SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)
16 ta’ Jannar 2018 ( *1 )
“Għajnuna mill-Istat - Għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Franċiżi lil EDF - Riklassifikazzjoni f’injezzjoni ta’ kapital ta’ riżervi kontabbli maħluqa bħala eżenti mit-taxxa għat-tiġdid tan-Netwerk ta’ Provvista Ġenerali - Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern - Awtorità ta’ res judicata - Kriterju ta’ investitur privat”
Fil-Kawża T‑747/15,
Électricité de Franza (EDF), stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn M. Debroux, avukat,
rikorrenti,
sostnuta minn
Ir-Repubblika Franċiża, inizjalment irrappreżentata minn G. de Bergues u D. Colas u J. Bousin, sussegwentement minn D. Colas u J. Bousin, bħala aġenti,
intervenjenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn É. Gippini Fournier, B. Stromsky u D. Recchia, bħala aġenti,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tal-Artikoli 1 sa 5 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/154, tat-22 ta’ Lulju 2015, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.13869 (C 68/2002) (ex NN 80/2002) – Riklassifikazzjoni f’kapital tar-riżervi kontabbli b’eżenzjoni mit-taxxa għat-tiġdid tan-Netwerk ta’ Provvista Ġenerali implimentata minn Franza favur EDF (ĠU 2016, L 34, p. 152),
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),
komposta minn S. Frimodt Nielsen (Relatur), President, V. Kreuschitz u N. Półtorak, Imħallfin,
Reġistratur: E. Coulon,
tagħti l-preżenti
Sentenza
I. Il-fatti li wasslu għall-kawża
A. Introduzzjoni
1
B’deċiżjoni tas-16 ta’ Ottubru 2002 (ĠU 2002, C 280, p. 8, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ”), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE dwar il-vantaġġ li rriżulta min-nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta mir-rikorrenti, Électricité de France (EDF), għar-ristrutturazzjoni tal-bilanċ tagħha fl-1997, fuq parti mir-riżervi kontabbli b’eżenzjoni mit-taxxa għat-tiġdid tan-Netwerk ta’ Provvista Ġenerali (iktar ’il quddiem in-“NPĠ”) u riklassifikati f’injezzjoni ta’ kapital.
2
Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2003 (ĠU 2005, L 49, p. 9, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inizjali”), il-Kummissjoni ddikjarat il-miżura ta’ għajnuna li minnha kienet ibbenefikat EDF bħala inkompatibbli mas-suq intern u ordnat li din l-għajnuna tiġi rkuprata flimkien mal-interessi. L-ammont tal-għajnuna ġiet irrimborsata lir-Repubblika Franċiża fi Frar 2004.
3
Permezz ta’ sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2009, EDF vs Il-Kummissjoni (T‑156/04, iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-Kawża T‑156/04”, EU:T:2009:505), il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikoli 3 u 4 tad-deċiżjoni inizjali. Wara dik is-sentenza, ir-Repubblika Franċiża reġgħet ħallset lil EDF l-ammont li din kienet irrimborsatha.
4
Permezz ta’ sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF (C‑124/10 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-Kawża C‑124/10 P”, EU:C:2012:318), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni kontra s-sentenza fil-Kawża T-156/04.
5
Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, C 186, p. 73), li biha għamlet stedina sabiex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet skont l-Artikolu 108(2) TFUE, (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ estensjoni”), il-Kummissjoni estendiet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.
6
Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2016/154, tat-22 ta’ Lulju 2015, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.13869 (C 68/2002) (ex NN 80/2002) – Riklassifikazzjoni f’kapital tar-riżervi kontabbli b’eżenzjoni mit-taxxa għat-tiġdid tan-Netwerk ta’ Provvista Ġenerali implimentata minn Franza favur EDF (ĠU 2016, L 34, p. 152, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni reġgħet, għal darba oħra, iddikjarat il-miżura ta’ għajnuna li minnha kienet ibbenefikat EDF inkompatibbli mas-suq intern u ordnat l-irkupru ta’ din l-għajnuna flimkien mal-interessi. L-ammont tal-għajnuna ġie rrimborsat lir-Repubblika Franċiża fit-13 ta’ Ottubru 2015.
7
B’talba mressqa fir-Reġistru fit-22 ta’ Diċembru 2015, EDF ippreżentat dan ir-rikors.
B. Fuq il-benefiċjarju tal-għajnuna
8
EDF inħolqot permezz tal-loi no 46-628, du 8 avril 1946, sur la nationalisation de l’électricité et du gaz (JORF tad-9 ta’ April 1946, p. 2651) (il-Liġi Nru 46-628, tat-8 ta’ April 1946, dwar in-nazzjonalizzazzjoni tal-elettriku u tal-gass) li, skont l-ewwel artikolu tagħha, innazzjonalizzat il-produzzjoni, it-trasport, id-distribuzzjoni, l-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-elettriku fi Franza. Din il-liġi fdat il-ġestjoni tal-impriżi nnazzjonalizzati tal-elettriku f’idejn stabbiliment pubbliku nazzjonali ta’ natura industrijali u kummerċjali, imsejjaħ “Electricité de France (E.D.F.), Service national”.
9
L-Artikolu 16 tal-Liġi Nru 46-628 kien jipprovdi li l-bilanċ nett tal-proprjetà, id-drittijiet u l-obbligi ttrasferiti lil EDF kien jikkostitwixxi l-kapital tagħha, kien proprjetà tal-pajjiż, ma kienx trasferibbli u, f’każ ta’ telf operatorju, kellu jkun irrikostitwit fuq ir-riżultati tas-snin finanzjarji sussegwenti. Skont l-Artikolu 1 tad-décret no 56-493, du 14 mai 1956, relatif aux dotations en capital à EDF (JORF tad-19 ta’ Mejju 1956, p. 4613) (id-Digriet Nru 56-493, tal-14 ta’ Mejju 1956, dwar l-injezzjonijiet ta’ kapital lil EDF), dawn tal-aħħar kienu suġġetti għar-regoli stabbiliti mill-Artikolu 16 tal-liġi msemmija. Skont l-Artikolu 2 tal-istess digriet, dawn l-injezzjonijiet kienu jwasslu għall-għoti ta’ interessi u dividend lill-Istat.
10
Skont il-Liġi Nru 46-628, sa mill-ħolqien tagħha u ċertament fl-1997, EDF kienet stabbiliment pubbliku nazzjonali ta’ natura industrijali u kummerċjali, mhux irregolat mid-dispożizzjonijiet applikabbli għall-kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata. Il-loi no 2004-803, du 9 août 2004, relative au service public de l’électricité et du gaz et aux entreprises électriques et gazières (JORF tal-11 ta’ Awwissu 2004, p. 14256) (il-Liġi Nru 2004-803, tad-9 ta’ Awwissu 2004, dwar is-servizz pubbliku tal-elettriku u tal-gass u l-impriżi tal-elettriku u tal-gass) biddlet dan l-istatus meta, fl-Artikolu 24 tagħha, stipulat li EDF, li tagħha l-Istat kellu jżomm iktar minn 70 % tal-kapital, kellha tkun irregolata mil-liġijiet applikabbli għall-kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata diment li ma jkunx hemm dispożizzjonijiet legali kuntrarji. L-Artikolu 47 ta’ din il-liġi kien jipprevedi wkoll it-trasformazzjoni sussegwenti tal-istabbiliment pubbliku EDF f’kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, suġġetta għall-pubblikazzjoni ta’ digriet dwar l-istatus il-ġdid tagħha. L-Artikolu 46 ta’ din l-istess liġi jippreċiża li l-bilanċ tal-kumpannija EDF fil-31 ta’ Diċembru 2004 għandu jkun stabbilit skont il-karta tal-bilanċ tal-31 ta’ Diċembru 2003 u r-rapport tal-introjtu għa-sena finanzjarja 2004 tal-istabbiliment pubbliku EDF.
11
It-trasformazzjoni ta’ EDF f’kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata saret effettiva bl-applikazzjoni tad-décret no 2004-1224, du 17 novembre 2004, portant statuts de la société anonyme EDF (JORF tad-19 ta’ Novembru 2004, p. 19505) (id-Digriet Nru 2004-1224, tas-17 ta’ Novembru 2004, dwar l-istatuti tal-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata EDF). L-istatuti annessi mal-imsemmi digriet jipprevedu li minn dakinhar ’il quddiem EDF kellha tkun kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata rregolata mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli għall-kumpanniji kummerċjali, fosthom il-le code de commerce (il-Kodiċi tal-Kummerċ), sa fejn ma jkunx hemm deroga minn dan tal-aħħar minn dispożizzjonijiet iktar speċifiċi inklużi l-istess statuti.
12
L-Artikolu 6 tal-istatuti ta’ EDF jipprevedi li l-kapital azzjonarju tal-kumpannija, oriġinarjament miżmum kollu mill-Istat, huwa stabbilit għas-somma ta’ EUR 8.129 biljun, maqsum f’1 625800000 azzjoni ta’ EUR 5 kull wieħed. Il-kapital azzjonarju tal-kumpannija l-ġdida pubblika b’responsabbiltà limitata EDF ġie stabbilit f’Novembru 2004 fl-istess ammont tal-kapital u l-injezzjonijiet ta’ kapital tal-istabbiliment pubbliku ekonomiku u kummerċjali EDF akkumulati sa dakinhar, jiġifieri EUR 8.1 biljun. Dan l-ammont ta’ kapital u ta’ injezzjonijiet ta’ kapital kien intlaħaq b’applikazzjoni tal-loi no 97-1026, du 10 novembre 1997, portant diverses mesures d’ordre économique et commercial (JORF tal-11 ta’ Novembru 1997, p. 16387) (il-Liġi Nru 97-1026, tal-10 ta’ Novembru 1997, dwar diversi miżuri ekonomiċi u kummerċjali) u ma nbidilx mill-1997 sal-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.
13
Il-Liġi Nru 2004-803 u l-istatuti ta’ EDF kienu jipprevedu barra minn hekk li, fi kwalunkwe ħin, l-Istat kellu jżomm iktar minn 70 % tal-kapital tal-kumpannija. F’Novembru 2005, ġew offruti azzjonijiet ġodda ta’ EDF ammessi għall-elenkar fuq Euronext bi prezz miftuħ (iktar ’il quddiem “OPM”), biex b’hekk il-kapital ta’ EDF infetaħ għal azzjonisti oħrajn minbarra l-Istat.
C. Fuq il-ħolqien ta’ riżervi kontabbli għat-tiġdid tan-NPĠ
14
Skont l-Artikolu 36 tal-Liġi Nru 46-628, il-konċessjonijiet kollha nnazzjonalizzati tal-elettriku ġew ittrasferiti lil EDF. Għal dawn il-konċessjonijiet, skont l-Artikolu 37 tal-istess liġi, il-konċessjonarju huwa obbligat josserva speċifikazzjonijiet standard tal-kuntratt. Id-diversi konċessjonijiet ta’ trasport tal-elettriku trasferiti b’dan il-mod mill-Istat lil EDF ġew unifikati fl-1958 f’konċessjoni waħdanija msejħa NPĠ.
15
Fl-assenza ta’ regoli speċifiċi tal-kontabbiltà għall-konċessjonijiet, mill-1946, EDF ikkunsidrat li hija kienet il-proprjetarja tal-assi li jiffurmaw parti min-NPĠ u rreġistrat dawn l-assi fl-attiv tal-karta tal-bilanċ tagħha.
16
Skont l-Artikolu 8 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt approvati mid-Digriet Nru 56-1225, tat-28 ta’ Novembru 1956, EDF hija meħtiega twettaq bi spejjeż proprji x-xogħlijiet kollha ta’ manutenzjoni u ta’ tiġdid meħtieġa sabiex iżżomm l-istrutturi tal-konċessjoni f’kundizzjoni tajba.
17
Fl-1987, wara emenda fl-1982 tal-pjan ta’ kontabbiltà ġenerali li jipprovdi regoli speċifiċi għall-assi li jridu jintraddu lura lill-Istat fi tmiem il-konċessjoni, EDF biddlet il-prattika tal-kontabbiltà tagħha għall-attivi tan-NPĠ li sa dakinhar kienu meqjusa bħala assi proprji u kklassifikat dawn l-attivi fl-entrata tal-karta bilanċjali “Assi taħt konċessjoni”. Għal dawn l-attivi EDF applikat ir-regoli ta’ kontabbiltà speċjali stabbiliti fi Franza għall-assi taħt konċessjoni li jridu jintraddu lura lill-Istat fi tmiem il-konċessjoni, u ħolqot riżervi, b’eżenzjoni mit-taxxa, għat-tiġdid tan-NPĠ.
18
F’rapport tal-1994, il-Cour des comptes (il-Qorti tal-Awdituri, Franza) ikkunsidrat li, fil-preżenza ta’ konċessjonarju uniku u permanenti tal-Istat, stabbilit bil-liġi, bħal EDF, kien diffiċli li wieħed jikkunsidra li l-assi li jikkostitwixxu n-NPĠ kellhom jintraddu lura lill-Istat fi tmiem il-konċessjoni, għall-kuntrarju tal-assi proprji tan-NPĠ li jappartjenu lil EDF. Fi kliem ieħor, minħabba li l-bidla fil-kontijiet li EDF introduċiet fl-1987 kienet tfisser il-ħolqien ta’ riżervi b’eżenzjoni mit-taxxa, din ma hijiex iġġustifikata għall-Cour des comptes (il-Qorti tal-Awdituri). Għaldaqstant bdiet ħidma ta’ regolarizzazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ EDF bejn il-kumpannija u l-awtoritajiet superviżorji.
19
Fl-1997, EDF kellha fil-kontijiet tagħha żewġ tipi ta’ riżervi b’eżenzjoni mit-taxxa għat-tiġdid tan-NPĠ ir-riżervi li kienu għadhom ma ntużawx u li kienu jammontaw għal 38.5 biljun frank Franċiż (FRF) u d-drittijiet tal-konċedent, li jikkorrispondu għall-operazzjonijiet ta’ tiġdid diġà effettwati, u li jammontaw għal FRF 18.345 biljun.
D. Fuq ir-riklassifikazzjoni tar-riżervi kontabbli
20
Il-Liġi Nru 97-1026 iċċarat l-istatus tal-assi li jikkostitwixxu n-NPĠ. L-Artikolu 4 ta’ din il-liġi jipprovdi li:
“I.
Ix-xogħlijiet tan-NPĠtal-elettriku huma meqjusa bħala l-proprjetà ta’ EDF minn meta ngħatatilha l-konċessjoni ta’ dan in-netwerk.
II.
Għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-punt I, fl-1 ta’ Jannar 1997, il-valur korrispondenti tal-assi in natura mogħtija b’konċessjoni għan-NPĠ li jidher fil-passiv tal-karta tal-bilanċjali ta’ EDF huwa rreġistrat, nett mid-differenzjali ta’ rivalutazzjoni korrispondenti, fl-entrata ‘Injezzjonijiet ta’ kapital’ […]”.
21
Huwa paċifiku li r-rikors għal-liġi kien meħtieġ għal kull eżerċizzju li jikkonċerna l-kapital ta’ EDF, sa fejn, fil-verżjoni fis-seħħ tagħha fl-1997, l-Artikolu 16 tal-Liġi Nru 46-628 kien jipprevedi li l-kapital ta’ EDF ma kienx trasferibbli u kien proprjetà tan-nazzjon. Għalhekk, l-injezzjonijiet ta’ kapital ta’ EDF li jirriżultaw mir-riklassifikazzjoni tar-riżervi għat-tiġdid tan-NPĠ kienu jaqgħu, fid-dritt Franċiż, taħt il-liġi.
22
Il-Liġi Nru 97-1026 tistabbilixxi l-proprjetà tal-attivi tan-NPĠ. Il-karta tal-bilanċ ta’ EDF ġiet riorganizzata b’din l-istess liġi. Ir-riżervi magħmula minn EDF bejn l-1987 u l-1996 għat-tiġdid tan-NPĠ bl-għan li dawn l-attivi jintraddu lura lill-Istat, kemm jekk użati kif ukoll jekk le, kienu irrilevanti jekk l-assi tan-NPĠ kienu meqjusa proprjetà ta’ EDF.
23
Ittra tal-ministre de l’Économie, des Finances et de l’Industrie (il-Ministru għall-Ekonomija, il-Finanzi u l-Industrija), tas-secrétaire d’État au budget (is-Segretarju tal-Istat għall-Baġit) u tas-secrétaire d’État à l’industrie (is-Segretarju tal-Istat għall-Industrija), indirizzata lil EDF fit-22 ta’ Diċembru 1997 (iktar ’il quddiem “l-ittra tat-22 ta’ Diċembru 1997”), tispjega fl-Anness 1 tagħha r-ristrutturazzjoni tal-karta tal-bilanċ ta’ EDF, skont l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 97-1026:
“Riklassifikazzjoni tad-‘drittijiet tal-konċedent’ (FRF 18345563605):
–
konsolidazzjoni f’injezzjonijiet ta’ kapital tal-valur korrispondenti tal-assi in natura tan-NPĠ mogħtija b’konċessjoni li tammonta għal FRF 14119065335.
–
raggruppament tad-differenzjali ta’ rivalutazzjoni tan-NPĠ tal-1959 ([FRF] 2425 [miljun]) u tal-1976 (attivi fissi mhux deprezzabbli: [FRF] 97 [miljun]) bl-entrata ‘Differenzjali ta’ rivalutazzjoni NPĠ’, li l-ammont tagħhom tela’ għalhekk minn [FRF] 1720 [miljun] għal [FRF] 4145 [miljun];
–
raggruppament tar-riżervi regolati relatati mar-rivalutazzjoni tal-assi fissi deprezzabbli tal-1976 ([FRF] 1704 [miljun]), bl-entrata titla’ minn [FRF] 877 [miljun] għal [FRF] 2581 [miljun];
–
riklassifikazzjoni tar-riżervi għat-tiġdid li ma baqgħux ġustifikati (F[RF] 38520943408) għar-riport mill-ġdid, skont il-parir tal- Conseil national de la comptabilité (il-Kunsill Nazzjonali tal-Kontabbiltà)Nru 97-06 tat-18 ta’ Ġunju 1997 dwar il-bidliet fil-kontabbiltà”.
24
Bħala parti mir-riorganizzazzjoni tal-karta tal-bilanċ ta’ EDF, l-awtoritajiet Franċiżi segwew il-parir Nru 97-06 tat-18 ta’ Ġunju 1997 tal-Kunsill Nazzjonali tal-Kontabbiltà (KNK), dwar il-bidliet fil-metodi tal-kontabbiltà, bidliet fl-estimi, bidliet fl-għażliet ta’ taxxa u korrezzjonijiet ta’ żbalji (iktar ’il quddiem “il-parir tal-Kunsill Nazzjonali tal-Kontabbiltà”), li jistabbilixxi b’mod partikolari li l-korrezzjonijiet ta’ żbalji tal-kontabbiltà li, min-natura tagħhom stess, jirrigwardaw il-kontabbiltà ta’ tranżazzjonijiet passati, “huma rrikonoxxuti fid-dikjarazzjoni tad-dħul tas-sena finanzjarja li matulha jkunu kkonstatati”.
25
Skont il-Liġi Nru 97-1026 u l-ittra tat-22 ta’ Diċembru 1997, id-differenzjali tar-rivalutazzjoni ġew ittrasferiti fl-intestatura “Kapital proprju” ħielsa mit-taxxa, peress li kienu jikkorrispondu għal gwadanji ta’ rivalutazzjoni magħmulin b’eżenzjoni mit-taxxa jew taħt skema ta’ newtralità fiskali wara l-liġijiet ta’ rivalutazzjoni tal-1959 u tal-1976.
E. Fuq l-impatt fiskali tar-riklassifikazzjoni tar-riżervi kontabbli
26
L-Anness 3 tal-ittra tat-22 ta’ Diċembru 1997 jistabbilixxi wkoll il-konsegwenzi fiskali tar-riorganizzazzjoni tal-karta tal-bilanċ ta’ EDF. Ġiet osservata varjazzjoni tal-attivi netti bir-riklassifikazzjoni tar-riżervi mhux użati għat-tiġdid, li jammontaw għal FRF 38.5 biljun, fir-riport mill-ġdid, u suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji bir-rata ta’ 41.66 % applikabbli fl-1997. Għalhekk, ir-riżervi li għadhom mhux użati u li kienu jammontaw għal FRF 38.5 biljun ġew intaxxati mill-awtoritajiet Franċiżi. Madankollu, minn qari ta’ dan l-anness, deher li l-parti tar-riżervi li ntużat għat-tiġdid tan-NPĠ, li tikkorrispondi għad-drittijiet tal-konċedent u kkostitwita wkoll b’eżenzjoni mit-taxxa u kkonsolidata bħala injezzjoni ta’ kapital, ma ġietx intaxxata.
27
Nota mid-direction générale des impôts (id-Direttorat Ġenerali tat-Taxxi) tad-9 ta’ April 2002 (iktar ’il quddiem in-“nota tad-9 ta’ April 2002”), mibgħuta lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Franċiżi, tindika li “id-drittijiet tal-konċedent relatati man-NPĠ jirrappreżentaw dejn mhux dovut li l-inkorporazzjoni fil-kapital ħelset mit-taxxa b’mod mhux iġġustifikat” u li “din ir-riżerva, qabel ġiet inkorporata fil-kapital, kellha tiġi trasferita mill-passiv tal-istituzzjoni fejn ma kellhiex tidher f’kont ta’ pożizzjoni netta li jwassal għal varjazzjoni pożittiva tal-assi netti taxxabbli skont l-Artikolu 38-2” tal-code général des impôts (il-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxa). Huma jinnotaw li “l-vantaġġ f’taxxi li rriżulta b’dan il-mod [fl-1997 minn EDF] jista’ jkun stmat fl-ammont ta’ FRF 5.88 biljun (14.119 × 41.66 %)”
F. Fuq id-deċiżjoni ta’ ftuħ
28
Permezz tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE fuq il-vantaġġ li jirriżulta min-nuqqas ta’ ħlas minn EDF tat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta, għar-ristrutturazzjoni tal-karta tal-bilanċ tagħha fl-1997, fuq il-parti tar-riżervi li jikkorrispondu għad-drittijiet tal-konċedent.
29
Għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 52 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li, minħabba li la l-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas il-Qorti Ġenerali ma kienu kkunsidraw li d-deċiżjoni ta’ ftuħ bħala li kienet ivvizzjata b’illegalità, din tal-aħħar setgħet tikkostitwixxi l-bażi ta’ deċiżjoni finali ġdida, jiġifieri d-deċiżjoni kkontestata.
G. Fuq id-deċiżjoni inizjali tal-Kummissjoni
30
Fid-deċiżjoni inizjali, il-Kummissjoni ddikjarat il-miżura ta’ għajnuna li minnha kienet ibbenefikat EDF inkompatibbli mas-suq intern u talbet l-irkupru ta’ din l-għajnuna flimkien mal-interessi.
31
Fost il-motivi mressqa mill-Kummissjoni insostenn tad-deċiżjoni inizjali, għandu jiġi enfasizzat b’mod partikolari dan li ġej:
“95.
L-awtoritajiet Franċiżi jallegaw […] li r-riforma tal-kontabbiltà tal-1997 hija ekwivalenti għal injezzjoni addizzjonali ta’ kapital f’ammont ugwali għall-eżenzjoni parzjali mit-taxxa. B’hekk, min-naħa tagħhom, din hija kwistjoni ta’ investiment u mhux ta’ għajnuna. Huma jqisu wkoll li matul il-perjodu 1987-1996, EDF ħallset b’kollox lill-Istat ammont ikbar mit-taxxa fuq il-kumpaniji li kien ikollha tħallas kumpanija kummerċjali, li ma kienx jikkostitwixxi riżervi għat-tiġdid tar-RAG [NPĠ] u li kien jagħti lill-azzjonist tagħha dividend ugwali għal 37.5 % tad-dħul nett wara t-taxxa.
96.
Il-Kummissjoni tista’ biss tiċħad dawn l-argumenti filwaqt li tfakkar li l-prinċipju tal-investitur privat jista’ japplika biss fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ attivitajiet ekonomiċi, u mhux fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ poteri regolatorji. Awtorità pubblika ma tistax tuża l-argument tal-eventwali benefiċċji ekonomiċi li hija setgħet tikseb bħala proprjetarja ta’ impriża sabiex tiġġustifika għajnuna mogħtija b’mod diskrezzjonali permezz tal-prerogattivi li tiddisponi minnhom bħala awtorità fiskali fil-konfront ta’ din l-istess impriża.
97.
Fil-fatt, għalkemm Stat Membru jista’, minbarra l-eżerċizzju tal-funzjoni pubblika tiegħu, jaġixxi bħala azzjonist, huwa ma jistax jgħaqqad flimkien il-funzjonijiet tiegħu ta’ Stat li jeżerċita s-setgħa pubblika u dawk ta’ Stat azzjonist. Jekk l-Istati Membri jiġu awtorizzati jużaw il-prerogattivi ta’ setgħa pubblika tagħhom favur l-investimenti li jkollhom f’impriżi attivi fi swieq miftuħa għall-kompetizzjoni, jiġu miċħuda minn kull effett utli r-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, għalkemm, abbażi tal-Artikolu 295 tiegħu, it-Trattat huwa newtrali fir-rigward tal-proprjetà tal-kapital, xorta jibqa’ l-fatt li l-impriżi pubbliċi għandhom ikunu suġġetti għall-istess regoli bħall-impriżi privati. Għalhekk, ma jkunx hemm iktar trattament ugwali bejn l-impriżi pubbliċi u l-impriżi privati jekk l-Istat juża l-prerogattivi tas-setgħa pubblika tiegħu favur l-impriżi li huwa azzjonist fihom”.
H. Fuq is-sentenza fil-kawża T-156/04
32
EDF, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, ippreżentat rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2003.
33
B’sentenza fil-Kawża T‑156/04, il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikoli 3 u 4 tad-deċiżjoni inizjali.
34
Fil-punti 233 sa 237 tas-sentenza fil-Kawża T‑156/04, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, sabiex tiddetermina jekk kienx l-obbligu tal-Kummissjoni jew le li teżamina l-intervent tal-Istat Franċiż fil-kapital ta’ EDF fid-dawl tal-kriterju tal-investitur privat, ried jiġi stabbilit jekk l-imsemmi intervent, b’kunsiderazzjoni tan-natura u l-iskop tiegħu u fid-dawl tal-għan imfittex, kienx jikkostitwixxi investiment realizzabbli minn investitur privat, u għaldaqstant kienx sar minn dan l-Istat bħala operatur ekonomiku li aġixxa bl-istess mod bħal investitur privat, jew jekk kienx jikkostitwixxi intervent tal-Istat bħala awtorità pubblika bl-esklużjoni, għaldaqstant, tal-imsemmi kriterju. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali qieset li l-miżura inkwistjoni ma kellhiex tiġi eżaminata biss skont il-forma tagħha, peress li l-użu ta’ liġi fih innifsu ma huwiex biżżejjed, waħdu, sabiex jiġi eliminat il-fatt li bl-intervent tal-Istat fil-kapital ta’ impriża, dak l-Istat ikollu skop ekonomiku li jista’ jadotta wkoll investitur privat.
35
Fil-punti 240 sa 242 tas-sentenza fil-Kawża T-156/04, il-Qorti Ġenerali fakkret li d-“drittijiet tal-konċedent” kienu ġew allokati direttament għall-entrata ta’ injezzjonijiet ta’ kapital għal ammont ta’ FRF 14.119 biljun mingħajr ma għaddew mir-rapport tal-qliegħ. Hija enfasizzat li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li kien biss in-nuqqas li jiġu intaxxati l-imsemmija drittijiet qabel l-injezzjoni ta’ kapital li kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, filwaqt li l-partijiet kollha kienu qablu li kellu jitqies li kienet dovuta taxxa fuq dan l-ammont qabel ma ġie rreġistrat fl-entrata “Injezzjoni ta’ kapital”.
36
Fil-punti 243 sa 245 tas-sentenza fil-Kawża T‑156/04, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 97-1026, li kellu l-għan li jirristruttura l-karta tal-bilanċ ta’ EDF u li jżid il-fondi proprji tagħha, ma kienx dispożizzjoni ta’ natura fiskali fiha nnifisha, iżda dispożizzjoni ta’ kontabbiltà li għandha implikazzjonijiet fiskali. Madankollu, hija kkonstatat li l-Kummissjoni kienet eżaminat biss l-implikazzjonijiet fiskali tal-imsemmija miżura u li hija kienet ippreċiżat li, minħabba n-natura tal-vantaġġ li kienet identifikat, la kien l-obbligu tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni ż-żieda ta’ kapital miksuba u lanqas il-kriterju tal-investitur privat, peress li rinunzja ta’ kreditu fiskali bħal dik inkwistjoni tirriżulta mill-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika.
37
Fil-punti 247 sa 250 tas-sentenza fil-Kawża T‑156/04, il-Qorti Ġenerali qieset li, fid-dawl tal-għan ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ EDF imfittex mill-miżura inkwistjoni, in-natura fiskali waħidha tal-kreditu kontenzjuż ma kinitx tippermetti lill-Kummissjoni tevita l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat. Fil-fehma tagħha, kien l-obbligu tal-Kummissjoni li tivverifika r-razzjonalità ekonomika tal-investiment inkwistjoni, billi tevalwa jekk, fl-istess ċirkustanzi, investitur privat kienx iwettaq investiment paragunabbli tal-istess ammont favur EDF. Fil-fatt, tali obbligu huwa impost fuq il-Kummissjoni indipendentement mill-forma li fiha jkun ġie allokat il-kapital min-naħa tal-Istat.
38
Fil-punti 251 u 252 tas-sentenza fil-Kawża T-156/04, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li ma jistax jiġi eskluż li l-forma adottata mill-investiment inkwistjoni twassal għal differenzi f’termini ta’ spejjeż ta’ trasferiment tal-kapital u ta’ profitt minn dan tal-aħħar, li jistgħu jwasslu sabiex jitqies li investitur privat ma kienx iwettaq tali investiment. Madankollu, dan jippresupponi li titwettaq evalwazzjoni ekonomika fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat. Fil-fatt, skont il-Qorti Ġenerali, tali analiżi kienet iġġustifikata peress li, minn naħa, żieda ta’ kapital setgħet tirriżulta mill-inkorporazzjoni ta’ kreditu miżmum minn azzjonist privat fir-rigward tal-impriża u li, min-naħa l-oħra, l-użu ta’ liġi għal dan il-għan seta’ jitqies bħala l-konsegwenza neċessarja tal-fatt li r-regoli relattivi għall-kapital ta’ EDF kienu huma stess stabbiliti mil-liġi.
39
Għaldaqstant, fil-punt 253 tas-sentenza fil-Kawża T‑156/04, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, fid-dawl tal-ħtieġa li l-miżura kontenzjuża tiġi evalwata fil-kuntest tagħha, il-Kummissjoni ma setgħetx sempliċement teżamina l-implikazzjonijiet fiskali tagħha iżda kellha teżamina, fl-istess waqt, il-fondatezza tal-argument li r-rinunzja għall-kreditu ta’ taxxa, fil-kuntest tal-operazzjoni ta’ ristrutturazzjoni tal-karta tal-bilanċ u ta’ żieda tal-kapital ta’ EDF, setgħet tissodisfa l-kriterju tal-investitur privat.
40
Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 254 sa 259 tas-sentenza fil-Kawża T-156/04, l-argument tal-Kummissjoni li l-kriterju tal-investitur privat ma setax jiġi applikat peress li f’dan il-każ l-Istat Franċiż kien eżerċita l-prerogattivi tiegħu ta’ awtorità pubblika billi uża liġi sabiex jirrinunzja għal kreditu fiskali. F’dan ir-rigward hija kkunsidrat li, f’dan il-każ, ma kien hemm l-ebda obbligu impost fuq l-Istat bħala awtorità pubblika u li ma kellhomx jiġu evalwati ċerti spejjeż li rriżultaw fuq l-Istat mill-obbligi tiegħu ta’ awtorità pubblika.
41
Fil-punti 260 sa 263 tas-sentenza fil-Kawża T‑156/04, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-Kummissjoni li l-kriterju tal-investitur privat ma jistax japplika għall-konverżjoni f’kapital ta’ kreditu fiskali, peress li investitur privat ma jistax ikollu tali kreditu fir-rigward ta’ impriża, iżda biss kreditu ċivili jew kummerċjali. Issa, skont il-Qorti Ġenerali, il-kriterju tal-investitur privat għandu l-għan li jivverifika jekk, minkejja l-fatt li l-Istat għandu mezzi li investitur privat ma għandux, dan tal-aħħar kienx jieħu deċiżjoni ta’ investiment paragunabbli fl-istess ċirkustanzi. Għaldaqstant, in-natura tal-kreditu u l-fatt li investitur privat ma jistax iżomm kreditu fiskali, huma irrilevanti.
42
Fil-punti 264 sa 277 tas-sentenza fil-Kawża T‑156/04, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-Kummissjoni li min-naħa tiegħu investitur privat kien ikollu jħallas it-taxxa f’sitwazzjoni paragunabbli, u dan kien iwassal għal spiża superjuri għalih, peress li, sabiex jagħti EUR 100, fir-realtà, investitur privat kien ikollu jittrasferixxi EUR 141.66.
43
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali rrilevat li EDF u r-Repubblika Franċiża kienu sostnew u li l-Kummissjoni kienet hija stess qieset fil-punt 51 tad-deċiżjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, li taħt id-dritt tat-taxxa Franċiż, il-varjazzjoni tal-attiv nett ikkawżata minn żieda fil-kapital permezz tal-inkorporazzjoni ta’ kreditu miżmum fir-rigward ta’ impriża minn azzjonist ta’ din tal-aħħar, ma kellhiex tittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tat-taxxa fuq il-kumpanniji u li, konsegwentement, din il-konverżjoni ta’ kreditu f’kapital ma kinitx tinvolvi tassazzjoni li għandha bħala bażi l-ammont ta’ dan il-kreditu.
44
It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali qieset li l-argument tal-Kummissjoni li bih investitur privat kien ikollu, min-naħa tiegħu, iħallas it-taxxa f’sitwazzjoni simili, kien jikkontradixxi l-vantaġġ li hija identifikat fid-deċiżjoni inizjali peress li dan l-argument kien iwassal għal eżami tal-ispiża globali li jħallas investitur privat sabiex jinvesti FRF 14.119 biljun filwaqt li r-riklassifikazzjoni tad-drittijiet tal-konċedent, għal dan l-ammont, ma ġietx ikkunsidrata mill-Kummissjoni bħala li tikkostitwixxi għajnuna.
45
It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali qieset l-argument tal-Kummissjoni li bih investitur privat kien ikollu, min-naħa tiegħu, iħallas it-taxxa f’sitwazzjoni simili ma kienx koerenti peress li hija ammettiet li eżaminat l-injezzjoni addizzjonali tal-kapital ta’ diversi biljuni ta’ FRF, li kieku EDF ħallset minn qabel dan l-ammont bħala taxxa u kieku l-Istat Franċiż ħallasha lura dan l-istess ammont, minħabba li l-ispejjeż imħallsa minn dan l-Istat setgħu f’dak il-każ, u f’dak il-każ biss, jiġu pparagunati ma’ dawk ta’ investitur privat. Issa, hija qieset li, f’dak il-każ, l-ispiża kienet tkun l-istess għall-imsemmi Stat u l-ammont irċevut minn EDF kien ikun l-istess bħal dak li din tal-aħħar irċeviet permezz tal-miżura kontenzjuża.
46
Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali qieset li, fil-każ li investitur privat kien effettivament obbligat iħallas it-taxxa, l-ispiża għalih ta’ injezzjoni ta’ kapital permezz ta’ inkorporazzjoni ta’ kreditu kienet tkun ta’ FRF 5.88 biljun u, għaldaqstant, identika għal dik imħallsa mill-Istat Franċiż f’dan il-każ. Barra minn hekk, hija biss l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat li kienet tippermetti tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ eventwali differenza fl-ispejjeż.
47
Il-ħames nett, il-Qorti Ġenerali qieset li, anki jekk l-ispiża ta’ rikapitalizzazzjoni f’ammont ta’ FRF 14.119 biljun kienet ta’ FRF 0 għall-Istat Franċiż u jekk din l-ispiża kienet ta’ FRF 5.6 biljun għal investitur privat, din id-differenza fl-ispejjeż ma kinitx tipprekludi applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat.
48
Fil-punt 283 tas-sentenza fil-Kawża T‑156/04, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-Kummissjoni li l-fatt li applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat tiġi aċċettata jista’ jwassal sabiex issir valida kull forma ta’ eżenzjoni fiskali mwettqa mill-Istati Membri. F’dan ir-rigward il-Qorti Ġenerali, minn naħa, fakkret li f’dan il-każ, fil-fehma tagħha, ma kienx hemm sempliċi eżenzjoni fiskali mogħtija lil impriża, iżda r-rinunzja ta’ kreditu fiskali fil-kuntest ta’ żieda fil-kapital ta’ impriża li l-Istat huwa l-uniku azzjonist tagħha, u min-naħa l-oħra, qieset li ma jistax jiġi ppreġudikat ir-riżultat tal-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju, li fin-nuqqas tiegħu, dan ikun inutli.
I. Fuq is-sentenza fil-Kawża C‑124/10 P
49
Fis-26 ta’ Frar 2010, il-Kummissjoni ppreżentat appell kontra s-sentenza fil-Kawża T‑156/04.
50
Permezz ta’ sentenza fil-Kawża C‑124/10 P, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dan l-appell għall-motivi li ġejjin:
“16.
Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Ottubru 2002, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tas-16 ta’ Novembru 2002 (ĠU [2002] C 280, p. 8), il-Kummissjoni nnotifikat lill-awtoritajiet Franċiżi bi tliet deċiżjonijiet magħquda fir-rigward ta’ EDF. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 88(2) KE, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar il-vantaġġ li rriżulta min-nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa fuq il-kumpanniji min-naħa ta’ EDF dovuta fuq il-parti tal-provvedimenti tal-kontabbiltà maħluqa eżenti mit-taxxi għat-tiġdid tar-RAG [NPĠ].
[…]
19.
L-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi:
‘In-nuqqas ta’ ħlas min-naħa ta’ EDF, fl-1997, tat-taxxa fuq il-kumpanniji fuq uħud mill-provvedimenti maħluqa eżenti mit-taxxa għat-tiġdid tar-RAG[NPĠ], korrispondenti għal [FRF] 14.119 biljun ta’ drittijiet tal-konċedent riklassifikati bħala injezzjonijiet ta’ kapital, jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni.
L-element ta’ għajnuna involut fin-nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa fuq il-kumpanniji jammonta għal EUR 888.89 miljun’.
[…]
21.
Għal dak li jikkonċerna l-vantaġġ fiskali li bbenefikat minnu EDF fl-1997, fil-motivi tal-istesss deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset b’mod partikolari dan li ġej:
‘(88)
L-ittra tal-Ministru tal-Ekonomija, li tistabbilixxi l-konsegwenzi fiskali tar-ristrutturar tal-karta bilanċjali ta’ EDF, turi li r-riżervi għat-tiġdid tar-RAG mhux użati ġew soġġetti mill-awtoritajiet Franċiżi għat-taxxa fuq il-kumpaniji bir-rata ta’ 41.66 %, applikabbli fl-1997.
(89)
Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 97-1026 […], parti minn dawn il-provvedimenti [riżervi], id-drittijiet tal-konċedent, korrispondenti għall-operazzjonijiet ta’ tiġdid diġà mwettqa, ġiet riklassifikata bħala injezzjoni ta’ kapital fl-ammont ta’ FRF 14.119 biljun mingħajr ma ġiet suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji. […]. F’nota tad-Direttorat Ġenerali tat-Taxxi tad-9 ta’ April 2002, mibgħuta lill-Kummissjoni, l-awtoritajiet Franċiżi […] jikkonstataw li ‘l-vantaġġ f’taxxi li rriżulta b’dan il-mod [fl-1997 minn EDF] jista’ jkun stmat fl-ammont ta’ FRF 5.88 biljun (14.119 × 41.66 %)’, jiġifieri EUR 888.89 miljun […]
[…]
(91)
Il-Kummissjoni tqis li d-drittijiet tal-konċedent kellhom jiġu ntaxxati flimkien ma’ u bl-istess rata bħall-provvedimenti ta’ kontabbiltà l-oħra maħluqa eżenti mit-taxxa. Dan ifisser li l-FRF 14.119 biljun ta’ drittijiet tal-konċedent kellhom jiżdiedu mal-FRF 38.5 biljun ta’ provvedimenti mhux użati sabiex jiġu ntaxxati bir-rata ta’ 41.66 % applikata għar-ristrutturazzjoni tal-karta tal-bilanċ ta’ EDF mill-awtoritajiet Franċiżi. Meta ma ħalsitx it-total tat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta matul ir-ristrutturar tal-karta tal-bilanċ tagħha, EDF iffrankat EUR 888.89 miljun.
[…]
(95)
Barra minn hekk, l-awtoritajiet Franċiżi jallegaw li r-riforma tal-kontabbiltà tal-1997 hija ekwivalenti għal injezzjoni addizzjonali ta’ kapital f’ammont ugwali għall-eżenzjoni parzjali mit-taxxa. B’hekk, min-naħa tagħhom, din hija kwistjoni ta’ investiment u mhux ta’ għajnuna […]
(96)
Il-Kummissjoni tista’ biss tiċħad dawn l-argumenti filwaqt li tfakkar li l-prinċipju tal-investitur privat jista’ japplika biss fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ attivitajiet ekonomiċi, u mhux fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ poteri regolatorji. Awtorità pubblika ma tistax tuża l-argument tal-eventwali benefiċċji ekonomiċi li hija setgħet tikseb bħala proprjetarja ta’ impriża sabiex tiġġustifika għajnuna mogħtija b’mod diskrezzjonali permezz tal-prerogattivi li tiddisponi minnhom bħala awtorità fiskali fil-konfront ta’ din l-istess impriża.
(97)
Fil-fatt, għalkemm Stat Membru jista’, minbarra l-eżerċizzju tal-funzjoni pubblika tiegħu, jaġixxi bħala azzjonist, huwa ma jistax jgħaqqad flimkien il-funzjonijiet tiegħu ta’ Stat li jeżerċita s-setgħa pubblika u dawk ta’ Stat azzjonist. Jekk l-Istati Membri jiġu awtorizzati jużaw il-prerogattivi ta’ setgħa pubblika tagħhom favur l-investimenti li jkollhom f’impriżi attivi fi swieq miftuħa għall-kompetizzjoni, jiġu miċħuda minn kull effett utli r-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, għalkemm, abbażi tal-Artikolu 295 tiegħu, it-Trattat huwa newtrali fir-rigward tal-proprjetà tal-kapital, xorta jibqa’ l-fatt li l-impriżi pubbliċi għandhom ikunu suġġetti għall-istess regoli bħall-impriżi privati. Għalhekk, ma jkunx hemm iktar ugwaljanza fit-trattament bejn l-impriżi pubbliċi u l-impriżi privati jekk l-Istat juża l-prerogattivi ta’ awtorità pubblika tiegħu favur l-impriżi li huwa azzjonist fihom.’
[…]
35.
[…] fil-punt 253 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, fid-dawl tal-ħtieġa li l-miżura kkontestata tiġi evalwata fil-kuntest tagħha, il-Kummissjoni ma setgħetx sempliċement teżamina l-implikazzjonijiet fiskali tagħha iżda kellha teżamina, fl-istess waqt, il-fondatezza tal-argument li r-rinunzja għall-kreditu ta’ taxxa, fil-kuntest tal-operazzjoni ta’ ristrutturazzjoni tal-karta tal-bilanċ u ta’ żieda tal-kapital ta’ EDF, setgħet tissodisfa l-kriterju tal-investitur privat.
[…]
51.
Insostenn tal-appell, il-Kummissjoni tqajjem żewġ aggravji bbażati, l-ewwel nett, fuq żnaturament tal-fatti u, it-tieni nett, fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 87 KE u, b’mod iktar partikolari, fid-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni u tal-kontenut tal-kriterju tal-investitur privat diliġenti f’ekonomija tas-suq.
52.
L-ewwel nett għandu jiġi eżaminat it-tieni aggravju.
Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 87 KE
53.
It-tieni aggravju jinqasam f’erba’ partijiet li għandhom jiġu eżaminati flimkien.
L-argumenti tal-partijiet
[…]
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
75.
Il-Kummissjoni, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u Iberdrola essenzjalment jakkużaw lill-Qorti Ġenerali li eżaminat l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat, f’dan il-każ, l-ewwel nett billi ħadet inkunsiderazzjoni, għal dan il-għan, l-għan imfittex mill-Istat Franċiż meta adotta l-miżura kkontestata, it-tieni nett, billi fixklet ir-rwoli tal-Istat azzjonist u l-Istat li jeżerċita s-setgħet tiegħu fil-qasam tat-taxxa, it-tielet nett, billi kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn impriżi pubbliċi u privati u, ir-raba’ nett, billi kisret ir-regoli dwar l-oneru tal-prova.
76.
Mill-ġurisprudenza jirriżulta li miżura mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-Istat li tpoġġi lill-impriża benefiċjarja f’sitwazzjoni finanzjarja iktar vantaġġuża minn dik tal-kompetituri tagħha u li, għal din ir-raġuni, toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni għall-kompetizzjoni u fl-istess waqt taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri ma tistax tevita minnufih li tiġi kklassifikata bħala ‘għajnuna’ fis-sens tal-Artikolu 87 KE minħabba l-għanijiet imfittxija mill-imsemmi Stat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1999, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑6/97, Ġabra p. I‑2981, punt 15; tad-19 ta’ Settembru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑156/98, Ġabra p. I‑6857, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato ‘Venezia vuole vivere’ et vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, Ġabra p. I‑4727, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).
77.
Fil-fatt, l-Artikolu 87(1) KE ma jagħmilx distinzjoni skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi tal-Istat, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom (sentenza Comitato ‘Venezia vuole vivere’ et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).
78.
Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-kundizzjonijiet li għandha tissodisfa miżura sabiex taqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘għajnuna’ fis-sens tal-Artikolu 87 KE ma humiex sodisfatti jekk l-impriża pubblika benefiċjarja setgħet tikseb l-istess vantaġġ bħal dak li saru disponibbli għaliha permezz tar-riżorsi tal-Istat f’ċirkustanzi li jikkorrispondu għal ċirkustanzi normali tas-suq, evalwazzjoni li għall-impriżi pubbliċi ssir billi jiġi applikat, bħala prinċipju, il-kriterju tal-investitur privat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 1991, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑303/88, Ġabra p. I‑1433, punt 20; tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, Ġabra p. I-4397, punti 68 sa 70, kif ukoll Comitato ‘Venezia vuole vivere’ et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).
79.
B’mod partikolari, mill-ġurisprudenza jirriżulta li għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk l-istess miżura kinitx tiġi adottata fil-kundizzjonijiet normali tas-suq minn investitur privat li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-Istat, huma biss il-benefiċċji u l-obbligi marbuta mas-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar meta jaġixxi bħala azzjonist, bl-esklużjoni ta’ dawk li huma marbuta mal-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1986, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, 234/84, Ġabra p. 2263, punt 14, u Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, 40/85, Ġabra p. 2321, punt 13; kif ukoll tal-14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑278/92 sa C‑280/92, Ġabra p. I‑4103, punt 22, u tat-28 ta’ Jannar 2003, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑334/99, Ġabra p. I‑1139, punt 134).
80.
Minn dan jirriżulta li għandha ssir distinzjoni bejn ir-rwoli tal-Istat azzjonist ta’ impriża, minn naħa, u dawk tal-Istat li jaġixxi bħala awtorità pubblika, min-naħa l-oħra, bħalma ġustament isostnu l-Kummissjoni, Iberdrola kif ukoll l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 223 sa 228 tas-sentenza appellata.
81.
Konsegwentement, l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat jiddependi, finalment, fuq il-fatt li l-Istat Membru kkonċernat jagħti vantaġġ ekonomiku lil impriża proprjetà tiegħu fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist u mhux fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika.
82.
Minn dan isegwi li jekk matul il-proċedura amministrattiva l-Istat Membru jinvoka l-imsemmi kriterju, huwa għandu l-obbligu, fil-każ ta’ dubju, li jistabbilixxi mingħajr dubju u abbażi ta’ elementi oġġettivi u verifikabbli li l-miżura implimentata tirriżulta mill-kwalità tiegħu ta’ azzjonist.
83.
Dawn l-elementi għandhom juru b’mod ċar li, qabel jew fl-istess waqt tal-għoti tal-vantaġġ ekonomiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Franza vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 71 u 72), l-Istat Membru kkonċernat ħa d-deċiżjoni li jwettaq, permezz tal-miżura effettivament implimentata, investiment fl-impriża pubblika kkontrollata.
84.
F’dan ir-rigward jistgħu jkunu meħtieġa, b’mod partikolari, provi li juru li din id-deċiżjoni hija bbażata fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi paragunabbli għal dawk li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, investitur privat razzjonali li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-imsemmi Stat Membru kien jagħmel, qabel ma jwettaq l-imsemmi investiment, sabiex jiddetermina l-profittabbiltà futura ta’ tali investiment.
85.
Min-naħa l-oħra, evalwazzjonijiet ekonomiċi magħmula wara l-għoti tal-imsemmi vantaġġ, il-konstatazzjoni retrospettiva tal-profittabbiltà effettiva tal-investiment imwettqa mill-Istat Membru kkonċernat jew ġustifikazzjonijiet ulterjuri tal-għażla tal-proċess effettivament użat ma jistgħux ikunu biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li dan l-Istat Membru ħa, qabel jew fl-istess waqt ta’ dan l-għoti, tali deċiżjoni fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Franza vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 71 u 72).
86.
Jekk l-Istat Membru kkonċernat jipprovdi lill-Kummissjoni provi tan-natura meħtieġa, huwa l-obbligu ta’ din tal-aħħar li twettaq evalwazzjoni globali filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni, minbarra l-provi prodotti mill-Istat Membru kkonċernat, kwalunkwe prova oħra rilevanti f’dan il-każ li tippermettilha tiddetermina jekk il-miżura inkwistjoni tirriżultax mill-kwalità tal-imsemmi Stat Membru ta’ azzjonist jew minn dik ta’ awtorità pubblika. B’mod partikolari, f’dan ir-rigward jistgħu jkunu rilevanti, hekk kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 229 tas-sentenza appellata, in-natura u l-iskop ta’ din il-miżura, il-kuntest li din tiġi adottata fih kif ukoll l-għan imfittex u r-regoli li għalihom hija suġġetta l-imsemmija miżura.
87.
Konsegwentement, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li l-għan imfittex mill-Istat Franċiż seta’ jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-imsemmi Stat kienx fil-fatt aġixxa bħala azzjonist u jekk, għaldaqstant, il-kriterju tal-investitur privat kienx applikabbli f’dan il-każ.
88.
Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat setgħetx tiġi evitata, f’dan il-każ, fuq is-sempliċi bażi tan-natura fiskali tal-mezzi użati mill-Istat Franċiż, għandu jitfakkar li l-Artikolu 87(1) KE jipprovdi li kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li minħabba l-effetti tagħha twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni, sa fejn taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, hija inkompatibbli mas-suq komuni. (ara s-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25 u l-ġurisprudenza iċċitata).
89.
Barra minn hekk, fil-punt 78 tas-sentenza preżenti ġie rrilevat li l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat hija intiża sabiex tiddetermina jekk il-vantaġġ ekonomiku mogħti, taħt kwalunkwe forma, permezz ta’ riżorsi tal-Istat lil impriża pubblika huwiex, minħabba l-effetti tiegħu, tali li jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni, u jaffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri.
90.
Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni u dan il-kriterju huma intiżi sabiex jevitaw li, permezz ta’ riżorsi tal-Istat, l-impriża pubblika benefiċjarja jkollha sitwazzjoni finanzjarja iktar vantaġġuża minn dik tal-kompetituri tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España, C‑387/92, Ġabra p. I‑877, punt 14, u tad-19 ta’ Mejju 1999, L‑Italja vs Il‑‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16).
91.
Madankollu, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża pubblika benefiċjarja ma tiddependix fuq il-forma disponibbli għal dan il-vantaġġ, tkun xi tkun in-natura, iżda fuq l-ammont li hija finalment tibbenefika minnu. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonċentrat l-analiżi tagħha tal-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat fuq it-titjib tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ EDF bl-għan tal-ftuħ tas-suq tal-elettriku għall-kompetizzjoni u fuq l-effetti tal-miżura inkwistjoni fuq il-kompetizzjoni u mhux fuq in-natura fiskali tal-mezzi użati mill-Istat Franċiz.
92.
Għaldaqstant, minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, b’kunsiderazzjoni tal-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 87(1) KE kif ukoll mill-kriterju tal-investitur privat, vantaġġ ekonomiku, anki jekk mogħti permezz ta’ mezzi ta’ natura fiskali, għandu jiġi evalwat, b’mod partikolari, fid-dawl tal-kriterju tal-investitur privat jekk wara l-evalwazzjoni globali, fil-każ li tkun meħtieġa, jidher li minkejja l-użu ta’ tali mezzi li jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika l-Istat Membru kkonċernat ta l-imsemmi vantaġġ fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist tal-impriża li hija l-proprjetà tiegħu.
93.
Minn dan jirriżulta li l-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 250 tas-sentenza appellata li l-obbligu tal-Kummissjoni li tivverifika jekk il-kapital ġiex trasferit mill-Istat f’ċirkustanzi li jikkorrispondu għal kundizzjonijiet normali tas-suq jeżisti indipendentement mill-forma li fiha l-kapital ġie ttrasferit mill-Istat, ma hijiex ivvizzjata minn żball ta’ liġi
94.
Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni, tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u ta’ Iberdrola li investitur privat ma kienx ikun jista’ jwettaq investiment, bħal dak li għamel l-Istat Franċiż, f’kundizzjonijiet paragunabbli, peress li kien ikollu jħallas it-taxxa u li l-imsemmi Stat biss, bħala awtorità fiskali, seta’ jkollu s-somom korrispondenti għal din it-taxxa, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li fir-rigward tal-operazzjoni ta’ kontabbiltà inkwistjoni, hija l-impriża privata li tinsab fis-sitwazzjoni ta’ EDF u mhux l-azzjonist tagħha, li kien ikollha tħallas l-imsemmija taxxa.
95.
F’dan il-każ, l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat kien għaldaqstant jippermetti li jiġi ddeterminat jekk azzjonist privat kienx jittrasferixxi, taħt kundizzjonijiet simili, ammont ugwali għat-taxxa dovuta, f’impriża li tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ EDF.
96.
Min-naħa l-oħra, kif tirrileva l-Qorti Ġenerali fil-punti 275 u 276 tas-sentenza appellata, differenza possibbli bejn l-ispiża sostnuta minn investitur privat u dik sostnuta mill-Istat investitur ma tipprekludix l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat. Fil-fatt, dan il-kriterju jippermetti preċiżament li tiġi stabbilita, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ tali differenza u li matul l-evalwazzjoni tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-imsemmi kriterju humiex sodisfatti.
97.
Minn dan isegwi li, bil-kontra ta’ dak li jallegaw l-Kummissjoni, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u Iberdrola, l-analiżi li wettqet il-Qorti Ġenerali ma tinjorax l-ugwaljanza fit-trattament bejn impriżi pubbliċi u privati, ma toħloqx distorsjonijiet għall-kompetizzjoni u ma tmurx kontra l-għan imfittex mill-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat.
98.
Għaldaqstant, billi kkunsidrat li l-kriterju tal-investitur privat jista’ jiġi applikat anki fil-każ fejn intużaw mezzi ta’ natura fiskali, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi.
99.
Għandu jingħad ukoll li, permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali la ppreġudikat l-applikabbiltà ta’ dan il-kriterju f’dan il-każ u lanqas, hekk kif tirrileva fil-punt 283 ta’ din is-sentenza, ir-riżultat tal-eventwali applikazzjoni ta’ dan il-kriterju.
100.
B’mod partikolari, billi sempliċement ivverifikat jekk l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat setgħetx tiġi evitata fuq is-sempliċi bażi tan-natura fiskali tal-mezzi użati mill-Istat Franċiż, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma adottat analiżi li twassal sabiex tawtorizza lill-Istati Membri jieħdu inkunsiderazzjoni, matul l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju, il-benefiċċji u l-obbligi marbuta mal-kwalità tagħhom ta’ awtorità pubblika jew ta’ provi suġġettivi u li huma suġġetti għal manipulazzjoni.
101.
Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk, f’dan il-każ, kienx neċessarju li tingħata definizzjoni ta’ investitur ta’ riferiment, għandu jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza li jibbażaw ruħhom fuqha f’dan ir-rigward il-Kummissjoni, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u Iberdrola tirrigwarda n-nuqqas ta’ kwalunkwe possibbiltà li tiġi pparagunata s-sitwazzjoni ta’ impriża pubblika għal dik ta’ impriża privata li ma toperax f’settur riżervat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2003, Chronopost et vs Ufex et, C‑83/01 P, C‑93/01 P u C‑94/01 P, Ġabra p. I‑6993, punt 38).
102.
Madankollu, il-Kummissjoni, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u Iberdrola ma jsostnux li huwa impossibbli li jsir paragun bejn is-sitwazzjoni ta’ EDF u dik ta’ impriża privata li topera f’setturi ta’ attività identiċi għal dawk ta’ EDF. Barra minn hekk, minn din l-istess ġurisprudenza jirriżulta li, għall-finijiet ta’ tali paragun, għandha ssir evalwazzjoni b’riferiment għall-elementi oġġettivi u verifikabbli li huma disponibbli.
103.
Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li jsostnu l-Kummissjoni u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, il-kriterju tal-investitur privat ma huwiex eċċezzjoni li ma tapplikax ħlief fuq talba ta’ Stat Membru, meta l-elementi li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni, li jinsab fl-Artikolu 87(1) KE, ikunu sodisfatti. Fil-fatt, mill-punt 78 tas-sentenza preżenti jirriżulta li dan il-kriterju, meta jkun applikabbli, jinsab fost l-elementi li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ tali għajnuna.
104.
Konsegwentement, meta jidher li l-kriterju tal-investitur privat jista’ japplika, huwa l-obbligu tal-Kummissjoni li titlob lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jipprovdilha l-informazzjoni kollha rilevanti li tippermettilha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà u għall-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju humiex sodisfatti u hija tista’ tirrifjuta li teżamina tali informazzjoni biss jekk il-provi prodotti jkunu ġew stabbiliti wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li twettaq l-investiment inkwistjoni.
105.
Fil-fatt, fil-punti 83 sa 85 tas-sentenza preżenti diġà ġie rrilevat li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat, huma biss rilevanti l-provi disponibbli u l-iżviluppi prevedibbli fil-mument meta d-deċiżjoni li jitwettaq l-investiment tkun ittieħdet. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta bħal f’dan il-każ, il-Kummissjoni teżamina l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat meta mqabbla ma’ investiment li ma ġiex innotifikat lilha u li diġà twettaq mill-Istat Membru kkonċernat fil-mument meta hija twettaq l-eżami tagħha.
106.
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żnaturament tal-fatti
107.
Il-Kummissjoni essenzjalment tqis li l-Qorti Ġenerali żnaturat xi provi meta kkunsidrat li permezz tal-miżura kkontestata r-Repubblika Franċiża kkonvertiet kreditu fiskali f’kapital. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, permezz ta’ din il-miżura, ir-Repubblika Franċiża eżentat lil EDF mit-taxxa fuq il-kumpanniji. Issa, il-Kummissjoni ssostni li, fil-każ ta’ eżenzjoni fiskali, il-kriterju tal-investitur privat ma huwiex rilevanti.
108.
Madankollu, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tat-tieni aggravju ġie kkonstatat li meta Stat Membru jagħti vantaġġ ekonomiku lil impriża li hija l-proprjetà tiegħu, in-natura fiskali tal-proċess użat għall-finijiet tal-għoti tal-imsemmi vantaġġ ma hijiex tali li tevita minnufih l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat. Minn dan jirriżulta, a fortiori, li l-proċess preċiż magħżul mill-Istat Membru kkonċernat huwa irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-applikabbiltà tal-imsemmi kriterju.
109.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk jiġi preżunt li l-allegat żnaturament tal-fatti mwettaq mill-Qorti Ġenerali ġie stabbilit, dan fi kwalunkwe każ ma jkunx tali li jaffettwa l-fondatezza tas-sentenza appellata. Minn dan jirriżulta li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.
110.
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha magħmula iktar ’il fuq jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud”.
J. Fuq id-deċiżjoni ta’ estensjoni
51
Wara s-sentenza fil-Kawża C‑124/10 P, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni ta’ estensjoni.
52
Għandu jittieħed kont b’mod partikolari tal-punti 58 sa 73 tad-deċiżjoni ta’ estensjoni, li fihom il-Kummissjoni teżamina, minn naħa, l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat u, min-naħa l-oħra, u b’mod sussidjarju, l-applikazzjoni ta’ dan l-istess kriterju għall-miżura inkwistjoni.
53
Fir-rigward tal-applikabbiltà tal-kriterju, il-Kummissjoni tikkonkludi:
“66.
Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li, f’dan l-istadju, u b’riżerva għall-preċiżazzjonijiet li għandhom jagħmlu l-awtoritajiet Franċiżi fir-rigward tar-regoli applikabbli fil-qasam tal-allokazzjoni minn qabel ta’ miżura fiskali favur investiment b’injezzjoni ta’ kapital ta’ impriża bħalma hija EDF fl-1997, kif ukoll tal-elementi objettivi u verifikabbli oħra li jattestaw ir-rieda tagħhom li jwettqu investiment permezz tal-miżura fiskali inkwistjoni, l-evalwazzjoni globali tal-fatti tal-kawża odjerna tidher li tindika li din il-miżura toħroġ mis-setgħa pubblika tar-Repubblika Franċiża, u għaldaqstant tevita l-applikabbiltà tal-prinċipji tal-investitur privat, skont il-kriterji indikati mill-[Qorti tal-Ġustizzja]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
54
Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterji, il-Kummissjoni tikkonkludi:
“71.
[Fin-nuqqas tal-elementi bħalma huma dawk meħtieġa mis-sentenza fil-Kawża C‑124/10 P], ma ġiex […] ippruvat f’dan l-istadju li azzjonist privat kien iġib, f’kundizzjonijiet simili, ammont ekwivalenti għat-taxxa dovuta, f’impriża li tkun tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ EDF. Għaldaqstant, fl-1997, in-nuqqas ta’ ħlas minn EDF [ta’ EUR 888.89 miljun] ta’ taxxa fuq il-kumpanniji ma tidhirx bħala investiment produttiv min-naħa tal-Istat azzjonist iżda pjuttost bħala miżura derogatorja fiskali li setgħet tat vantaġġ ekonomiku lil EDF.
72.
Dan il-benefiċċju bilfors isaħħaħ il-pożizzjoni ta’ EDF fil-konfront tal-kompetituri tagħha, billi l-ammont ta’ ekwità jiddetermina, fost fatturi oħrajn, il-kapaċità u l-kundizzjonijiet ta’ finanzjament estern ta’ kumpannija. Huwa joħloq għaldaqstant distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Il-vantaġġ huwa bilfors selettiv, peress li n-nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa fuq il-kumpanniji fuq parti minn dawn ir-riżervi kontabbli huwa eċċezzjoni għat-trattament fiskali li normalment japplika għal tali operazzjoni u, f’dan il-każ, din l-eċċezzjoni ġiet applikata għal kumpannija waħda biss, EDF”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
K. Fuq id-deċiżjoni kkontestata
55
Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat il-miżura ta’ għajnuna li minnha kienet ibbenefikat EDF inkompatibbli mas-suq intern u talbet l-irkupru ta’ din l-għajnuna flimkien mal-interessi.
56
Il-motivi li l-Kummissjoni tinvoka f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni kkontestata huma dawn li ġejjin.
57
L-ewwel nett, il-Kummissjoni tesponi, fil-premessi 62 sa 108 tad-deċiżjoni kkontestata, l-argumenti mressqa mir-Repubblika Franċiża u minn EDF matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali estiża wara d-deċiżjoni ta’ estensjoni.
58
It-tieni nett, wara li fakkret il-kontenut tal-miżura kontenzjuża fil-premessi 113 sa 123 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-rinunzja tat-taxxa fuq ir-riklassifikazzjoni tad-drittijiet tal-konċedent f’kapital tikkostitwixxi prima facie vantaġġ selettiv favur EDF.
59
It-tielet nett, il-Kummissjoni tfakkar, fil-premessa 124 tad-deċiżjoni kkontestata, l-argument tar-Repubblika Franċiża, imressaq minn din fl-osservazzjonijiet tagħha fil-11 ta’ Diċembru 2002, li bih ir-rinunzja milli tirċievi t-taxxa tixbah injezzjoni addizzjonali fil-kapital b’ammont identiku għal dak li kien dovut bħala taxxa.
60
Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni tfakkar li, fil-punt 99 tas-sentenza fil-Kawża C‑124/10 P, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Qorti Ġenerali la ppreġudikat, f’dan il-każ, l-applikabbiltà tal-kriterju investitur privat diliġenti f’ekonomija tas-suq u lanqas ir-riżultat tal-eventwali applikazzjoni ta’ dan il-kriterju għall-miżura kontenzjuża.
61
Il-ħames nett, il-Kummissjoni teżamina mbagħad, fil-premessi 126 sa 153 tad-deċiżjoni kkontestata, l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat fid-dawl tal-preċiżazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward fis-sentenza fil-Kawża C‑124/10 P. Hija tanalizza, għal dan il-għan, l-elementi li jirrigwardaw l-allegata deċiżjoni ta’ investiment, l-evalwazzjonijiet ekonomiċi li saru bil-għan li tiġi stabbilita l-profitabbiltà tal-imsemmi investiment, in-natura u l-għan tal-miżura kontenzjuża kif ukoll il-kuntest li fih din l-aħħar deċiżjoni ttieħdet u r-regoli li għalihom hija suġġetta.
62
Il-Kummissjoni tikkonkludi din l-analiżi billi kkunsidrat dan li ġej:
“154.
Il-parti l-kbira tal-elementi li ssemmew hawn fuq jindikaw b’mod ċar li [r-Repubblika Franċiża] ma ħaditx deċiżjoni, qabel jew fiż-żmien li ngħata l-benefiċċju ekonomiku fil-forma ta’ nuqqas ta’ ħlas ta’ taxxa fuq il-kumpaniji, li tinvesti f’EDF permezz tal-eżenzjoni mit-taxxa. Minħabba dan, il-prinċipju tal-investitur privat prudenti f’ekonomija tas-suq ma jidhirx li japplika għal din il-miżura. Il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat prudenti f’ekonomija tas-suq għandhom għalhekk karattru sussidjarju”.
63
Il-Kummissjoni teżamina mbagħad, b’mod sussidjarju, fil-premessi 155 sa 193 tad-deċiżjoni kkontestata, jekk il-kriterju tal-investitur privat, jekk wieħed jassumi li huwa applikabbli, huwiex issodisfatt f’dan il-każ.
64
Il-Kummissjoni tikkonkludi din l-analiżi billi tikkunsidra dan li ġej:
“191.
Anki jekk il-prinċipju tal-investitur privat prudenti f’ekonomija tas-suq ikun applikabbli, fir-rigward tad-dokumenti mibgħuta mill-awtoritajiet Franċiżi li ċċaraw, fil-fehma tagħhom, il-prospetti ta’ redditu u r-riskju marbuta mal-allegat investiment fil-forma ta’ eżenzjoni mit-taxxa, l-applikazzjoni tat-test tal-prinċipju ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq turi li investitur privat prudenti ma kienx jinvesti ammont ugwali għat-taxxa dovuta fiż-żieda tal-kapital ta’ EDF fl-1997.
192.
In-nuqqas ta’ ħlas minn EDF ta’ FRF 5,88 biljun f’taxxa fuq il-kumpaniji ma jidhirx li huwa investiment produttiv min-naħa tal-Istat azzjonist skont il-prinċipju tal-investitur privat prudenti f’ekonomija tas-suq. Jidher pjuttost bħala miżura derogatorja ta’ eżenzjoni mit-taxxa ad hoc li pprovdiet benefiċċju ekonomiku lil EDF, ekwivalenti għall-ammont ta’ taxxa mhux imħallsa. Dan il-benefiċċju bilfors isaħħaħ il-pożizzjoni ta’ EDF fil-konfront tal-kompetituri tagħha, billi l-ammont ta’ ekwità jiddetermina, fost fatturi oħrajn, il-kapaċità u l-kundizzjonijiet ta’ finanzjament estern ta’ kumpanija, meta barra minn hekk, ir-riżorsi li ffrankat setgħu jintużaw għal finijiet oħrajn, bħal pereżempju, l-investiment fi Franza jew fi Stati Membri oħrajn fejn kompetituri oħrajn kienu jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fl-1997.
193.
Għaldaqstant il-vantaġġ ekonomiku joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Il-vantaġġ huwa selettiv, peress li n-nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa fuq il-kumpaniji fuq parti minn dawn ir-riżervi kontabbli huwa eċċezzjoni għat-trattament fiskali li normalment japplika għal tali operazzjoni u, f’dan il-każ, din l-eċċezzjoni ġiet applikata għal kumpannija waħda biss, EDF”.
65
Wara li kkonkludiet li ntużaw riżorsi tal-Istat (premessi 194 u 195 tad-deċiżjoni kkontestata), li kien hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni u effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri (premessi 196 sa 206 tal-imsemmija deċiżjoni) u l-inkompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern (premessi 207 sa 215 ta’ din id-deċiżjoni), il-Kummissjoni tiddikjara li l-miżura kontenzjuża tikkostitwixxi għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u tordna li tiġi rkuprata.
II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
66
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Diċembru 2015, EDF ippreżentat dan ir-rikors.
67
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ April 2016, ir-Repubblika Franċiża talbet tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet ta’ EDF. Permezz ta’ digriet tal-24 ta’ Mejju 2016, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta dan l-intervent. L-intervenjenti ppreżentat in-nota tagħha u l-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fir-rigward ta’ din in-nota fit-termini mogħtija.
68
Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tielet Awla, u konsegwentement din il-kawża ġiet assenjata lil din l-awla.
69
L-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura ġie nnotifikat lill-partijiet fis-26 ta’ Settembru 2016. Ma ġiet ippreżentata ebda talba għall-iffissar ta’ seduta mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat dekorribbli minn din in-notifika, kif previst fl-Artikolu 106(2) tar-Regoli tal-Proċedura.
70
Permezz ta’ deċiżjoni nnotifikata lill-partijiet fid-19 ta’ Mejju 2017, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li kkunsidrat li s-sitwazzjoni kienet ċara biżżejjed mid-dokumenti fil-proċess, iddeċidiet, mingħajr talba tal-partijiet f’dan ir-rigward, li tagħti deċiżjoni mingħajr ma tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura.
71
Permezz ta’ att indirizzat lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Mejju 2017, ir-rikorrenti talbet li tinżamm seduta minħabba l-importanza li l-kawża kellha għaliha u b’mod partikolari l-konsegwenzi finanzjarji tagħha.
72
Permezz ta’ att innotifikat fit-12 ta’ Ġunju 2017, ġie kkonstatat li t-terminu għall-preżentata tat-talba għal seduta għas-sottomissjonijiet orali skada fil-31 ta’ Ottubru 2016 u li dik it-talba għaldaqstant kienet ġiet ippreżentata barra mit-terminu previst mill-Artikolu 106 tar-Regoli tal-Proċedura, peress li r-rikorrenti ma invokatx xi ċirkustanzi intiżi li jiġi kkonstatat każ fortuwitu jew każ ta’ forza maġġuri skont l-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li japplika għat-termini legali bħalma huwa dak inkwistjoni.
73
Fl-20 ta’ Settembru 2017, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza Il-Kummissjoni vs Frucona Košice, C‑300/16 P, (EU:C:2017:706) iktar ’il quddiem is-“sentenza Frucona Košice”), li ċaħdet l-appell ippreżentat kontra s-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2016, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni (T‑103/14, EU:T:2016:152).
74
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Ottubru 2017, ir-rikorrenti talbet li jkun jista’ jsir dibattitu orali jew bil-miktub bejn il-partijiet fuq il-konsegwenzi tas-sentenza Frucona Košice, fuq din il-kawża.
75
Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Ottubru 2017, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li terġa’ tiftaħ il-proċedura bil-miktub, li ddaħħal it-talba tar-rikorrenti fil-proċess u stiednet lill-partijiet jippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom fuq il-konsegwenzi li hija deherilha li għandhom jinstiltu mis-sentenza Frucona Košice u l-effett tagħhom fuq din il-kawża.
76
Il-partijiet ikkonformaw ruħhom ma’ din it-talba fit-termini stabbiliti.
77
Fid-9 ta’ Novembru 2017, il-President tat-Tielet Awla ddeċieda li jagħlaq il-fażi bil-miktub tal-proċedura. Din id-deċiżjoni ġiet innotifikata lill-partijiet bin-notament li dik in-notifika ma kinitx tiskatta d-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ talba għal seduta għas-sottomissjonijiet orali prevista fl-Artikolu 106 tar-Regoli tal-Proċedura.
78
EDF, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, titlob sabiex il-Qorti Ġenerali jogħġobha:
–
prinċipalment, tannulla l-Artikoli 1 sa 5 tad-deċiżjoni kkontestata;
–
sussidjarjament, tannulla l-Artikoli 1 sa 3 tad-deċiżjoni kkontestata;
–
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
79
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
–
tiċħad ir-rikors;
–
tikkundanna lil EDF għall-ispejjeż u tikkundanna lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-intervent tagħha.
III. Id-dritt
80
EDF tressaq erba’ motivi prinċipali u żewġ motivi sussidjarji insostenn tar-rikors tagħha.
81
L-ewwel motiv imressaq b’mod prinċipali huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 266 TFUE inkwantu jingħad li l-Kummissjoni kisret kemm id-dispożittiv tas-sentenza fil-Kawża T‑156/04 kif ukoll il-motivi li fuqhom hija bbażata.
82
It-tieni motiv imressaq b’mod prinċipali huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 107 TFUE, sa fejn il-Kummissjoni żbaljat kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt waqt l-eżami tal-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat.
83
It-tielet motiv imressaq b’mod prinċipali huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107 TFUE, sa fejn il-Kummisjsoni żbaljat kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt waqt l-eżami tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat
84
Ir-raba’ motiv imressaq b’mod prinċipali huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.
85
L-ewwel motiv imressaq b’mod sussidjarju huwa bbażat, min nnaħa, fuq li l-miżuri inkwistjoni, jekk wieħed jippreżumi li jistgħu jkunu kklassifikati bħala għajnuna, għandhom, għall-parti l-kbira tagħhom, jitqiesu bħala li huma għajnuna eżistenti, skont l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Volum 1, p. 339), sa fejn dawn ġew implimentati qabel il-liberalizzazzjoni effettiva tas-settur tal-elettriku u, min-naħa l-oħra, li, għall-parti l-kbira minnhom, huma għandhom jitqiesu bħala preskritti, fis-sens tal-Artikolu 15(1) tal-imsemmi regolament.
86
Permezz tat-tieni motiv tagħha mressaq b’mod sussidjarju, EDF issostni li f’kull każ, id-deċiżjoni kkontestata tinkludi fiha diversi żbalji ta’ kalkolu li jivvizzjaw il-validità tagħha.
87
Ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-motivi ta’ EDF huma fondati, iżda ppreżentat osservazzjonijiet biss għal dak li jikkonċerna l-ewwel tliet motivi mressqa b’mod prinċipali.
A. Fuq l-ewwel motiv imressaq b’mod prinċipali
1. L-argumenti tal-partijiet
88
EDF, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 266 TFUE meta ma kkonformatx ruħha mas-sentenza fil-Kawża T‑156/04 sa fejn, minn naħa, din issostni, fid-deċiżjoni kkontestata, li d-deċiżjoni ta’ ftuħ ma hijiex ivvizzjata b’irregolarità u li din tista’, għaldaqstant, tikkostitwixxi l-bażi ta’ deċiżjoni ġdida, mentri, fil-fehma tagħha, id-deċiżjoni ta’ ftuħ hija bbażata fuq preżentazzjoni ta’ fatti ineżatti li wasslet preċiżament lill-Qorti Ġenerali sabiex tannulla d-deċiżjoni finali, li kienet ibbażata fuq din l-istess preżentazzjoni żbaljata tal-fatti. Id-deċiżjoni kkontestata hija għaldaqstant ivvizzjata bl-istess żbalji u ineżattezzi sostantivi bħal dawk li ġġustifikaw l-annullament tad-deċiżjoni finali.
89
Min-naħa l-oħra, skont EDF, il-Kummissjoni tinsisti sabiex tibbaża l-analiżi tagħha, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq miżura, jiġifieri rigal fiskali li jirriżulta mit-tnaqqis fiskali mhux iġġustifikat li hija bbenefikat minnu, mentri din il-preżentazzjoni tal-fatti ġiet espressament skartata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha fil-Kawża T‑156/04.
90
Skont EDF, il-Kummissjoni tkompli fil-fatt, inkluż fir-risposta tagħha, tifred il-miżura effettivament implimentata, jiġifieri ż-żieda tal-kapital tagħha li jirriżulta mir-reġistrazzjoni tar-riżervi għat-tiġdid fl-entrata “Injezzjonijiet fil-kapital”, minn waħda mill-implikazzjonijiet fiskali tagħha, jiġifieri l-assenza ta’ tassazzjoni fuq id-“drittijiet tal-konċedent”, mentri l-Qorti Ġenerali ċaħdet dak l-approċċ, billi kklassifikat l-ittra tat-22 ta’ Diċembru 1997 bħala dokument li jispjega l-miżura implimentata, li kienet, fil-fehma tagħha, ir-rikapitalizzazzjoni tal-impriża magħmula mil-Liġi Nru 97-1026. Hija ssostni fil-fatt li l-Qorti Ġenerali qatt ma għamlet distinzjoni, fir-rigward tal-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni, bejn in-natura u t-trattament tad-diversi komponenti tar-riżervi għat-tiġdid.
91
EDF tikkunsidra li r-raġunament tal-Kummissjoni huwa bbażat għaldaqstant fuq konfużjoni bejn il-klassifikazzjoni tal-miżura kontenzjuża, jiġifieri l-eżistenza jew le ta’ għajnuna mill-Istat, u l-identifikazzjoni tal-istess. Fil-fehma tagħha, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx fuq il-klassifikazzjoni tal-miżura kontenzjuża fir-rigward tal-applikabbiltà jew l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat, imma hija, għall-kuntrarju, identifikat bi preċiżjoni l-imsemmija miżura. Issa, tali konstatazzjoni fattwali tikkostitwixxi mhux biss rekwiżit indispensabbli għal kull analiżi ġuridika ulterjuri, imma, qabelxejn, prerogattiva tal-Qorti Ġenerali, li hija l-ġudikant sovran tal-fatti. Konsegwentement, ma jreġġix l-argument tal-Kummissjoni fejn issostni li l-Qorti Ġenerali ma kklassifikatx il-fatti b’mod definittiv.
92
EDF tippreċiża li għandu jiġi eżaminat, f’dan ir-rigward, sa fejn id-deskrizzjoni tal-fatti li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata hija differenti minn dik adottata mill-Qorti Ġenerali, u mbagħad jekk il-konstatazzjonijiet fattwali magħmula minn din tal-aħħar humiex motiv li jikkostitwixxi l-bażi meħtieġa biex tiġi annullata d-deċiżjoni inizjali mogħtija minnha fl-2009.
93
Skont EDF, il-Qorti Ġenerali identifikat il-miżura inkwistjoni bħala li hija r-rikapitalizzazzjoni mwettqa mil-Liġi Nru 97-1026 mingħajr ma għamlet distinzjoni bejn ir-riżervi li ġew irriklassifikati bħala injezzjoni fil-kapital mentri l-Kummissjoni tinsisti li tikkunsidra biss l-assenza ta’ tassazzjoni fuq parti mill-imsemmija riżervi. Minn dan hija tiddeduċi li, għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni “ħadet inkunsiderazzjoni” ir-rikapitalizzazzjoni mwettqa mill-imsemmija liġi, dan għamlitu bħala sempliċi element fil-kuntest u mhux bħala li tikkostitwixxi hija stess il-miżura inkwistjoni.
94
Issa, il-kritika tal-identifikazzjoni parzjali tal-miżura inkwistjoni mill-Kummissjoni tikkostitwixxi l-punt tat-tluq u l-kundizzjoni stess tar-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali u li wassal għall-annullament tad-deċiżjoni inizjali. Konsegwentement, l-identifikazzjoni tal-miżura tikkostitwixxi fil-fatt punt ta’ liġi effettivament u neċessarjament deċiż mill-Qorti Ġenerali kif ukoll, għaldaqstant, motiv li jikkostitwixxi l-bażi neċessarja għad-dispożittiv tas-sentenza fil-Kawża T‑156/04.
95
Il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ dan l-argument.
2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
96
Għandu jitfakkar, fir-rigward tal-awtorità ta’ res judicata, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex jiġu ggarantiti kemm l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa essenzjali li deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru definittivi wara li jkunu ntużaw ir-rimedji ġudizzjarji kollha disponibbli jew wara li jkunu skadew it-termini previsti għal dawn ir-rimedji ma jkunux jistgħu jiġu kkontestati iktar (sentenza tad-19 ta’ April 2012, Artegodan vs Il-Kummissjoni, C‑221/10 P, EU:C:2012:216, punt 86).
97
Barra minn hekk, minn naħa, l-awtorità ta’ res judicata hija marbuta biss mal-punti ta’ fatt u ta’ liġi li kienu ġew deċiżi effettivament jew neċessarjament mid-deċiżjoni ġudizzjarja inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, din l-awtorità ma hijiex marbuta biss mad-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni, iżda testendi għall-motivi ta’ din id-deċiżjoni li jikkostitwixxu l-bażi neċessarja tad-dispożittiv tagħha u huma, għalhekk, inseparabbli (sentenza tad-19 ta’ April 2012, Artegodan vs Il‑Kummissjoni, C‑221/10 P, EU:C:2012:216, punt 87).
98
Il-portata tal-awtorità ta’ res judicata deċiża mis-sentenza fil-Kawża T‑156/04 għandha tiġi stabbilita fid-dawl tas-sentenza fil-Kawża C‑124/10 P wara l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni kontra s-sentenza fil-Kawża T‑156/04 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ April 2012, Artegodan vs Il-Kummissjoni, C‑221/10 P, EU:C:2012:216, punt 88).
99
F’dan il-każ, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li, fil-punti 50 u 51 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni kkunsidrat dan li ġej:
“50.
[…] għandha ssir distinzjoni bejn ir-riżervi diġà użati u r-riżervi mhux użati, li kienu jammontaw rispettivament għal FRF 18345 miljun u għal [FRF] 38521 miljun fi tmiem l-1997.
51.
Fuq l-ammont totali tar-riżervi użati, FRF 14119 miljun ġew irriklassifikati fl-entrata tal-karta tal-bilanċ “Injezzjonijiet fil-kapital”, il-bqija ta’ FRF 4226 miljun ġew inseriti f’diversi kontijiet ta’ rievalwazzjoni. Peress li r-riklassifikazzjoni ma għaddietx mill-kont tal-profitt u t-telf u li ż-żidiet fil-kapital ma jitqisux bħala li jikkostitwixxu żieda fil-patrimonju nett tal-kumpannija għall-finijiet tal-kalkolu tat-taxxa fuq il-kumpanniji, din ir-riklassifikazzjoni kkonsolidat l-eżenzjoni fiskali li minnu bbenefikat EDF fuq dawn ir-riżervi.
Skont l-awtoritajiet Franċiżi, il-vantaġġ li minnu bbenefikat EDF f’termini ta’ eżenzjoni fiskali jista’ jiġi stmat f’FRF 5883 miljun [14119 × 41,67 %]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
100
It-tieni nett, fil-premessi 91 u 99 tad-deċiżjoni inizjali, il-Kummissjoni qieset li “[…] d-drittijiet tal-konċedent kellhom jiġu ntaxxati flimkien ma’ u bl-istess rata bħall-provvedimenti [riżervi] ta’ kontabbiltà l-oħra maħluqa eżenti mit-taxxa”, li “[d]an ifisser li l-FRF 14.119 biljun ta’ drittijiet tal-konċedent kellhom jiżdiedu mal-FRF 38.5 biljun ta’ provvedimenti mhux użati sabiex jiġu ntaxxati bir-rata ta’ 41.66 % applikata għar-ristrutturazzjoni tal-karta tal-bilanċ ta’ EDF mill-awtoritajiet Franċiżi”, li “[m]eta ma ħallsitx it-total tat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta matul ir-ristrutturazzjoni tal-karta tal-bilanċ tagħha, EDF iffrankat EUR 888.89 miljun”, u li “n-nuqqas ta’ ħlas minn EDF, fl-1997, ta’ EUR 888.89 miljun ta’ taxxa [kien] jikkostitwixxi għaldaqstant vantaġġ għall-grupp”.
101
Il-Kummissjoni kkonkludiet, fi tmiem l-eżami tagħha, li “[…]n-nuqqas ta’ ħlas min-naħa ta’ EDF, fl-1997, tat-taxxa fuq il-kumpanniji fuq uħud mill-provvedimenti maħluqa eżenti mit-taxxa għat-tiġdid tar-RAG [NPĠ], korrispondenti għal [FRF] 14.119 biljun ta’ drittijiet tal-konċedent riklassifikati bħala injezzjonijiet ta’ kapital, [kien] jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni” (Artikolu 3 tad-deċiżjoni inizjali).
102
It-tielet nett, fis-sentenza fil-Kawża T‑156/04, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li:
“111.
[…] kemm fid-deċiżjoni ta’ ftuħ kif ukoll fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat it-trattament fiskali tad-drittijiet tal-konċedent matul ir-ristrutturazzjoni tal-karta tal-bilanċ ta’ EDF imwettqa permezz tal-Liġi Nru 97-1026 (iktar ’il quddiem il-‘miżura kkontestata’) u li, għaldaqstant, f’dan ir-rigward, il-kuntest tal-eżami [kien] l-istess f’dawn iż-żewġ kundizzjonijiet”.
103
Fis-sentenza fil-Kawża T‑156/04, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet imbagħad li:
“253.
Konsegwentement, fid-dawl tan-neċessita li l-miżura kkontestata tiġi evalwata fil-kuntest tagħha, il-Kummissjoni ma setgħetx tillimita ruħha sabiex teżamina l-effetti fiskali tad-dispożizzjonijiet adottati mir-Repubblika Franċiża mingħajr ma teżamina, fl-istess ħin – u, eventwalment tinjora fl-aħħar ta’ dan l-eżami – il-fondatezza tal-argument tar-Repubblika Franċiża li jgħid li r-rinunzja għall-kreditu ta’ taxxa fil-kuntest tal-operazzjoni ta’ ristrutturazzjoni tal-karta tal-bilanċ u ta’ żieda tal-kapital ta’ EDF, li kienet tikkostitwixxi l-għan tal-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 97-1026, setgħet titqies bħala operazzjoni li tissodisfa l-kriterju tal-investitur privat”.
104
Għandu jiġi kkonstatat li l-miżura kontenzjuża kif stabbilita mill-Qorti Ġenerali tirrigwarda t-“trattament fiskali tad-drittijiet tal-konċedent matul ir-ristrutturazzjoni tal-karta tal-bilanċ ta’ EDF” u li l-Qorti Ġenerali ssanzjonat lill-Kummissjoni talli skartat kull eżami tal-kriterju tal-investitur privat minħabba biss in-natura fiskali ta’ din il-miżura li, fil-fehma tagħha, kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni mir-Repubblika Franċiża fil-kwalità tagħha ta’ awtorità pubblika u talli naqset mili teżamina din il-miżura fil-kuntest li fih hjia kienet taqa’, jiġifieri r-rikapitalizzazzjoni ta’ EDF, sabiex tevalwa jekk il-kriterju tal-investitur privat kienx applikabbli f’dan il-każ, mingħajr in-natura fiskali tal-miżura ma tipprekludi, fil-prinċipju, li dan il-kriterju jkun jista’ jiġi invokat mill-Istat.
105
Ir-raba’ nett, jeħtieġ, minn naħa, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-punti 16, 19, 21 u 35 tas-sentenza fil-Kawża C‑124/10 P (ara l-punt 50 iktar ’il fuq), li jfakkru l-kontenut tal-vantaġġ kif identifikat mill-Kummissjoni u mill-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra, li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 99 tas-sentenza msemmija li, permezz tas-sentenza fil-Kawża T‑156/04, il-Qorti Ġenerali la kienet ippreġudikat l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur pivat u lanqas ir-riżultat tal-eventwali applikazzjoni tal-imsemmi kriterju.
106
B’kuntrast ma’ dak li tafferma EDF, ma jistax jiġi dedott mis-sentenza fil-Kawża T‑156/04, moqrija fid-dawl, b’mod partikolari, tal-punti 87, 92, 93, 98 sa 100 u 108 tas-sentenza fil-Kawża C‑124/10 P (imfakkrin fil-punt 50 iktar ’il fuq), li l-miżura li kellha tiġi eżaminata hija fir-realtà mhux ir-rinunzja tat-taxxa fuq id-drittijiet tal-konċedent, imma “r-rikapitalizzazzjoni ta’ EDF imwettqa permezz tal-Liġi Nru 97-1026 mingħajr ma ssir distinzjoni bejn ir-riżervi li ġew irriklassifikati bħala injezzjoni fil-kapital” (punt 9 tar-rikors u punti 7 u 17 tar-replika) jew “[…] miżura ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ impriża li tagħha l-Istat huwa azzjonist” li ”min-natura tagħha, [tqieset mill-Qorti Ġenerali bħala li ttendi] li turi li ‘l-Istat kellu għan ta’ investiment li jista’ jiġi pparagunat ma’ dak ta’ investitur privat’” (punt 86 tar-rikors).
107
Għaldaqstant, mingħajr ma wettqet żball, u lanqas kisret il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata permezz tas-sentenza fil-Kawża T‑156/04 li, wara li kompliet bil-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni eżaminat, fid-deċiżjoni kkontestata, l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat għall-miżura li biha r-Repubblika Franċiża rrinunzjat għat-taxxa fuq ir-riklassifikazzjoni tad-drittijiet tal-konċedent f’injezzjoni fil-kapital (punti 117 u 188 u l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata), miżura li, kif tfakkar il-Kummissjoni, ġiet ukoll identifikata b’mod ċar u bla ebda dubju bħala li hija l-miżura kontenzjuża mir-Repubblika Franċiża fin-nota tad-9 ta’ April 2002 li hija bagħtet lill-Kummissjoni (ara l-punt 27 iktar ’il fuq).
108
Għaldaqstant il-motiv preżenti għandu jiġi miċħud.
B. Fuq it-tieni motiv imressaq b’mod prinċipali
109
It-tieni motiv imressaq b’mod prinċipali minn EDF, li bih hija ssostni essenzjalment li l-Kummissjoni b’mod żbaljat ikkunsidrat li l-kriterju tal-investitur privat ma kienx applikabbli għall-każ, jinqasam f’ħames partijiet.
110
Insostenn tal-ewwel parti, EDF issostni li, meta l-Kummissjoni evalwat l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat, din, mingħajr ġustifikazzjoni, naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni diversi dokumenti u elementi li kienu ġew ikkomunikati lilha.
111
It-tieni parti hija bbażata fuq li l-Kummissjoni, bi ksur tas-sentenza fil-Kawża C‑124/10 P, ħalltet sistematikament l-elementi tal-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat u dawk tal-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju.
112
EDF issostni, permezz tat-tielet parti, li l-Kummissjoni b’mod żbaljat eskludiet l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat minħabba li r-Repubblika Franċiża kienet ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, kunsiderazzjonijiet relatati mal-kwalità tagħha ta’ awtorità pubblika, flimkien ma’ kunsiderazzjonijiet relatati mal-kwalità tagħha ta’ azzjonista.
113
Insostenn tar-raba’ parti, EDF issostni li l-Kummissjoni b’mod żbaljat ikkunsidrat li kien jeżisti obbligu li jkun hemm pjan ta’ negozju formali sabiex jiġġustifika l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat.
114
Fl-aħħar nett, insostenn tal-ħames parti, EDF issostni li, kieku ma kinitx wettqet dawn id-diversi żbalji ta’ liġi u ta’ fatt, il-Kummissjoni ma kinitx tikkonkludi ħlief favur l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat, fid-dawl tan-natura u tal-għan ta’ din il-miżura, fil-kuntest li fih kienet tidħol kif ukoll tal-għan imfittex u tar-regoli li għalihom l-imsemmija miżura hija suġġetta.
1. Tfakkira tad-deċiżjoni kkontestata
115
Wara li fakkret il-kontenut tal-miżura kontenzjuża fil-premessi 113 sa 123 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat, fil-premessi 126 sa 154 tagħha, l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat għal din il-miżura b’dan il-mod:
“126.
Biex wieħed jistabbilixxi l-applikabbiltà eventwali tal-prinċipju tal-investitur privat prudenti f’ekonomija tas-suq, jeħtieġ li jkun stabbilit, bħala parti minn valutazzjoni ġenerali, jekk l-eżenzjoni mit-taxxa ngħatatx mir-Repubblika Franċiża bħala azzjonist jew bħala awtorità pubblika. Fis-sentenza tagħha tal-5 ta’ Ġunju 2012 il-Qorti tal-Ġustizzja ssemmi diversi fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati f’din il-valutazzjoni globali. Dawn il-fatturi, diskussi f’iktar dettall hawn taħt għaċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, huma dawn li ġejjin:
huwa l-Istat Membru, f’każ ta’ dubju, li jrid jistabbilixxi b’mod inekwivoku u fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi u verifikabbli li l-miżura implimentata tirriżulta mill-kwalifika tiegħu ta’ azzjonist; dawn l-elementi għandhom jindikaw b’mod ċar li l-Istat Membru kkonċernat ħa d-deċiżjoni li jinvesti, qabel jew fl-istess ħin tal-għoti tal-vantaġġ ekonomiku, permezz tal-miżura effettivament implimentata, fil-kumpanija pubblika kkontrollata;
f’dan ir-rigward, jistgħu jkunu meħtieġa b’mod partikolari elementi li juru li d-deċiżjoni hija bbażata fuq valutazzjonijiet ekonomiċi simili għal dawk li, fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni, kien jagħmel investitur privat prudenti f’ekonomija tas-suq fejn isib ruħu fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-imsemmi Stat Membru, qabel ma jagħmel l-investiment, sabiex jiddetermina r-redditu futur ta’ tali investiment; il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta li teżamina evidenza stabbilita wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li jsir l-investiment inkwistjoni;
f’dan ir-rigward jistgħu jkunu rilevanti n-natura u l-iskop tal-miżura, il-kuntest li fih isseħħ, kif ukoll l-għan u r-regoli li għalihom il-miżura inkwistjoni hija soġġetta;
l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat prudenti f’ekonomija tas-suq għandha tgħin biex jiġi stabbilit jekk azzjonist privat kienx jikkontribwixxi, f’kundizzjonijiet simili, ammont ugwali għat-taxxa dovuta, lil kumpanija li ssib ruħha f’sitwazzjoni simili għal dik ta’ EDF.
127.
Fil-kummenti tagħhom tal-11 ta’ Diċembru 2002 imsemmija fil-premessa 42, l-awtoritajiet Franċiżi ddikjaraw li kien ikun iktar effettiv u newtrali għal EDF li talloka direttament l-ammont kollu tad-drittijiet tal-konċedent fl-ekwità, mingħajr ma tħallas taxxa fuq il-kumpaniji. Madankollu, l-ebda dokument preċedenti jew kontemporanju għall-allegata deċiżjoni li ma tinġabarx taxxa, mibgħut mi[r-Repubblika Franċiża] jew minn EDF insostenn tal-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni ta’ estensjoni tal-proċedura, ma jsemmi direttament jew indirettament l-allegata deċiżjoni ta’ investiment, il-konsegwenzi, il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tagħha jew id-deċiżjoni simili li jiżdied l-ammont ta’ injezzjonijiet f’kapital billi ma tinġabarx it-taxxa. Id-dokumenti mibgħuta mill-awtoritajiet Franċiżi u msemmija fil-premessi 87 sa 108 ma jsemmux u, a fortiori, ma janalizzawx, il-vantaġġi u l-iżvantaġġi għall-Istat tad-deċiżjoni li ma tinġabarx taxxa fuq il-kumpaniji fuq il-proporzjon tar-riżervi tad-drittijiet tal-konċedent riklassifikat bħala injezzjonijiet ta’ kapital lil EDF skont il-Liġi Nru 97-1026 tal-10 ta’ Diċembru 1997.
128.
Hija [r-Repubblika Franċiża], f’każ ta’ dubji dwar l-applikabbiltà tal-prinċipju tal-investitur privat prudenti f’ekonomija tas-suq, bħal dawk li fformulat il-Kummissjoni, li trid tistabbilixxi mingħajr ekwivoku u abbażi ta’ elementi oġġettivi u verifikabbli li l-miżura implimentata tirriżulta mill-kwalifika tagħha ta’ azzjonist. Madankollu, fid-dawl tal-elementi pprovduti, jidher li d-deċiżjoni li jsir investiment billi ma tinġabarx it-taxxa dovuta fil-prinċipju minn EDF għandha titqies li ttieħdet b’mod taċitu, mingħajr att legali motivat li jgħin biex jintwera u jiġi vverifikat il-kontenut eżatt ta’ din id-deċiżjoni, ir-raġunijiet warajha u l-bażi legali tagħha u minn liema awtorità kompetenti u f’liema data ttieħdet. Fid-dawl tal-elementi ssuġġeriti mill-Qorti tal-Ġustizzja biex tivverifika l-applikabbiltà tal-prinċipju tal-investitur privat prudenti f’ekonomija tas-suq, jiġifieri, fost l-oħrajn, il-ħtieġa ta’ elementi oġġettivi u verifikabbli, miżura effettivament implimentata jew valutazzjonijiet ekonomiċi preliminari, in-nuqqas ta’ referenzi jew provi materjali għandu jitqies bħala l-ewwel indikazzjoni tan-nuqqas ta’ applikabbiltà ta’ dan il-prinċipju.
129.
Fin-nuqqas ta’ dokumenti li juru traċċi tad-deċiżjoni allegata, jeħtieġ li tiġi deskritta l-miżura eventwali ta’ investiment li implimenta l-Istat Franċiż. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kriterju tal-investitur privat prudenti f’ekonomija tas-suq għandu jgħin biex jiġi ddeterminat jekk azzjonist privat kienx jikkontribwixxi, f’kundizzjonijiet simili, FRF [5.88] biljun, lil kumpanija li ssib ruħha f’sitwazzjoni simili għal dik ta’ EDF. Investiment mi[r-Repubblika Franċiża] jimplika r-rinunzja tal-inkass ta’ dan l-ammont biex jinkiseb qligħ li jaqbeż ir-riżorsi użati inizjalment. Għaldaqstant huwa b’referenza għall-ammont tat-taxxa fuq il-kumpaniji dovuta li jeħtieġ li ssir l-analiżi.
130.
F’dan ir-rigward, in-nuqqas ta’ studji, referenzi jew analiżijiet speċifiċi tal-profittabbiltà tal-investiment għall-ammont ta’ eżenzjoni mit-taxxa jagħmilha diffiċli li wieħed jiżola l-effetti tal-investiment allegat fl-informazzjoni li bagħtu [r-Repubblika Franċiża] u EDF. Din id-diffikultà mhijiex insormontabbli meta wieħed iqis, għall-finijiet tal-analiżi fil-maġġoranza tal-fatturi rilevanti għall-verifika tal-applikabbiltà u tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat prudenti f’ekonomija tas-suq, li l-kontribuzzjoni eċċessiva ta’ kapital lil EDF għall-ammont tat-taxxa mhux miġbura kienet tgawdi minn drittijiet marbuta mal-injezzjonijiet kollha. B’hekk, jekk l-injezzjonijiet kienu kkumpensati b’rata speċifika, din ir-rata kellha tkun, u fil-fatt ġiet, applikata għall-ammont ta’ taxxa mhux miġbur. Madankollu f’każijiet fejn huwa l-effett marġinali jew inkrementali li jintgħażel, l-informazzjoni li bagħtet [ir-Repubblika Franċiża] jew EDF ma tispjegax mal-ewwel daqqa t’għajn l-effett taż-żieda tal-ammont tal-injezzjonijiet proporzjonalment għall-ammont tat-taxxa mhux miġbura.
131.
In-nuqqas ta’ ġbir tat-taxxa kellu l-effett li jżid l-injezzjoni ta’ kapital lil EDF u, allura, l-ekwità ta’ EDF għall-ammont ta’ FRF [5.88] biljun addizzjonali, fl-ammont totali ta’ FRF [14.119]-il biljun ta’ riżervi riklassifikati. Dawn ir-riżervi, li ma kinux jikkorrispondu għal kontribuzzjoni preċedenti ta’ flejjes ġodda mill-Istat azzjonist, ġew riklassifikati bħala injezzjonijiet ta’ kapital, li għaddew fl-entrata korrispondenti għall-finanzjament tal-ekwità ta’ EDF, fost l-istrumenti azzjonarji l-oħrajn (kapital, injezzjonijiet, eċċ. — Tabella 2). Mingħajr l-eżenzjoni mit-taxxa, l-ekwità ta’ EDF li kellha tilħaq FRF [79.8] biljun fl-1997, kienet tilħaq FRF [72.1] biljun, skont id-dokumenti eżaminati dak iż-żmien (il-premessa 100, Tabella 2. Minflok FRF [50.7] biljun, l-injezzjonijiet tal-Istat fil-kapital ta’ EDF kienu jkunu ta’ FRF [44.8] biljun.
L-allegata deċiżjoni ta’ investiment: elementi ta’ analiżi
132.
L-ewwel nett, kif jindikaw l-awtoritajiet Franċiżi, peress li l-integrazzjoni tal-ammont tat-taxxa mhux imħallsa żiedet il-bażi tal-injezzjonijiet u li din kienet ikkumpensata b’rata fissa (3 %), il-valur assolut tal-kumpens tal-Istat żdied permezz tal-eżenzjoni jew in-nuqqas ta’ ġbir ta’ taxxa (il-premessa 83). Madankollu, iż-żieda tal-injezzjoni ta’ kapital korrispondenti għall-eżenzjoni fiskali ma kinitx riflessa b’żieda relattiva tal-kumpens tal-Istat. Huwa ċar f’dan ir-rigward li l-kumpens tal-injezzjonijiet tal-Istat fil-kapital ta’ EDF huwa previst mid-Digriet Nru 56-1360 tat-30 ta’ Diċembru 1956 (il-premessi 18 u 103). Kumpensi, barra minn hekk differenti, kienu b’hekk ġew previsti fil-kuntratti ta’ negozju li ppreċedew u segwew dak fis-seħħ għall-perjodu 1997-2000, kif jintwera fil-premessi 93 u 102. Il-prinċipju ta’ kumpens kien diġà jeżisti qabel l-allegata deċiżjoni u baqa’ jinżamm warajha.
133.
Barra minn hekk, l-eżami tal-fatti juri li l-eżenzjoni mit-taxxa inkwistjoni setgħet kellha l-effett li tnaqqas il-kumpens tal-investiment tal-Istat. Ir-rapport imħejji mill-Assemblea Nazzjonali f’Settembru 1997 juri biċ-ċar li ż-żieda fl-ammont totali tal-injezzjoni kkawżat tnaqqis tal-kumpens ta’ din tal-aħħar biex ma ‘jiżdiedx il-piż tal-imposti fuq EDF’ (il-premessa 103). Ir-rapport tas-Senat jikkorrobora dan it-tnaqqis mixtieq mill-awtoritajiet pubbliċi (il-premessa 108).
134.
Bejn l-1991 u l-1996, EDF ikkumpensat aħjar lill-Istat għal bażi iktar baxxa ta’ injezzjonijiet ta’ kapital meta mqabbla ma’ dak li kien ippjanat bejn l-1997 u s-sena 2000 għal bażi ogħla. Il-kumpens medju annwali f’valur assolut ta’ FRF [3.41] biljun għall-perjodu 1991-1996 fejn l-ammont tal-injezzjonijiet kien ta’ FRF [36.6] biljun kien ferm ogħla minn dak ta’ FRF [2.35] biljun previsti għal bażi estiża għal FRF [50.7] biljun matul il-perjodu 1997-2000 (il-premessi 92 u 102-103, tabella 3. Minn dan jirriżulta li r-redditu marġinali kurrenti taż-żieda tal-injezzjoni ta’ kapital li tammonta għal FRF [5.88] biljun mistenni għall-perjodu 1997-2000 mill-Istat azzjonist seta’ għalhekk ikun analizzat bħal negattiv għall-perjodu 1991-1996.
135.
Fil-fatt, l-awtoritajiet Franċiżi assiguraw li l-kumpens assolut u relattiv imħallas lill-Istat Franċiż għall-injezzjoni ta’ kapital ikun baxx fil-valur assolut u fil-valur relattiv skont kemm tkun estiża l-bażi tal-injezzjoni, kif juru biċ-ċar ir-rapporti mħejjija mill-Assemblea Nazzjonali u mis-Senat. Minn dan isegwi li jekk jiżdied l-ammont tal-injezzjoni totali kkumpensata ferm inqas mill-injezzjoni eżistenti qabel il-Liġi Nru 97-1026, id-deċiżjoni li tingħata eżenzjoni mit-taxxa ma tidhirx li tikkostitwixxi investiment.
136.
It-tieni, il-mod kif ġie ppjanat u stabbilit il-kumpens taż-żieda tal-injezzjonijiet ta’ kapital mhuwiex dak li kien jagħżel investitur privat prudenti f’ekonomija tas-suq.
137.
Fil-fatt, kif juru r-referenzi kemm fl-ittri tal-Ministri superviżorji kif ukoll fir-rapporti parlamentari msemmija fil-premessi 97, 103 u 106, fl-eżami tal-1997 tal-kumpens tal-Istat Franċiż wara r-ristrutturar tal-karta bilanċjali ta’ EDF, l-awtoritajiet Franċiżi ħadu inkunsiderazzjoni kemm il-kumpens tal-injezzjonijiet ta kapital dovut lill-Istat azzjonist stricto sensu kif ukoll l-ammont ta’ taxxa mistenni li kien sejjer jirċievi l-Istat mill-1997 wara diversi snin ta’ riporti fiskali negattivi dovuti lill-Istat fil-kapaċità tiegħu ta’ awtorità pubblika fil-ġbir tat-taxxa. Kif muri fil-premessa 93, il-kumpens tal-injezzjonijiet kien, min-naħa tiegħu, deduċibbli mit-taxxa fuq il-kumpaniji, b’deroga mid-dritt komuni.
138.
Il-kunċett eżaminat u vvalidat mill-awtoritajiet Franċiżi fl-1997 kien għalhekk dak tal-ġbir globali fuq EDF, taxxa u kumpens tal-azzjonist akkumulati. L-ammont tat-taxxa globali imposta fuq EDF, anki lil hinn mill-eżenzjoni inkwistjoni, li jaqa’ taħt il-prerogattivi tat-taxxa, u l-kumpens imħallas lill-Istat bħala azzjonist huma mħawdin fid-dokumenti ppreżentati mill-awtoritajiet Franċiżi. Madankollu, fil-fehma tagħhom, dawn id-dokumenti juru l-eżistenza ta’ deċiżjoni ta’ investiment. Għall-kuntrarju, din il-kunsiderazzjoni kostanti tal-ħlas tat-taxxi dovuti minn EDF lill-Istat kollettur, inkluż permezz tar-regolarizzazzjoni u l-ikklerjar tat-taxxa mhux miġbura qabel il-Liġi Nru 97-1026 biex jiġi eżaminat u stabbilit il-kumpens tal-Istat azzjonist tindika li huwa permezz tal-Istat fil-kapaċità tiegħu ta’ awtorità pubbliku u mhux ta’ investitur, li ngħatat l-eżenzjoni mit-taxxa kkontestata.
139.
Din l-indikazzjoni hija wkoll imsaħħa min-natura tal-miri stabbiliti għal EDF mill-Istat fl-1997 minħabba t-tħassib u l-għanijiet ta’ awtorità pubblika, u mhux ta’ azzjonist. Dan it-tħassib huwa evidenti fl-iffissar tat-tariffi ta’ EDF, kif miftiehem fil-kuntratt ta’ negozju għall-perjodu 1997-2000, li minnhom kien jiddependi l-kumpens tal-Istat azzjonist. Fil-fatt, l-Istat talab lil EDF tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kompetittività tal-industrija Franċiża u għat-tisħiħ tas-setgħa ta’ akkwist tal-familji Franċiżi. Dawn mhux biss huma kollha kunsiderazzjonijiet li ma kienx jagħmel investitur privat prudenti f’ekonomija tas-suq, iżda saħansitra jmorru kontra l-interessi finanzjarji ta’ dan l-investitur ipotetiku. L-istess japplika għall-għan stabbilit għal EDF fil-kuntratt ta’ negozju 1997-2000 li timplimenta politika ambizzjuża biex tappoġġja l-attività ekonomika u l-impjiegi billi toffri s-servizz tagħha lill-awtoritajiet lokali (il-premessi 89 u 95).
Valutazzjonijiet ekonomiċi għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-redditu tal-investiment mistenni
140.
Il-kuntratt ta’ negozju bejn l-Istat u EDF iffirmat fit-8 ta’ April 1997 kien jinkludi valutazzjonijiet preliminari tax-xenarju finanzjarju, li fihom kienu inklużi previżjonijiet ta’ ritorn fuq l-investiment f’injezzjonijiet ta’ kapital lil EDF għall-Istat azzjonist (il-premessa 92). Dawn id-dokumenti u l-analiżijiet ippreżentati mill-awtoritajiet Franċiżi jirrigwardaw l-effetti mistennija tar-riklassifikazzjoni tar-riżervi kollha magħmula minn EDF, kemm jekk kienu intaxxati kif ukoll jekk le, u kemm jekk irriżultawx mill-implimentazzjoni tal-Liġi Nru 97-1026 jew le. L-unika valutazzjoni sistematika ppreżentata mill-awtoritajiet Franċiżi li tinsab fin-nota ta’ EDF tat-18 ta’ Frar 1997 (il-premessa 92) hija ġenerali u limitata għall-kumpens regolatorju applikat għall-injezzjonijiet ta’ kapital, inklużi dawk preċedenti għar-ristrutturar tal-karta bilanċjali ta’ EDF, mingħajr ma tinkludi, pereżempju, il-kumpens tal-kapital minbarra l-allokazzjonijiet jew il-kumpens tal-ekwità.
141.
L-ebda dokument mibgħut mi[r-Repubblika Franċiża] jew minn EDF ma juri li d-deċiżjoni ta’ investiment li allegatament ittieħdet, jiġifieri, li tingħata kontribuzzjoni ikbar ta’ kapital lil EDF filwaqt li ma tinġabar ebda taxxa fuq ir-riklassifikazzjoni, kienet soġġetta għal xi eżami, studju jew analiżi speċifiċi. Madankollu, minħabba l-ammonti involuti, investitur privat prudenti f’ekonomija tas-suq kien probabbilment jikkummissjoni analiżi finanzjarja u ekonomika tal-investiment qabel jiddeċiedi, minħabba r-redditu regolatarju tal-injezzjonijiet ta’ kapital, jekk l-ammont ta’ FRF [5.88] biljun tal-eżenzjoni mit-taxxa kienx meħtieġ biex il-kumpanija tiżgura r-redditu fit-tul tal-investiment totali tagħha u biex l-azzjonist ikun ikkumpensat biżżejjed għal dan l-għan. Dan it-tip ta’ studju ekonomiku preliminari, li l-Qorti tal-Ġustizzja ssemmi fil-punt 84 tas-sentenza tagħha fost l-elementi li jippermettu konklużjoni favur l-applikabbiltà tal-prinċipju tal-investitur privat prudenti f’ekonomija tas-suq, huwa nieqes.
142.
Ta’ min partikolarment jinnota li minbarra l-kumpens li għandu jingħata lill-Istat matul il-perjodu 1997-2000, la sar xi studju ta’ kumpens u lanqas ta’ redditu fit-tul, anki jekk [ir-Repubblika Franċiża] ssostni preċiżament li għamlet investiment fit-tul. Madankollu, investitur privat prudenti f’ekonomija tas-suq ma kienx jonqos milli jwettaq analiżi tar-redditu ta’ investiment għall-perjodu ta’ wara s-sena 2000.
143.
Jekk wieħed jista’ raġonevolment jaħseb li investitur privat prudenti f’ekonomija tas-suq kien jikkunsidra l-effetti tat-tnaqqis tar-rata tad-dejn ta’ EDF, għandu jiġi nnotat li l-vantaġġ għal EDF li tissellef bi spiża orħos minħabba proporzjon tad-dejn fuq l-ekwità mtejjeb huwa msemmi b’mod ġenerali f’ċerti dokumenti ppreżentati mi[r-Repubblika Franċiża] (il-premessi 101 u 105) u minn EDF. Madankollu, l-ebda element ma jissuġġerixxi l-vantaġġi u r-redditu għall-Istat azzjonarju ta’ tnaqqis tal-ispiża tas-self ta’ EDF jew ta’ proporzjon tad-dejn iktar baxx. Skont il-kwantifikazzjonijiet ta’ dak iż-żmien ippreżentati fil-premessa 101, il-proporzjon tad-dejn nett fuq l-ekwità ta’ EDF kellu jilħaq 148 % bl-injezzjoni ġdida sħiħa fil-kapital, li kien stabbilit għal FRF [50.7] biljun, li kien jinkludi FRF [5.88] biljun tal-eżenzjoni inkwistjoni. Mingħajr l-eżenzjoni tat-taxxa, dan il-proporzjon kien ikun ta’ madwar 163 %, jiġifieri madwar tliet darbiet inqas mill-proporzjon ta’ 480 % qabel il-Liġi Nru 97-1026. Meta jitqies b’mod iżolat mill-effetti l-oħrajn tar-riklassifikazzjoni tad-diversi riżervi, il-kontribut tal-eżenzjoni tat-taxxa għat-titjib ta’ dan il-proporzjon ma tantx huwa sinifikanti u l-espressjoni konkreta tiegħu f’termini ta’ tnaqqis tal-ispiża tas-self għal EDF, hija dubjuża ħafna (il-premessi 170 sa 172). Fi kwalunkwe każ, id-dokumenti ppreżentati mill-awtoritajiet Franċiżi ma jsemmux u lanqas janalizzaw bħala investiment la l-kumpens għall-azzjonist li jirriżulta minn proporzjon ta’ 148 % u lanqas, a fortiori, dak li jirriżulta minn proporzjon ta’ 163 %. Fuq dan il-punt ma hemm l-ebda valutazzjoni ekonomika preliminari komparabbli għal dik li kien jagħmel investitur privat prudenti f’ekonomija tas-suq, kif imsemmi mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 84 tas-sentenza tagħha.
144.
F’dan ir-rigward, l-istudju ekonomiku ppreżentat minn EDF insostenn tal-kummenti tagħha (il-premessi 69-70) ma jistabbilixxix li [r-Repubblika Franċiża] aġixxiet bħala investitur u mhux bħala awtorità pubblika. L-istudju ġie stabbilit wara l-allegata deċiżjoni ta’ investiment meħuda fl-1997 u ma ġietx eżaminata mill-awtoritajiet kompetenti biex jieħdu tali deċiżjoni. Għal din ir-raġuni biss, l-istudju mhuwiex ammissibbli bħala prova, skont l-indikazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja (il-premessa 126, il-punt 104 tas-sentenza tal-5 ta’ Ġunju). Li l-istudju sar minn bażi ta’ data awtentika disponibbli dak iż-żmien ma jħassarx din il-konklużjoni. L-istudju ġie kkummissjonat għall-ħtiġijiet tal-kawża wara l-estensjoni tal-proċedura f’Mejju 2013 u l-konklużjonijiet li jwassal għalihom kienu apparentement magħrufa minn EDF f’Lulju 2013, meta l-istudju jġib id-data ta’ Ottubru 2013. Hemm raġunijiet oħrajn li jrendu wkoll invalidi r-riżultati numeriċi li jasal għalihom l-istudju u, għaldaqstant, jagħmlu infondati l-konklużjonijiet li EDF tasal għalihom insostenn tal-kummenti tagħha, jiġifieri:
L-istudju huwa alimentat minn data bażi kważi kollha minn ta’ dak iż-żmien u japplika approċċi metodoloġiċi ġeneralment rikonoxxuti fil-valutazzjoni tal-valur tal-kumpanija, skont ir-riżervi sinifikanti espressi hawn taħt. Madankollu, xorta waħda jikkostitwixxi valutazzjoni ekonomika partikolarment kumplessa, wara riċerka ta’ data relattivament fil-fond, li kienet teħtieġ madwar tliet xhur biex titlesta u tiġi vvalidata. Dan l-abbozz jinkludi għażliet metodoloġiċi suċċessivi u multipli u xi kultant dibattibbli. Mingħajr dan l-abbozz, huwa assolutament impossibