunju segwenti (iktar ’il quddiem il-“laqgħa ta’ xogħol”).
5
Fid-9 ta’ Ġunju 2015, id-DĠ “Sigurtà”, b’posta elettronika, ikkonferma r-riċevuta tat-talba għal akkreditament. Din il-konferma tar-riċevuta inkludiet numru ta’ riferiment li jippermetti jiġu rtirtati l-permessi ta’ aċċess tas-16 ta’ Ġunju 2015 u kienet akkumpanjata minn anness li jikkonferma li l-avveniment kien kompatibbli mar-rekwiżiti fil-qasam tas-sigurtà, iżda tispeċifika wkoll li l-organizzatur ma kienx eżentat mill-proċedura normali ta’ awtorizzazzjoni.
6
Dejjem fid-9 ta’ Ġunju 2015, is-servizz tal-istampa, b’posta elettronika, informa lill-assistent tar-rikorrent li l-awtoritajiet politiċi tiegħu kienu taw istruzzjonijiet sabiex ma jagħmilx it-tagħmir mitlub għall-konferenza stampa disponibbli għalih (iktar ’il quddiem il-“posta elttronika tas-servizz tal-istampa”). Din il-posta elettronika tirreferi għar-restrizzjonijiet ta’ aċċess imposti mill-istituzzjoni fuq il-politiċi u d-diplomatiċi Russi kif ukoll għar-riskju li l-preżenza ta’ A. Petrov u ta’ F. Biryukov tfixkel l-attivitajiet tal-istituzzjoni.
7
Fl-10 ta’ Ġunju 2015 il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar l-istat tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja [2015/2001 (INI)] (ĠU 2016, C 407, p. 35), iktar ’il quddiem ir-“riżoluzzjoni tal-10 ta’ Ġunju 2015”), li ilha tiġi diskussa mill-15 ta’ Jannar preċedenti.
8
Fis-16 ta’ Ġunju 2015, l-assistent tar-rikorrent irtira l-permessi ta’ aċċess għall-mistednin ta’ dan tal-aħħar għal-laqgħa ta’ xogħol. Madankollu, matul l-għodwa, l-unità “Akkreditament” tad-DĠ “Sigurtà” infurmat lil dan tal-aħħar, bil-posta elttronika li, fid-dawl tal-lista ta’ parteċipanti f’din il-laqgħa u skont struzzjonijiet li waslu mill-uffiċċju tal-President tal-Parlament, l-aċċess għall-bini tal-istituzzjoni ġie rrifjutat lill-ħames mistednin Russi.
II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
9
B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Lulju 2015, ir-rikorrent ppreżenta dan ir-rikors kontra l-Parlament u l-President tiegħu.
10
Permezz ta’ digriet tad-29 ta’ Ottubru 2015, Voigt vs Il-President tal-Parlament u l-Parlament (C-425/15, mhux ippubblikat, EU:C:2015:741), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li kienet manifestament inkompetenti sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża u bagħtitha lura lill-Qorti Ġenerali skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u rriżervat l-ispejjeż.
11
Permezz ta’ digriet tal-4 ta’ Frar 2016, Voigt vs Il-Parlament u Il-President tal-Parlament (T-618/15, mhux ippubblikat, EU:T:2016:72), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors sa fejn kien dirett kontra l-President tal-Parlament.
12
Fit-23 ta’ Mejju 2016, ir-rikorrent ippreżenta risposta u, fl-4 ta’ Lulju segwenti, il-Parlament ippreżenta kontroreplika.
13
Fl-aħħar nett, permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Diċembru 2016, il-Qorti Ġenerali nnotifikat lill-Parlament b’miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li għalihom dan tal-aħħar wieġeb fil-21 ta’ Diċembru segwenti.
14
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
–
tannulla, minn naħa, tad-deċiżjoni tal-Parlament tad-9 ta’ Ġunju 2015 li tirrifjuta li tqiegħed għad-dispożizzjoni tar-rikorrent sala sabiex issir konferenza stampa fis-16 ta’ Ġunju 2015 (ara l-punt 6 iktar ’il fuq) u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjoni tal-Parlament tas-16 ta’ Ġunju 2015 li tirrifjuta aċċess għall-bini tagħha lill-mistedin Russi tagħha (ara l-punt 8 iktar ’il fuq) (iktar ’il quddiem, flimkien id-“deċiżjonijiet ikkontestati”);
–
tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.
15
Fir-rikors tiegħu, ir-rikorrent jitlob, barra minn hekk, lill-Qorti Ġenerali sabiex tindikalu jekk tqisx li huwa meħtieġ li jippreżenta argumenti jew provi supplimentari sabiex issostni r-rikors tiegħu.
16
Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
–
tiċħad ir-rikors bħala manifestament inammissibbli;
–
sussidjarjament, tiċħdu bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat.
–
iktar sussidjarjament, tiċħdu bħala manifestament infondat, u
–
tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.
III. Id-dritt
A. Fuq l-ammissibbiltà
1. Fuq il-locus standi tar-rikorrent
17
Fl-att promotur, ir-rikorrent jispjega li r-rikors tiegħu għandu jitqies bħala li ġie introdott, prinċipalment, abbażi tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u, sussidjarjament, abbażi tar-raba’ pararafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fil-fatt, l-għan tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE huwa li l-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-Kumitat tar-Reġjuni jkunu jistgħu jasserixxu d-drittijiet tagħhom kontra l-atti ta’ istituzzjonijiet oħra u din il-possibbiltà għandha a fortiori tingħata lill-membri parlamentari li jgawdu minn leġittimità demokratika ikbar.
18
Meta mistoqsi fis-seduta dwar jekk huwa żammx it-talba tiegħu sabiex it-tilwima tiġi deċiża abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrent wieġeb li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet il-kwistjoni permezz tad-digriet tagħha tad-29 ta’ Ottubru 2015, Voigt vs Il-President tal-Parlament u l-Parlament (C-425/15, mhux ippubblikat, EU:C:2015:741), u li huwa kien aċċetta din id-deċiżjoni. Għaldaqstant, għandu jitqies li r-rikorrent irrinunzja għad-dritt tiegħu li jibbaża fuq l-imsemmija dispożizzjoni.
19
Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrent għandu locus standi abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li l-Parlament jaqbel ma’ dan.
2. Fuq l-ammissibbiltà’ tar-rikors
20
Il-Parlament iqis li r-rikors ma huwiex konformi mal-Artikolu 76 (d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali Ir-rikorrent jagħti żewġ suġġetti għar-rikors tiegħu, jiġifieri r-rifjut li sala tkun disponibbli għalih għal konferenza stampa u l-projbizzjoni lill-mistednin Russi tiegħu ta’ aċċess għall-bini tal-Parlament. Madankollu, l-argumentazzjoni tar-rikors hija ambigwa sa fejn il-konnessjoni tal-motivi wieħed mal-ieħor ma’ dawn iż-żewġ deċiżjonijiet hija inċerta.
21
F’dan il-każ, mit-talbiet tar-rikors jirriżulta li l-għan ta’ dan ir-rikors huwa l-annullament taż-żewġ deċiżjonijiet, jiġifieri d-deċiżjonijiet ikkontestati.
22
Barra minn hekk, taħt it-Titolu I “Ksur tat-Trattati”, li jinsab fir-rikors, ir-rikorrent għamel distinzjoni bejn l-ewwel parti ddedikata għar-“rifjut li sala tkun disponibbli” u t-tieni parti li tittratta l-“projbizzjoni ta’ aċċess għall-[mistednin] Russi”.
23
Kif osserva l-Parlament, l-argumentazzjoni li tinsab fl-ewwel parti msemmija iktar ’il fuq tirreferi kemm għall-konferenza stampa kif ukoll għal-laqgħa ta’ xogħol, filwaqt li miż-żewġ deċiżjonijiet ikkontestati jirriżulta li r-rifjut li sala tal-Parlament tkun disponibbli għar-rikorrent kien jikkonċerna biss il-konferenza stampa u li l-użu tal-bini tal-istituzzjoni għal-laqgħa ta’ xogħol ma kienx ġie rrifjutat.
24
Madankollu, huwa importanti li jitfakkar li motiv jista’ jiġi interpretat f’termini tas-sustanza tiegħu u jkun ammissibbli jekk jirriżulta mir-rikors b’mod ċar biżżejjed (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-20 ta’ Settembru 2011, Land Wien vs Il-KummissjoniT-267/10, mhux ippubblikat, EU:T:2011:499, punt 18).
25
Issa, il-fatt li l-ewwel parti tat-Titolu I dwar ir-“rifjut li sala tkun disponibbli”, liema sala hija ta’ konferenzi, li tirreferi għal-laqgħa ta’ xogħol, tista’ tinftiehem mill-fatt li, taħt it-tieni parti, iddedikata għall-“projbizzjoni ta’ aċċess għall-[mistiedna] Russi” li tikkonċerna l-imsemmija laqgħa, ir-rikorrent jirreferi speċifikament għall-“osservazzjonijiet ippreżentati taħt [l-ewwel parti]”, b’mod li l-ilmenti li jinsabu f’din l-ewwel parti huma fil-fatt komuni għaż-żewġ deċiżjonijiet ikkontestati.
26
Il-Parlament jirrileva barra minn hekk li, taħt it-Titolu II “Użu ħażin ta’ poter” tar-rikors, ir-rikorrent ma għamel ebda distinzjoni bejn id-deċiżjonijiet ikkontestati. Il-Parlament iqis li dan it-titolu huwa ambigwu sa fejn ir-rikorrent jikkritika n-natura ta’ tfettiq tar-rifjut ta’ aċċess u jirreferi għal-posta elettronika tas-servizz tal-istampa li tikkonċerna biss ir-rifjut li sala tkun disponibbli sabiex fiha tinżamm il-konferenza stampa tiegħu.
27
Madankollu, mill-argumentazzjoni li tinsab fit-Titolu II “Użu ħażin ta’ poter” jirriżulta li r-rikorrent ried jikkritika ż-żewġ deċiżjonijiet ikkontestati, u dan jiġġustifika li ma għamel l-ebda distinzjoni bejniethom.
28
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikors ma jistax jitqies bħala konfuż u, għaldaqstant, inammissibbli kollu kemm hu.
29
Fl-aħħar nett, il-Parlament isostni, sussidjarjament, li, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tqis ir-rikors ammissibbli bħala tali, ċerti lmenti magħmula mir-rikorrenti fil-kuntest tal-motivi tiegħu huma inammissibbli. L-ammissibbiltà ta’ dawn l-argumenti tiġi evalwata fil-kuntest tal-eżami ta’ dawn il-motivi.
3. Fuq l-ammissibbiltà tar-replika
30
Fil-kontroreplika, il-Parlament esprima dubji dwar l-ammissibbiltà tar-replika. Huwa jsostni li din tal-aħħar għandha normalment tippermetti lir-rikorrent sabiex jiċċara l-pożizzjoni tiegħu jew jirfina l-argumentazzjoni tiegħu fuq kwistjoni importanti u jwieġeb għall-elementi ġodda li dehru fir-risposta. Issa, f’dan il-każ, fir-replika, ir-rikorrent, minn naħa, jirrepeti l-elementi diġà esposti fir-rikors tiegħu u, min-naħa l-oħra, jippreżenta argumenti ġodda li ma għandhom l-ebda rabta magħhom jew mal-argumenti esposti fir-risposta tiegħu.
31
F’dan ir-rigward, fl-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura, huwa previst li r-rikors jista’ jkun ikkompletat b’replika. Barra minn hekk mill-punt 142 tad-Dispożizzjonijiet Prattiċi għall-Implementazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li “il-qafas u l-motivi jew l-ilmenti fil-qofol tal-tilwima jkunu ġew esposti […] b’mod iddettaljat fir-rikors […] fir-risposta, ir-replika […] bħala għan li jippermettu lir-rikorrent […] jippreċiża […] il-pożizzjoni tagħhom [tiegħu] u li jirfina[…] l-argumenti tagħhom [tiegħu] dwar punt importanti u li jwieġbu għall-punti ġodda li joħorġu fir-risposta”.
32
F’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Parlament, għandu jiġi kkonstatat li r-replika tispeċifika, fil-fehma tad-difiża, l-argumenti ppreżentati fir-rikors. Barra minn hekk, il-preżenza eventwali, fir-replika, ta’ lmenti ġodda nieqsa minn rabta mal-atti ta’ proċedura preċedenti ma tistax trendi r-replika inammissibbli kollha kemm hi, iżda l-iktar tista’ twassal sabiex ikunu miċħuda l-ilmenti inkwistjoni, u dan għandu jiġi vverifikat fil-kuntest tal-eżami tal-motivi.
33
Konsegwentement, ir-replika għandha titqies bħala li hija ammissibbli.
B. Fuq it-talba tar-rikorrent sabiex il-Qorti Ġenerali tistiednu jekk ikun meħtieġ li jippreżenta argumenti jew provi supplimentari.
34
Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 76(d) u (f) tar-Regoli tal-Proċedura, huwa r-rikorrent li għandu jipprovdi espożizzjoni tal-fatti u tal-motivi u li jipproduċi l-provi u l-provi proposti mill-preżentata tar-rikors. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 85(2) u (3) tal-istess regolament, il-partijiet prinċipali jistgħu jipproduċu provi jew provi proposti insostenn tal-argumentazzjoni tagħhom wara l-ewwel skambju ta’ noti biss bil-kundizzjoni li d-dewmien fil-preżentazzjoni ta’ dawn tal-aħħar ikun iġġustifikat.
35
Barra minn hekk, l-Artikolu 89(3) tar-Regoli tal-Proċedura jippermetti lill-Qorti Ġenerali, permezz ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li tistieden lill-partijiet sabiex jesprimu ruħhom iktar dwar ċerti aspetti tat-tilwima jew li jipproduċu kwalunkwe dokument relatat mal-kawża. Madankollu, id-deċiżjoni li jiġi adottati miżuri taqa’ fid-diskrezzjoni tal-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad-29 ta’ Ottubru 2004, Ripa di Meana vs Il-Parlament, C-360/02 P, EU:C:2004:690, punt 28).
36
Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li ma huwiex ir-rikorrent li għandu jitlob, b’mod ġenerali, lill-Qorti Ġenerali li tistiednu sabiex jippreżenta argumenti jew provi insostenn tar-rikors tiegħu.
37
Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li, bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrent ġiet informat, b’ittra tas-6 ta’ Diċembru 2016, li ser jiġi mistieden jirrispondi fis-seduta għall-argumenti li l-Parlament ser jiżviluppa bħala tweġiba għall-ilmenti bbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba opinjonijiet politiċi u l-ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza.
C. Fuq il-mertu
1. Kummenti preliminari
a) Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-drittijiet tar-rikorrent
38
Ir-rikorent isostni, fl-introduzzjoni tal-parti tar-rikors dwar il-“fondatezza tar-rikors”, li d-deċiżjonijiet ikkontestati “jiksru d-drittijiet” li tagħhom huwa detentur bħala deputat.
39
Jekk wieħed jassumi li din l-affermazzjoni tikkostitwixxi motiv awtonomu, għandha tiġi ddikjarata inammissibbli, kif isostni l-Parlament. Fil-fatt, ir-rikorrent ma ssostanzjax tali motiv fir-rikors, filwaqt li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu jinkludi, b’mod partikolari, espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati u għandu għaldaqstant mill-inqas b’mod sommarju, iżda b’ċarezza suffiċjenti, jiddikjara l-prinċipji tad-dritt li, skont ir-rikorrent inkisru, kif ukoll il-punti prinċipali ta’ fatt li fuqhom huma bbażati l-ilmenti tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal- 15 ta’ Diċembru 1999, Latino vs Il-Kummissjoni, T-300/97, EU:T:1999:328, punt 35). B’hekk, is-sempliċi dikjarazzjoni astratta ta’ ilment ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-11 ta’ Marzu 1999, Herold vs Il-Kummissjoni, T-257/97, EU:T:1999:55, punt 68, u tal-11 ta’ Settembru 2014, Gold East Paper u Gold Huasheng Paper vs Il-Kunsill, T-443/11, EU:T:2014:774, punt 66).
40
Fi kwalunkwe każ, sa fejn l-affermazzjoni inkwistjoni ma kinitx tikkostitwixxi motiv awtonomu, iżda osservazzjoni preliminari li tiddikjara l-motiv ibbażat fuq il-“ksur tat-trattati”, għandha tiġi kkunsidrata bħala magħquda magħha u jsir riferiment għall-eżami tagħha.
b) Fuq il-motivi bbażati fuq il-“ksur tat-trattati” u l-użu ħażin ta’ poter
41
Fir-rikors, ir-rikorrent iqajjem żewġ motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-“ksur tat-trattati” u, it-tieni wieħed, fuq użu ħażin ta’ poter.
42
Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, moqri fid-dawl tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 256(1) tal-istess Trattat, il-Qorti Ġenerali għandha effettivament ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikorsi għal ksur tat-trattati.
43
L-Artikolu 76)(d) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi madankollu li r-rikors promotur għandu jinkludi espożizzjoni fil-qosor tal-motivi invokati. Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jeħtieġ, b’mod partikolari li l-punti essenzjali ta’ liġi jirriżultaw għall-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess [sentenza tad-29 ta’ Settembru 2016, Bach Flower Remedies vs EUIPO – Durapharma (RESCUE), T-337/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:578, punti 50 u 51]. B’hekk, għalkemm ir-rikorrent lanqas ma huwa obbligat jindika, b’mod espliċitu, ir-regola ta’ dritt speċifika li fuqha huwa bbaża l-ilment tiegħu, dan bil-kundizzjoni li l-argument tiegħu jkun ċar biżżejjed sabiex il-parti avversarja u l-qorti tal-Unjoni Ewropea jkunu jistgħu jidentifikaw din ir-regola mingħajr diffikultà (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Mejju 2006, Galileo International Technology et vs Il-Kummissjoni,T-279/03, EU:T:2006:121, punt 47, u tat-13 ta’ Novembru 2008, SPM vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑128/05, mhux ippubblikata, EU:T:2008:494, punt 65).
44
Mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-“ksur tat-trattati” jikkostitwixxi biss każ ġeneriku ta’ ftuħ tar-rikors għal annullament li l-Qorti Ġenerali tista’ tieħu konjizzjoni tiegħu, iżda ma jistax jikkostitwixxi l-identifikazzjoni tal-bażi legali ta’ motiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 1997, Tremblay et vs Il-Kummissjoni, T-224/95, EU:T:1997:187, punti 80 u 81).
45
Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk l-ewwel motiv huwiex ibbażat fuq bażi legali iktar preċiża mis-sempliċi invokazzjoni tal-“ksur tat-trattati”.
46
F’dan il-każ, mill-kontenut tar-rikors u mis-sommarju mehmuż miegħu, u li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni ta’ din tal-aħħar (sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2007, Komninou et vs Il-Kummissjoni, C-167/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2007:633, punti 25 u 26, u tat-12 ta’ April 2016, CP vs Il-Parlament, F-98/15, EU:F:2016:76, punt 16), li r-rikorrent attwalment jibbaża l-ewwel motiv tiegħu fuq l-Artikolu 4 tar-Regoli dwar il-Laqgħat tal-Gruppi Politiċi adottat mill-uffiċċju tal-Parlament fl-4 ta’ Lulju 2005 (iktar ’il quddiem ir-“Regoli dwar il-Laqgħat tal-Gruppi Politiċi”), kif ukoll fuq l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “il-Karta”). Fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 21 tal-Karta, huwa jinvoka b’mod iktar speċifiku d-diskriminazzjoni bbażata fuq oriġini etnika tal-mistednin Russi tiegħu kif ukoll ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità tagħhom.
47
Fir-replika tiegħu, ir-rikorrent jallega wkoll li r-rifjut li l-mistednin Russi tiegħu jitħallew jaċċedu għall-Parlament jikkostitwixxi diskriminazzjoni minħabba l-opinjonijiet politiċi tagħhom. Huwa jsostni wkoll li dan ir-rifjut huwa vvizzjat minn ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza sa fejn il-persuni kkonċernati jkunu ġew trattati b’mod differenti minn viżitaturi u mistednin l-oħra tal-Parlament.
48
Fl-aħħar nett, kemm ir-rikors kif ukoll ir-replika fihom allużjonijiet għan-natura sproporzjonata tad-deċiżjonijiet ikkontestati li dwarhom għandu jiġu ddeterminat qabel kollox jekk huwiex motiv awtonomu jew le.
49
F’dan ir-rigward, u kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxi l-Parlament, għalkemm il-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu eżistenza awtonoma, jista’ jkun ukoll parti integrali mill-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni. B’hekk ġie deċiż li l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni jirrikjedu li differenza fit-trattament tkun iġġustifikata meta din tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri meta din tkun relatata ma’ għan legalment ammissibbli u meta din id-differenza tkun proporzjonata mal-għan imfittex mit‑trattament ikkonċernat (sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schaible, C-101/12, EU:C:2013:661, punt 77; tat-23 ta’ Marzu 1994, Huet vs Il-Qorti tal-Awdituri, T-8/93, EU:T:1994:35, punt 45, u tat-30 ta’ Jannar 2003, C vs Il-Kummissjoni, T-307/00, EU:T:2003:21, punt 49).
50
F’dan il-każ, fir-rikors, ir-rikorrent għamel l-allegazzjoni tiegħu dwar in-natura sproporzjonata tad-deċiżjoni li tirrifjuta li sala tkun disponibbli għalih għall-konferenza stampa tiegħu bħala l-konsegwenza tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4 tar-Regoli dwar il-Laqgħat tal-Gruppi Politiċi. Waqt is-seduta, ir-rikorrent ikkonferma li ż-żewġ ilmenti kienu relatati. Fir-rikors ukoll, ir-rikorrent isemmi n-natura sproporzjonata tad-deċiżjoni li tirrifjuta li tippermetti lill-mistednin Russi tiegħu jaċċedu għall-Parlament fit-tkomplija tal-ilment tiegħu ibbażat fuq il-ksur tal-projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika jew in-nazzjonalità tagħhom. Fl-aħħar nett, fir-replika, ir-rikorrent jirreferi għall-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-kuntest tal-argumentazzjoni tiegħu dwar il-ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba opinjonijiet politiċi u l-ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza. Għaldaqstant, għandu jitqies li l-allegazzjoni tan-natura sproporzjonata tad-deċiżjonijiet ikkontestati ma tikkostitwixxix motiv separat.
51
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi eżaminat:
–
fl-ewwel lok, fir-rigward tar-rifjut li r-rikorrent jkollu disponibbli sala għall-organizzazzjoni ta’ konferenza stampa, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4 tar-Regoli dwar il-Laqgħat tal-Gruppi Politiċi;
–
fit-tieni lok, fir-rigward tar-rifjut li l-mistednin Russi jaċċedu għall-Parlament:
–
ir-rifereriment għall-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4 tar-Regoli dwar il-Laqgħat tal-Gruppi Politiċi;
–
il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 21 tal-Karta, sa fejn dan ir-rifjut huwa vvizzjat b’diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika tal-persuni kkonċernati jew fuq in-nazzjonalità tagħhom;
–
il-motiv ibbażat, minn naħa, fuq l-Artikolu 21(1) tal-Karta sa fejn dan ir-rifjut huwa vvizzjat b’diskriminazzjoni minħabba l-opinjonijiet politiċi tal-mistednin Russi, u min-naħa l-oħra, fuq il-ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza;
–
fit-tielet lok, u fir-rigward taż-żewġ deċiżjonijiet ikkontestati, il-motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter.
2. Fuq il-motiv dirett biss kontra r-rifjut li r-rikorrent jkollu disponibbli għalih sala għall-organizzazzjoni ta’ konferenza stampa
52
Ir-rikorrent jallega li, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regoli dwar il-Laqgħat tal-Gruppi Politiċi, id-deputati mhux irreġistrati għandhom id-dritt li jużaw il-bini tal-istituzzjoni sabiex jorganizzaw konferenzi stampa fil-limitu tal-kapaċitajiet disponibbli u sakemm id-disponibbiltà ta’ dan il-bini ma hijiex ta’ riskju għall-iżvolġiment normali tax-xogħol tal-Assemblea. Barra minn hekk, l-Artikolu 8 tal-istess regolament jippermetti espressament lid-deputati li jistiednu terzi, bħal ġurnalisti, għal-laqgħat tagħhom. Issa, il-Parlament ma jsostnix li l-kapaċitajiet ta’ akkoljenza kienet ġiet eżawrita fis-16 ta’ Ġunju 2015. Barra minn hekk, ikun eskluż li konferenza stampa tkun tali li tfixkel ix-xogħol parlamentari, speċjalment peress li r-rikorrent diġà organizza avvenimenti simili mingħajr ma dawn ħolqu problemi. Fl-aħħar nett, ma jidhirx li l-preżenza ta’ A. Petrov u F. Biryukov setgħet affettwat il-funzjonament tal-Parlament kif dan tal-aħħar sostna fil-posta elettronika tas-servizz tal-istampa.
53
Ir-rikorrent isostni, konsegwentement, li, fl-assenza ta’ motiv oġġettiv li jista’ jiġġustifika r-rifjut li sala tkun disponibbli, dan ir-rifjut ikun sproporzjonat u jikser id-drittijiet li għandu bħala deputat, peress li ma setax jikkomunika fis-suġġett tax-xogħol parlamentari tiegħu u, b’mod partikolari, jispjega liċ-ċittadini Ewropej għaliex ir-riżoluzzjoni tal-10 ta’ Ġunju 2015 kienet ippreżentat b’mod żbaljat il-forum intitolat “Forum nazzjonali Russu” li ġie organizzat f’St Petersburg fit-22 ta’ Marzu preċedenti.
54
Il-Parlament jikkontesta dawn l-argumenti u jsostni li l-motiv huwa infondat.
55
Mill-istruttura tar-Regoli dwar il-Laqgħat tal-Gruppi Politiċi, kif jirriżulta mit-titolu u l-Artikolu 1(1) tiegħu, dan ir-regolament jirregola kif “is-Segretarjat [Ġenerali tal-Parlament] għandu jassisti fl-organizzazzjoni tal-laqgħat tal-gruppi politiċi u jikkontribwixxi għall-iżvolġiment pożittiv tagħhom”. B’hekk, b’mod partikolari, l-imsemmija regoli jistabbilixxu l-modalitajiet tal-użu tas-swali tal-Parlament mill-gruppi politiċi u l-korpi tagħhom.
56
L-Artikolu 8 tar-Regoli dwar il-Laqgħat tal-Gruppi Politiċi essenzjalment jipprevedi li l-gruppi politiċi jistgħu jistiednu lil terzi għal-laqgħat tagħhom.
57
Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regoli dwar il-Laqgħat tal-Gruppi Politiċi, “[f] il-qasam tal-attività parlamentari tagħhom, il-Membri Mhux Affiljati jistgħu jagħmlu użu” ukoll mis-swali tal-Parlament. Fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni u l-possibbiltà għad-deputati mhux affiljati li jiltaqgħu għalkemm ma jikkostitwixxux grupp parlamentari, dawn ir-regoli jirregolaw ukoll kif is-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament jgħin fl-organizzazzjoni ta’ laqgħat li jinvolvu dawn tal-aħħar. Skont l-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regoli, it-talbiet tad-deputati mhux affiljati sabiex sala għal laqgħa tkun disponibbli “għandhom jitressqu mill-koordinatur tal-unita tal-Membri Mhux Affiljati” li huwa mekkaniżmu amministrattiv li permezz tiegħu dawn id-deputati jistgħu jkollhom aċċess għal ċerti faċilitajiet li huma fil-prinċipju rriżervati għall-gruppi.
58
Barra minn hekk, mit-tweġibiet tal-Parlament għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li l-Qorti Ġenerali indirizzatlu jirriżulta li l-konferenzi stampa organizzati mid-deputati huma suġġetti għal regoli separati, jiġifieri “regoli li jirregolaw l-użu tajjeb tas-sala tal-konferenzi stampa tal-Parlament Ewropew”, adottata mill-Uffiċċju tal-Parlament fit-22 ta’ Ottubru 2007.
59
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, għalkemm ir-Regoli dwar il-Laqgħat tal-Gruppi Politiċi jippermettu lil dawn il-gruppi li jistiednu terzi għal-laqgħat tagħhom, huma ma huwiex maħsuba li jirregolaw id-disponibbiltà ta’ swali sabiex jinżammu fihom konferenzi stampa, a fortiori fuq l-inizjattiva individwali ta’ deputat.
60
Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li r-rikorrent innifsu ma ressaqx it-talba tiegħu għad-disponibbiltà ta’ sala sabiex jagħmel il-konferenza stampa tiegħu skont l-Artikolu 4(2) tar-Regoli dwar il-Laqgħat tal-Gruppi Politiċi, peress li indirizza din it-talba direttament lill-unità “Stampa” tal-Parlament mingħajr ma għadda permezz tal-koordinazzjoni ta’ deputati mhux affiljati.
61
Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq l-Artikolu 4 tar-Regoli dwar il-Laqgħat tal-Gruppi Politiċi għandu jiġi miċħud mingħajr il-bżonn li jiġi kkunsidrat, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, jekk il-kwistjoni dwar jek ir-rifjut tal-Parlament setax ikun iġġustifikat mill-asssenza ta’ disponibbiltà jew mir-riskju ta’ tfixkil fix-xogħol tal-istituzzjoni jew ukoll jekk dan ir-rifjut kienx sproporzjonat.
62
Fi kwalunkwe każ, għalkemm, kuntrarjament għal dak li ġie kkonstatat fil-punt 50 iktar ’il fuq, l-ilment ibbażat fuq in-natura sproprzjonata tar-rifjut li sala tkun disponibbli għar-rikorrent għall-organizzazzjoni ta’ konferenza stampa kellu jinqara bħala li huwa distint mill-motiv ibbażat fuq l-Artikolu 4 tar-Regoli dwar il-Laqgħat tal-Gruppi Politiċi, dan l-ilment madankollu għandu jiġi miċħud.
63
Fil-fatt, fil-posta elettronika tas-servizz tal-istampa, il-Parlament iġġustifika r-rifjut li jqiegħed sala disponibbli għar-rikorrent sabiex iżżomm il-konferenza stampa tiegħu fid-dawl b’mod partikolari tar-riskju li l-preżenza ta’ A. Petrov u F. Biryukov tfixkel l-attivitajiet tal-istituzzjoni. Issa, ir-rikorrent jillimita ruħu li jikkontesta l-eżistenza ta’ tali riskju mingħajr ma jipprovdi argument konvinċenti. F’dan ir-rigward, il-fatt li huwa diġà, fil-passat, organizza konferenzi stampa u laqgħat ta’ xogħol huwa irrilevanti, peress li ma sostniex li dawn l-avvenimenti żvolġew, bl-awtorizzazzjoni tal-Parlament, fil-preżenza ta’ mistednin Russi u f’ċirkustanzi komparabbli ma’ dawk ta’ dan il-każ. Barra minn hekk, mill-punti 119 sa 122 iktar ’il quddiem jirriżulta li l-Parlament ma kisirx il-prinċipju ta’ proporzjonalità f’dan il-każ.
3. Fuq il-motivi diretti kontra r-rifjut li l-mistednin Russi jitħallew jaċċedu għall-Parlament
a) Dwar il-motiv ibbażat fuq ir-riferiment għall-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4 tar-Regoli dwar il-Laqgħat tal-Gruppi Politiċi
64
Ir-rikorrent jesponi li r-rifjut li l-klijenti Russi jitħallew jaċċedu għall-Parlament “huwa inkompatibbli mad-dritt primarju” għar-raġunijiet diġà ddikjarati kontra r-rifjut li titqiegħed sala tal-konferenzi għad-dispożizzjoni tiegħu.
65
Il-Parlament jikkontesta l-ammissibbiltà ta’ dan l-ilment għar-raġuni li r-rikorrent ma jispeċifikax f’hiex jikkonsisti dan il-ksur.
66
Minn qari tar-rikors, l-allegazzjoni tar-rikorrent għandha tinftiehem fis-sens li l-argumenti bbażati, kontra r-rifjut li jitqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu sala ta’ konferenzi stampa, fuq il-ksur tal-Artikolu 4 tar-Regoli dwar il-Laqgħat tal-Gruppi Politiċi u, jekk ikun il-każ, fuq in-natura sproporzjonata ta’ din il-miżura jkunu wkoll rilevanti fil-konfront tar-rifjut li l-mistednin Russi jitħallew jaċċedu għall-Parlament.
67
Dan l-ilment, anki jekk huwa ammissibbli, għandu madankollu jiġi miċħud għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 55 sa 63 iktar ’il fuq.
68
Iċ-ċaħda tal-ilment ibbażat fuq l-Artikolu 4 tar-Regoli dwar il-Laqgħat tal-Gruppi Politiċi hija iktar neċessarja f’dan il-każ jekk, anki jekk din id-dispożizzjoni hija applikabbli, l-użu tas-swali tal-Parlamnet sabiex fihom tinżamm il-laqgħa ta’ xogħol ma ġiex irrifjutat bħala tali lir-rikorrent, huwa biss l-aċċess tal-mistednin Russi għall-bini tal-istituzzjoni li huwa inkwistjoni hawn.
b) Dwar il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 21 tal-Karta, sa fejn dan ir-rifjut li l-mistednin Russi jitħallew jaċċedu għall-Parlament huwa vvizzjat b’diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika jew fuq in-nazzjonalità tagħhom
69
Ir-rikorrent isostni li l-mistednin Russi tiegħu ma huma tal-ebda riskju għall-iżvolġiment normali tax-xogħol tal-Parlament jew għas-sigurtà tiegħu. Fl-assenza ta’ motiv oġġettiv, ir-rifjut li jingħata aċċess għall-bini tal-istituzzjoni huwa vvizzjat b’diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità jew l-oriġini etnika tagħhom u dan jikser, konsegwentement, l-Artikolu 21 tal-Karta. Barra minn hekk, anke jekk wieħed jassumi li xi ċittadini Russi fil-fatt kienu ta’ riskju għall-funzjonament tajjeb tal-Parlament, kien ikun biżżejjed li tiġi limitata l-projbizzjoni ta’ aċċess għalihom.
70
Il-Parlament jikkontesta li r-rikorrent jista’ jinvoka ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba l-oriġini etnika jew fuq in-nazzjonalità ta’ terzi, il-mistednin Russi tiegħu, li allegatament kienu vittmi u jikkunsidra u, fi kwalunkwe każ, iqis li l-motiv huwa infondat.
1) Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors
71
Mill-ġurisprudenza jirriżulta li rikorrent ma huwiex intitolat jaġixxi fl-interess tal-liġi jew tal-istituzzjonijiet u jista’ jitlob, insostenn tar-rikors għal annullament, biss ilmenti li huwa proprji għalih (sentenza tat-30 ta’ Ġunju 1983, Schloh vs Il-Kunsill, 85/82, EU:C:1983:179, punt 14). Madankollu, dan ir-rekwiżit ma jistax jinftiehem bħala li jfisser li l-qorti tal-Unjoni ma taċċettax l-ammissibbiltà ta’ lment ħlief jekk dan huwa marbut mas-sitwazzjoni personali tar-rikorrent biss. Fir-realtà, l-ilmenti tar-rikorrent huma ammissibbli jekk dawn jistgħu jwasslu għal annullament li abbażi tiegħu jista’ jieħu vantaġġ minnhom (ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2007, Wils vs Il-Parlament, F-105/05, EU:F:2007:128, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).
72
Issa, f’dan il-każ, l-allegata diskriminazzjoni tal-mistednin Russi minħabba n-nazzjonalità jew l-oriġini etnika tagħhom tista’, fit-teorija, ikollha wkoll effett negattiv fuq ir-rikorrent sa fejn kien fl-oriġini tal-istedina tagħhom u fejn ma tħalliex iżomm magħhom, fil-Parlament, il-laqgħa ta’ xogħol li kien organizza.
73
B’hekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, ir-rikorrent, fil-kapaċità tiegħu bħala organizzatur ta’ laqgħa fil-bini tal-Parlament li għaliha l-mistednin Russi ma setgħux jaċċedu, għandu interess li jqajjem l-ilment ibbażat fuq li dawn tal-aħħar kienu suġġetti għal diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ nazzjonalità jew tal-oriġini etnika tagħhom.
2) Fuq il-fondatezza tal-motiv
74
Skont l-Artikolu 21(1) tal-Karta, hija pprojbita kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata b’mod partikolari fuq l-oriġini etniċi. Skont il-paragrafu 2 tal-istess Artikolu, fil-qasam tal-applikazzjoni tat-Trattati u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi tagħhom, kull diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità hija pprojbita wkoll.
75
Peress li r-rikorrent ma jiddistingwixxix b’mod ċar bejn iż-żewġ tipi ta’ diskriminazzjoni li jinvoka, hemm lok li jitfakkar li, meta test ta’ portata ġenerali juża żewġ termini distinti, raġunijiet ta’ koerenza u ta’ ċertezza legali jipprekludu li dawn jiġu attribwiti l-istess portata. Dan jgħodd a fortiori fejn, bħal f’dan il-każ, dawn il-kliem ikopru tifsiriet differenti fil-lingwaġġ ta’ kuljum (sentenzi tal-25 ta’ Settembru 2013, Marques vs Il-Kummissjoni, F-158/12, EU:F:2013:135, punt 28, u tal-14 ta’ Mejju 2014, Cocco vs Il-Kummissjoni, F-17/13, EU:F:2014:92, punt 33).
76
B’hekk, għalkemm in-nazzjonalità hija rabta legali u politika bejn individwu u Stat sovran, il-kunċett ta’ oriġini etnika huwa bbażat fuq l-idea li gruppi tas-soċjetà jħossuhom li jappartjenu għall-istess nazzjon jew jieħdu sehem f’komunità ta’ fidi reliġjuża, ta’ lingwa, ta’ oriġini kulturali u tradizzjonali u ta’ ambjent ta’ għajxien komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgarija, C-83/14, EU:C:2015:480, punt 46).
77
Fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba l-oriġini etnika, il-Parlament sostna li r-Russja għandha iktar minn 11-il grupp etniku differenti. Issa, ir-rikorrent jillimita ruħu li jenfasizza n-nazzjonalità Russa tal-mistednin tiegħu u ma jindikax li huma kienu membri ta’ grupp etniku partikolari. A fortiori bl-ebda mod ma stabbilixxa li d-deċiżjoni li jiġi rrifjutat li l-mistednin Russi tiegħu jidħlu fil-Parlament allegatament ġiet adottata minħabba appartenanza etnika speċifika.
78
Minn dan isegwi li r-rikorrent ma jurix li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 21(1) tal-Karta huma ssodisfatti u li b’hekk ma jistax jallega li l-mistednin Russi tiegħu kienu ġew diskriminati minħabba oriġini etnika partikolari.
79
Fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fuq bażi ta’ nazzjonalità, għandu jitfakkar li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 52(7) tal-Karta, l-ispjegazzjonijiet relatati għal dan tal-aħħar (ĠU 2007, C 303, p. 17) għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tiegħu.
80
Skont l-ispjegazzjonijiet relatati mal-Karta, l-Artikolu 21(2) tal-Karta “jikkorrispondi għall-Artikolu 18(1) [TFUE] u għandu jiġi applikat b’mod konformi ma’ dak l-Artikolu”. Skont l-Artikolu 52(2) tal-Karta, id-drittijiet li hija tirrikonoxxi u li huma s-suġġett ta’ dispożizzjonijiet fit-trattati jiġu eżerċitati fil-kundizzjonijiet u l-limiti ddefiniti minn dawn tal-aħħar. Minn dan isegwi li l-Artikolu 21(2) tal-Karta għandu jinqara bħala li għandu l-istess portata bħall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE.
81
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 TFUE jistipula li “[f]il-kamp ta’ l-applikazzjoni tat-Trattati, u mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet speċjali inklużi hemm kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi projbita”. Din id-dispożizzjoni tinsab fit-tieni parti ta’ dan it-trattat intitolat “Non-disriminazzjoni u ċittadinanza ta’ l-Unjoni”. Hija tirrigwarda s-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fejn ċittadin ta’ Stat Membru jkun ġie suġġett għal trattament diskriminatorju, meta mqabbel maċ-ċittadini ta’ Stat Membru ieħor, biss abbażi tan-nazzjonalità tiegħu. Dan l-artikolu, għaldaqstant, ma japplikax fil-każ ta’ eventwali differenza ta’ trattament bejn iċ-ċittadini tal-Istati Membri u dawk tal-Istati terzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2009, Vatsouras u Koupatantze, C-22/08 u C-23/08, EU:C:2009:344, punti 51 u 52, u tas- 7 ta’ April 2011, Francesco Guarnieri & Cie, C-291/09, EU:C:2011:217, punt 20).
82
Għaldaqstant, ir-rikorrent ma jistax jibbaża fuq il-ksur tal-Artikolu 21(2) tal-Karta, fir-rigward tal-mistednin Russi tiegħu.
83
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi miċħud il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 21 tal-Karta, sa fejn dan ir-rifjut li l-mistednin Russi jitħallew jidħlu fil-Parlament huwa vvizzjat b’diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika jew fuq in-nazzjonalità tagħhom. Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tan-natura allegatament sproporzjonata ta’ dan ir-rifjut, li ma tiddistingwix lill-mistednin Russi skont kemm huwa ta’ riskju, isir riferiment għall-punti 119 sa 122 iktar ’il quddiem.
c) Dwar il-motiv ibbażat, minn naħa, fuq il-ksur tal-Artikolu 21(1) tal-Karta sa fejn ir-rifjut li l-mistednin Russi jitħallew jaċċedu għall-Parlament huwa vvizzjat b’diskriminazzjoni minħabba l-opinjonijiet politiċi tagħhom u bbażat, min-naħa l-oħra, fuq il-ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza
84
Fir-replika tiegħu, ir-rikorrent isostni li r-rifjut li l-mistednin Russi tiegħu jitħallew jaċċedu għall-Parlament jikkostitwixxi trattament diskriminatorju minħabba l-opinjonijiet politiċi tagħhom. Jesponi wkoll li “finalment […] il-projbizzjoni ta’ aċċess għandha fi kwalunkwe każ tiġi evalwata fid-dawl tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza”. Fil-fatt, minħabba dan ir-rifjut, il-mistednin Russi allegatament kienu ġew ittrattati b’mod differenti minn viżitaturi u ospitanti oħra tal-Parlament.
85
Il-Parlament jikkontesta l-ammissibbiltà ta’ dawn l-ilmenti għar-raġuni li huma motivi invokati għall-ewwel darba, u tardivament, fir-replika. Barra minn hekk, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza huwa ambigwu u diffiċli sabiex jinftiehem.
86
Ir-rikorrent isostni madankollu li huwa biss waqt il-qari tar-risposta ppreżentata fil-Kawża Petrov et vs Il-Parlament (T-452/15) li huwa sar jaf bil-bażi politika tad-diskriminazzjoni li għaliha kienu suġġetti l-mistednin Russi tiegħu.
87
Skond l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul il-kawża sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Madankollu, motiv li jikkostitwixxi l-estensjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li għandu rabta stretta ma’ dan il-motiv, għandu jiġi ddikjarat ammissibbli. Sabiex jitqies li huwa estensjoni ta’ motiv jew ta’ lment imsemmi preċedentement, argument ġdid għandu jkollu, mal-motivi jew l-ilmenti inizjalment spjegati fir-rikors, rabta stretta biżżejjed sabiex jista’ jitqies bħala li jirriżulta mill-iżvilupp normali tad-dibattitu fi proċedura kontenzjuża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni, T-72/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:671, punti 23 u 27).
88
L-ewwel nett, fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq l-opinjonijiet politiċi, din il-projbizzjoni tinsab fl-Artikolu 21(1) tal-Karta, li r-rikorrenti invokat fil-kuntest tal-motiv tiegħu bbażat, fir-rikors, fuq il-“ksur tat-Trattati”. Madankollu, f’dan ir-rikors, ir-rikorrent jillimita l-argumentazzjoni tiegħu bbażata fuq din id-dispożizzjoni għal allegat ksur tal-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika. Barra minn hekk, huwa jinvoka diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità bbażata fuq l-Artikolu 21(2) tal-Karta. Fl-ebda ħin ma huwa jinvoka, fl-att promotur tiegħu, ksur tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-opinjonijiet politiċi tal-mistednin Russi tiegħu.
89
Il-fatt li r-rikorrent ma invokax, fir-rikors, tali diskriminazzjoni huwa ta’ sinjifikat partikolari f’dan il-każ. Fil-fatt, ir-rifjut li l-mistednin Russi jitħallew jaċċedu għall-Parlament ma jistax jiġi iżolat mill-kuntest tiegħu. B’mod partikolari, mill-proċess jirriżulta li, waqt il-preżentata tar-rikors, ir-rikorrent kien fil-pussess tal-posta elettronika tas-servizz tal-istampa li l-Parlament irrifjuta li jagħmel disponibbli t-tagħmir neċessarju għall-konferenza stampa tiegħu wkoll prevista fis-16 ta’ Ġunju 2015. Issa, hemm żewġ raġunijiet għal dan ir-rifjut. L-ewwel nett, il-posta elettronika tas-servizz tal-istampa tfakkar ir-restrizzjonijiet ta’ aċċess imposti mill-istituzzjoni, min-naħa, fuq id-diplomatiċi Russi u, fit-tieni lok, fuq il-politiċi Russi, jiġifieri, b’mod iktar speċifiku, il-membri tal-Gosudarstvennaya Duma Federal’nogo Sobrania Rossiskoï Federatsii (duma tal-Istat tal-assemblea federali tal-Federazzjoni Russa) u s-Soviet Federatsii Federal’nogo Sobrania Rossiskoï Federatsii (kunsill tal-federazzjoni tal-assemblea federali tal-Federazzjoni Russa), kif jirriżulta mit-tweġibiet tal-Parlament għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq. It-tieni nett, din l-istess posta elettronika ssemmi r-riskju li l-preżenza ta’ A. Petrov u F. Biryukov tfixkel l-attivitajiet tal-istituzzjoni. Barra minn hekk, ir-rifjut kontenzjuż kellu l-għan li jipprojbixxi lill-mistednin Russi milli jaċċedu għall-bini tal-Parlament, entità politika, sabiex jipparteċipaw, fuq stedina tar-rikorrent, li jaġixxi bħala deputat, f’laqgħa fuq tema politika, jiġifieri l-“kooperazzjoni Ewropea”. Barra minn hekk, A. Petrv u F. Biryukov huma investiti b’responsabbiltajiet kbar fi ħdan il-partit politiku Russu Rodina u A. Sotnichenko huwa ppreżentat bħala professur universitarju fir-relazzjonijiet internazzjonali. Barra minn hekk, il-laqgħa inkwistjoni kienet maħsuba sabiex tkun il-kontinwazzjoni ta’ forum politiku, jiġifieri l-“Forum Nazzjonali Russu”, li għalih kienu pparteċipaw it-tliet persuni msemmija iktar ’il fuq u li l-Parlament kien għadu kif ikkritika fir-riżoluzzjoni tal-10 ta’ Ġunju 2015. Fl-aħħar nett, matul is-seduta, ir-rikorrent ikkonferma li l-attivitajiet tas-16 ta’ Ġunju 2015 li għalihom kien stieden lill-persuni kkonċernati kellha l-għan li jippermettilhom jesponu l-opinjoni politika tagħhom dwar il-“kooperazzjoni Ewropea” sabiex, minn naħa, tingħata kjarifika kuntrarja dwar il-forum intitolat “Forum nazzjonali Russu” għal dik tar-riżoluzzjoni tal-10 ta’ Ġunju 2015 u, min-naħa l-oħra, li tkompli l-ħidma li kienu bdew hemm. F’dawn iċ-ċirkustanzi, rikorrent familjari mal-politika u normlament diliġenti kellu joqgħod attent għall-kuntest politiku dwar ir-rifjut ta’ aċċess kontenzjuż.
90
Barra minn hekk, mill-aspett proċedurali, ir-rikorrent ma jistax isostni l-fatt li allegatament skopra l-bażi politika għad-diskriminazzjoni li għaliha l-mistednin Russi tiegħu kienu suġġetti wara li qara r-risposta ppreżentata fil-kawża Petrov et vs Il-Parlament (T-452/15).
91
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li kull kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali għandha l-proċess tagħha stess, li b’mod partikolari jinkludi d-dokumenti u l-atti proċedurali prodotti mill-partijiet fil-kawża kkonċernata, u li kull wieħed minn dawn il-proċessi huwa kompletament awtonomu. Dan jidher mill-punt 25 tad-Dispożizzjoniet Prattiċi għall-Implementazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura, li jgħidu li “[a]tt proċedurali u l-annessi tiegħu prodotti f’kawża u inklużi fil-proċess ta’ din il-kawża ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-preparazzjoni ta’ kawża oħra” (ara, b’analoġija, id-digriet tal-15 ta’ Ottubru 2009, Hangzhou Duralamp Electronics vs Il-Kunsill, T-459/07, EU:T:2009:403, punt 12, u s-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2015, Einhell Germany et vs Il-Kummissjoni, T-73/12, EU:T:2015:865, punt 36).
92
Huwa minnu li, skont ġurisprudenza stabbilita, ħlief f’każijiet eċċezzjonali fejn l-iżvelar ta’ dokument jista’ jippreġudika l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, il-partijiet fi proċedura huma liberi li jiżvelaw in-noti tagħhom lil terz għal din il-proċedura. Fl-istess sens, parti fi proċedura tista’, taħt l-istess riżerva, tagħti l-kunsens li nota li hija ppreżentat fil-kuntest ta’ din il-proċedura tintuża minn parti oħra fiha fil-kuntest ta’ proċedura oħra (digriet tal-15 ta’ Ottubru 2009, Hangzhou Duralamp Electronics vs Il-Kunsill, T-459/07, EU:T:2009:403, punt 14, u s-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2015, Einhell Germany et vs Il-Kummissjoni, T‑73/12, EU:T:2015:865, punt 38).
93
Madankollu, f’dan il-każ, ma huwiex stabbilit li r-rikorrent talab lill-Parlament l-awtorizzazzjoni sabiex juża fil-kuntest ta’ din il-kawża r-risposta li dan tal-aħħar ippreżenta fil-Kawża T‑452/15.
94
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-invokazzjoni, fir-replika, ta’ ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-opinjonijiet politiċi tal-mistednin Russi ma hijiex l-amplifikazzjoni ta’ motiv li jinsab fir-rikors li jirriżulta mill-iżvilupp normali tad-dibattitu matul il-proċedura kontenzjuża preżenti, iżda motiv ġdid. Konsegwentement, dan il-motiv għandu jitqies bħala inammissibbli sakemm ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura.
95
It-tieni nett, fir-rigward tal-argument ibbażat, fir-replika wkoll, fuq ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza, il-Parlament iqis li dan huwa diffiċli li jinftiehem sa fejn dan iqajjem dubji dwar it-trattament magħmul “għar-rikorrenti” imqabbel ma’ dak irriżervat għall-viżitaturi u mistednin oħra tal-Parlament, filwaqt li, bħala deputat, ir-rikorrent ma jinsabx f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dawn tal-aħħar. Madankollu, dan ir-riferiment “għar-rikorrenti” huwa manifestament żball tal-pinna. Barra minn hekk, il-Parlament ma jiżbaljax fil-kitbiet sussegwenti tiegħu.
96
Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda n-natura allegatament tardiva tal-argument ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tal-motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter, ir-rikorrent b’mod partikolari jsostni, fir-rikors, li d-deċiżjonijiet ikkontestati kienu “totalment arbitrarji u diametrikament opposti għall-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fid-dritt primarju”. Madankollu, din l-allegazzjoni rreferiet għar-“raġunijiet esposti hawn fuq”, jiġifieri għall-iżviluppi li jikkonċernaw l-allegati diskriminazzjonijiet bbażati fuq in-nazzjonalità jew fuq l-oriġini etnika tal-mistednin Russi. Fl-ebda stadju ma r-rikorrent invoka, waqt il-preżentata tar-rikors tiegħu, bħala tali l-ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fid-dawl tat-trattament mogħti lill-viżitaturi u l-mistednin l-oħra kollha tal-Parlament.
97
Għaldaqstant, jekk ir-rikorrent ried li jestendi, fir-replika, il-portata tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità jew fuq l-oriġini etnika tal-mistednin Russi tiegħu billi jinvoka b’mod ġeneriku l-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fid-dawl tat-trattament mogħti lill-viżitaturi u l-mistednin l-oħra tal-Parlament, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-imsemmi prinċipju għandu jitqies bħala motiv ġdid li ma jirriżultax mill-mod normali kif jiżviluppa d-dibattitu kontenzjuż. Sa dan il-punt u sakemm ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura, dan il-motiv għandu jitqies bħala inammissbli.
98
Għandu jiżdied li l-Artikolu 21 tal-Karta, li jservi bħala l-bażi għall-motiv ibbażat fuq il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità jew fuq l-oriġini etnika, hija espressjoni partikolari tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2015, Léger, C-528/13, EU:C:2015:288, punt 48) u li kemm dan il-prinċipju kif ukoll il-projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni huma żewġ espressjonijiet tal-istess prinċipju ġenerali tad-dritt, li jipprojbixxi, minn naħa, it-trattament ta’ sitwazzjonijiet simili b’mod differenti u, min-naħa l-oħra, it-trattament ta’ sitwazzjonijiet differenti bl-istess mod, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw tali trattament [sentenza tas-27 ta’ Jannar 2005, Europe Chemi-Con (Deutschland) vs Il-Kunsill, C-422/02 P, EU:C:2005:56, punt 33].
99
B’hekk, sa fejn, fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, l-invokazzjoni, fir-replika, tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza għandha titqies bħala l-espressjoni, f’terminoloġija oħra, tal-motiv tar-rikors ibbażat fuq il-projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità jew fuq l-oriġini etnika, l-ilment inkwistjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat, għar-raġunijiet diġà esposti fil-punti 74 et seq iktar ’il fuq.
100
Fi kwalunkwe każ, il-motiv ibbażat, minn naħa, fuq il-ksur tal-Artikolu 21(1) tal-Karta sa fejn ir-rifjut li l-mistednin Russi jitħallew jaċċedu għall-bini tal-Parlament huwa vvizzjat b’diskriminazzjoni minħabba l-opinjonijiet politiċi tagħhom u, min-naħa l-oħra, fuq il-ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza huwa infondat peress li mill-punti 108 sa 122 iktar ’il quddiem jirriżulta li ż-żewġ deċiżjonijiet ikkontestati bbażati fuq raġuni oġġettiva u raġonevoli, imqabbla ma’ għan legalment ammissibbli u jkunu proprzjonat għall-għan segwit.
4. Fuq il-motiv dirett kontra ż-żewġ deċiżjonijiet ikkontestati u bbażat fuq użu ħażin ta’ poter
101
Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma vvizzjati minn abbuż ta’ poter, dak li l-Parlament jikkontesta.
102
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ użu ħażin ta’ poter għandu portata preċiża ħafna li jirreferi għall-użu mill-awtorità amministrattiva tal-poteri tagħha għal għan differenti minn dak li għaliha jkunu ngħatawlha l-istess poteri. Deċiżjoni tkun ivvizzjata minn użu ħażin ta’ poter biss jekk din tkun tidher, abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li tkun ittieħdet sabiex jintlaħqu għanijiet li ma jkunux dawk iddikjarati. F’dan ir-rigward, ma huwiex suffiċjenti li jiġu invokati ċerti fatti insostenn ta’ dawn l‑allegazzjonijiet, iżda għandhom jitressqu indizji preċiżi, oġġettivi u konkordanti ta’ natura tali li jsostnu l-veraċità tagħhom jew, għall-inqas, il‑verosimiljanza tagħhom. Fin-nuqqas ta’ dan, il-preċiżjoni materjali tal-affermazzjonijiet tal-istituzzjoni kkonċernata ma tistax tiġi kkontestata. B’hekk, l-evalwazzjoni ġenerali tal-indizzji ta’ użu ħażin ta’ poter ma tistax tkun ibbażata fuq sempliċi allegazzjonijiet, fuq indizzji mhux suffiċjentement preċiżi jew li ma humiex la oġġettivi u lanqas rilevanti (ara d-digriet tad-19 ta’ Diċembru 2013, da Silva Tenreiro vs Il-Kummissjoni, T-32/13 P, EU:T:2013:721, punti 31 sa 33 u l-ġurisprudenzza ċċitata).
103
Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li, “għar-raġunijiet esposti iktar ’il qudddiem”, id-deċiżjonijiet ikkontestati kienu vvizzjati minn abbuż ta’ poter sa fejn huma “kompletament arbitrarji u dijametrikament opposti għall-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni”.
104
Madankollu, sa fejn ir-rikorrent jibbaża fuq l-allegati irregolaritajiet ikkritikati fil-motivi bbażati fuq il-“ksur tat-Trattati”, hemm lok li jitfakkar li, peress li dawn ġew miċħuda iktar ’il fuq, dan ir-riferiment ma jistax jirnexxi.
105
Fit-tieni lok, ir-rikorrent jammetti li s-sigurtà u l-funzjonament tajjeb tal-Parlament huma għanijiet legalment ammissibbli, li jistgħu jiġġustifikaw id-deċiżjonijiet ikkontestati. Madankollu, huwa jikkontesta li dawn kienu l-għanijiet realment segwiti minn dawn tal-aħħar.
106
Ir-rikorrent jallega, fil-fatt, li l-mistednin Russi tiegħu ma jikkostitwixxux periklu għas-sigurtà u l-funzjonament tajjeb tal-Parlament. Għalkemm dan tal-aħħar huwa post ta’ skambju politiku, l-għan tar-rifjut li jitħallew jaċċedu għall-Parlament kien fir-realtà li jinżammu ’l bogħod minħabba t-twemmin politiku tagħhom u affiljazzjoni politika li ma togħġobx il-maġġoranza tal-Assemblea.
107
Huwa importanti li jiġi osservat li, b’dan l-argument, ir-rikorrent bi ħsiebu jiddeduċi l-prova ta’ użu ħżain ta’ poter mill-ineżattezza tar-raġunijiet li jiġġustifkaw id-deċiżjonijiet ikkontestati.
108
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat fil-punt 89 iktar ’il fuq jirriżulta li, għalkemm il-mistednin Russi tar-rikorrent ma kinux membri tad-Duma tal-Istat tal-assemblea federali tal-Federazzjoni Russa jew tal-Kunsill tal-federazzjoni tal-assemblea federali tal-Federazzjoni Russa, id-deċiżjonijiet ikkontestati kienu motivati mill-fatt li l-preżenza ta’ dawn tal-aħħar fil-Parlament tista’ tagħmel ħsara lill-ordni lis-sigurtà tal-istituzzjoni kif ukoll għall-funzjonament tajjeb tiegħu fil-kuntest ġenerali tal-avvenimenti li taw lok għar-restrizzjonijiet ta’ aċċess imsemmija.
109
Iktar speċifikament, il-Parlament enfasizza, fid-dawl tar-riżoluzzjoni tal-10 ta’ Ġunju 2015, il-kuntest speċifiku tar-relazzjonijiet politiċi bejn il-Federazzjoni Russa u l-Unjoni fil-mument tal-fatti. Huwa rrefera għas-sitwazzjoni fl-Ukraina u għall-pubblikazzjoni, mill-Federazzjoni Russa, ta’ lista sewda li fiha l-ismijiet tad-deputati attwali u dawk preċedenti u ta’ uffiċjali tal-Unjoni li kellha twassal sabiex tillimita l-aċċess tal-politiċi u tad-diplomatiċi Russi għall-infrastrutturi tagħha.
110
Fid-dawl tal-kuntest speċifiku li dak iż-żmien kien jikkaratterizza r-relazzjonijiet politiċi bejn il-Federazzjoni Russa u l-Unjoni, minn naħa, u fid-dawl li kienu qed jintensifikaw, skont il-Parlament, ir-relazzjonijiet bejn partiti Ewropej ikklassifikati bħala populisti u forzi Russi deskritti bħala nazzjonalisti, min-naħa l-oħra, il-Parlament enfasizza li A. Petrov, F. Biruykov u A. Sotnichenko kienu pparteċipaw fil-forum intitolat “Forum nazzjonali Russu” li kien għadu kif ġie kkundannat severament mill-Assemblea. Il-Parlament enfasizza wkoll li A. Petrov u F. Biruykov kienu membri attivi ta’ partit Russu li kien tqies bħala nazzjonalista. Huwa żied li A. Petrov, F. Biruykov u A. Sotnichenko kienu finalment protagonisti mistiedna, minn naħa, sabiex juru, ġo l-istituzzjoni, perspettiva differenti minn dik tat-riżoluzzjoni tal-10 ta’ Ġunju 2015 dwar il-forum intitolat “Forum Nazzjonali Russu” u, min-naħa l-oħra, sabiex isegwu hemm ix-xogħol li kien inbeda waqt dan il-forum, li r-rikorrent ikkonferma matul is-seduta (ara l-punt 89 iktar ’il fuq).
111
Madankollu r-rikorrent josserva li “dritt li ġej mill-istatus ta’ kap” tal-President tal-Parlament, invokat mill-Parlament, ma jistax jintuża sabiex jimpedixxi laqgħat li s-suġġett tagħhom jikkontradixxi l-maġġoranza, peress li l-parlamenti huma preċiżament postijiet ta’ skambji politiċi.
112
Madankollu, l-Artikolu 22 tar-regoli interni tal-Parlament jagħti lill-President tal-istituzzjoni l-kompetenza neċessarja sabiex jipprovdi għas-sigurtà ġenerali fil-bini tal-Parlament, sabiex jimpedixxi u jwaqqaf kwalunkwe tfixkil għall-iżvolġiment tajjeb tal-attivitajiet parlamentari kif ukoll sabiex jipproteġu d-dinjità tal-istituzzjoni. Barra minn hekk, il-Parlament jallega ġustament li ma huwiex obbligat jippromwovi fl-infrastrutturi tiegħu l-attivitajiet politiċi ta’ partit ta’ pajjiż terz. Għaldaqstant, il-Parlament ma huwiex obbligat li jirċievi membri jew simpatizzanti ta’ tali partit sabiex ikunu jistgħu jesprimu ruħhom fil-bini tiegħu. B’mod iktar ġenerali, mill-Artikolu 14 TUE jirriżulta li d-dritt li jieħdu sehem fil-funzjonijiet leġiżlattivi, baġitarji, ta’ kontroll politiku u konsultattiv ġol-Parlament huwa rriżervat lir-rappreżentanti taċ-ċittadini tal-Unjoni eletti b’vot universali, dirett, liberu u sigriet, filwaqt li dispożizzjonijiet partikolari, bħall-Artikolu 15(6)(d)TUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 230 TFUE, speċifikament, iggarantixxew id-dritt ta’ smigħ lill-President tal-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk, għalkemm l-Artikolu 115 tar-regoli interni tal-Parlament jipprevedi li d-dibattiti huma pubbliċi u li l-laqgħat tal-kumitati huma wkoll normalment pubbliċi, l-Artikolu 157 tal-imsemmija regoli jispeċifika li l-pubbliku li jitħalla jidħol fil-gallariji għandhom jibqgħu bil-qiegħda u jżommu s-silenzju. Jingħad ukoll li l-istruttura tat-trattati u t-testi adottati għal-implementazzjoni tagħhom kif ukoll il-ħtieġa li jiġi żgurat l-eżerċizzju liberu tal-poteri vestiti fil-Parlament ifissru li dan tal-aħħar ma huwiex il-post fejn il-pubbliku kollu jkollu l-fakultà sħiħa li jesprimu ruħhu.
113
Ir-rikorrent isostni wkoll li permessi ta’ aċċess kienu nħarġu għall-attenzjoni tal-mistednin Russi tiegħu, u b’hekk huwa ħaseb li, fin-nuqqas tal-konferenza stampa, il-laqgħa ta’ xogħol setgħet isseħħ fil-bini tal-istituzzjoni bil-parteċipazzjoni tagħhom. Il-ħruġ ta’ dawn il-permessi juri li dawn tal-aħħar ma huma bl-ebda mod ta’ riskju partikolari, filwaqt li l-bidla fl-attitudni tal-Parlament turi n-natura ta’ tfettiq tad-deċiżjonijiet ikkontestati u l-kumplikazzjoni inutli tax-xogħol tiegħu ta’ deputat li tirriżulta minnha.
114
Madankollu, għalkemm huwa eżatt li l-Parlament irrikonoxxa li rċieva t-talba għal akkreditament għal-laqgħa ta’ xogħol bil-posta elttronika tad-DĠ “Sigurtà” tad-9 ta’ Ġunju 2015 u li din il-posta elettronika kien fiha numru ta’ riferiment li jippermetti li jiġu rtirati l-permess ta’ aċċess lill-mistednin Russi tar-rikorrent, għandu jitfakkar li din il-posta elettronika li ġiet minn DĠ “Sigurtà”, filwaqt li l-deċiżjoni li tirrifjuta lill-mistednin Russu tar-rikorrent l-aċċess għall-bini hija bbażata fuq evalwazzjoni tal-kuntest politiku li eċċediet il-kompetenzi tas-servizzi amministrattivi tal-Parlament u kienet tappartjenu biss lill-organi politiċi tal-istituzzjoni. Barra minn hekk, il-posta elettronika tad-DĠ “Sigurtà” tad-9 ta’ Ġunju 2015 li inkludiet anness li jispeċifika li l-organizzatur tal-avveniment ma kienx eżenti minn proċedura normali ta’ awtorizzazzjoni fis-seħħ fi ħdan l-istituzzjoni. B’hekk il-kontradizzjoni apparenti li tirriżulta mill-ħruġ ta’ numru ta’ riferiment li jippermetti li jiġu rtirati l-permessi ta’ aċċess u r-rifjut lill-klijenti Russi li jitħallew finalment jaċċedu fil-Parlament jirrifletti r-rwol differenti assenjat lis-servizzi amministrattivi u lill-korpi politiċi. Konsegwentement, ma jistax jiġi sostnut li l-Parlament, sabiex ifettaq, kien ta’ x’wieħed x’jaħseb li l-laqgħa kontenzjuża setgħet saret fl-infrastrutturi tiegħu.
115
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ladarba t-teħid ta’ miżuri bħar-rifjut li persuni jitħallew jidħlu fil-Parlament sabiex tiġi evitata kwalunkwe tfixkil għax-xogħol tiegħu jippreżupponi evalwazzjoni futura tar-riskju fid-dawl tad-data disponibbli neċessarjament jimplika marġni ta’ inċertezza, ma jidhirx li l-għan li tiġi żgurata s-sigurtà u l-funzjonament tajjeb tal-Parlament ma kienx raġonevolment relatat mal-motivi allegati minn dan tal-aħħar.
116
Fl-aħħar nett, ir-rikorrent isostni li sab indizju ta’ użu ħażin ta’ poter fil-fatt li r-rifjut ta’ aċċess għall-Parlament kien imur, fi kwalunkwe każ, lil hinn minn dak li kien neċessarju. B’hekk osserva li l-President tal-Parlament kellu għad-dispożizzjoni tiegħu servizz ta’ sigurtà kapaċi li jillimita l-forom kollha ta’ provokazzjonijiet. Barra minn hekk, il-fatt li r-rifjut ta’ aċċess fil-Parlament irrigwarda ċ-ċittadini Russi mistednin kollha, filwaqt li, skont il-posta elettronika tas-servizz tal-istampa, huma biss A. Petrov u F. Biruykov li kienu ta’ riskju għas-sigurtà u l-funzjonament tajjeb tal-istituzzjoni, kien juri li dan ir-rifjut kien jikkostitwixxi tip ta’ “sanzjoni kollettiva”.
117
Madankollu, għandu jitfakkar li r-rikorrent la stabbilixxa u lanqas allega li kull persuna għandu jkollu aċċess inkundizzjonat għall-faċilitajiet tal-Parlament għal skopijiet ta’ propaganda politika jew sabiex hemm jiddiskutu l-linji politiċi tal-Assemblea. Għall-kuntrarju, kif ġie espost fil-punt 112 iktar ’il fuq, il-Parlament espona, mingħajr ma ġie kontradett, li d-dritt tal-Unjoni ma jagħtix lill-pubbliku l-fakultà sħiħa li jaċċedi għall-bini tiegħu u sabiex jużah sabiex jesprimi l-opinjonijiet tiegħu.
118
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-President tal-Parlament impedixxa lill-mistednin Russu tar-rikorrent milli jaċċedu għall-bini tal-istituzzjoni sabiex jesprimu ruħhom waqt laqgħa politika, pjuttost milli joqgħod fuq il-kapaċità ta’ intervent tas-servizzi ta’ sigurtà, ma jistax jitqies, fil-kuntest internazzjonali mfakkar fil-punti 109 u 110 iktar ’il fuq, bħala indizju ta’ użu ħażin ta’ poter. Dan jgħodd iktar u iktar meta l-Parlament ikkonferma, matul is-seduta, li, peress li r-rifjut ta’ aċċess kontenzjuż kien marbut mal-kuntest inkwistjoni, huwa kien biss temporanju.
119
Ir-rikorrent lanqas ma jista’ jibbaża fuq li r-rifjut ta’ aċċess ittieħed kemm kontra “il-grupp kollu ta’ viżitaturi Russi”, kif ukoll kontra E.N. u P.E., sabiex jintwera li dan ir-rifjut kien jikkostitwixxi sanzjoni kollettiva u sproporzjonata. Fil-fatt, ir-rifjut li dawn iż-żewġ persuni jaċċedu għall-Parlament huwa dovut għall-fatt li dan kienu qed jakkumpanjaw, waħda minnhom il-mara ta’ F. Biruykov, l-oħra bħala interpretu, kif jirriżulta mid-dibattiti waqt is-seduta.
120
Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jikkontesta ukoll għal xejn in-natura kollettiva tar-rifjut li l-mistednin Russi jitħallew jaċċedu għall-Parlament milli jibbażaw fuq il-fatt li jirriżulta a contrario mill-posta elettronika tas-servizz tal-istampa li, għall-Parlament innifsu, A. Sotnichenko ma kienx jikkostitwixxi riskju partikolari.
121
Ma jistax jinsilet argument mill-fatt li, fil-posta elettronika tas-servizz tal-istampa li tirrifjuta li sala tkun disponibbli għar-rikorrent sabiex jorganizza l-konferenza stampa tiegħu, il-Parlament qies li l-preżenza ta’ A. Petrov u F. Biryukov kienet ta’ riskju għall-funzjonament tajjeb tal-istituzzjoni mingħajr ma semma l-każ ta’ A. Sotnichenko. Fil-fatt, mill-posta elettronika mibgħuta fit- 3 ta’ Ġunju 2015 mill-assistent tar-rikorrent lis-servizz tal-istampa tal-Parlament dwar l-organizzazzjoni ta’ din il-konferenza jirriżulta li l-persuna kkonċernata ma għandhiex tipparteċipa fiha.
122
Barra minn hekk, il-Parlament espona li A. Sotnichenko kien ħa sehem fil-forum intitolat “Forum Nazzjonali Russu”, bħal A. Petrov u F. Biryukov, li dan ma ġiex ikkontestat, u li hija din il-parteċipazzjoni li kienet iġġustifikat li aċċess għall-bini tal-istituzzjoni sabiex jieħu sehem fil-laqgħa ta’ xogħol kien ukoll irrfjutat fil-kuntest deskritt fil-punti 109 u 110 iktar ’il fuq.
123
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-rikorrent ma jipprovdix indizji preċiżi, oġġettivi u konsistenti suffiċjenti li jagħti x’jaħseb li s-sigurtà u l-funzjonament tajjeb tal-Parlament ma kienx l-għan realment veru segwit mill-President tiegħu meta dan adotta d-deċiżjonijiet ikkontestati. B’hekk hemm lok li jiġi miċħud il-motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter.
124
Peress li ebda motiv ma kien fondat, hemm lok li r-rikors jiġi miċħud kollu kemm hu.
IV. Fuq l-ispejjeż
125
Skont l-Artikolu 34(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.
126
Peress li r-rikorrent tilef, huwa għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż kollha, inklużi dawk relatati mal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kif mitlub mill-Parlament.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1)
Ir-rikors huwa miċħud.
2)
Udo Voigt huwa kkundannat ibati, barra l-ispejjeż tiegħu, dawk sosnuti mill-Parlament Ewropew, inkluż dawk marbuta mal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
Kanninen
Calvo-Sotelo Ibáñez-Martín
Reine
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-20 ta’ Novembru 2017.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy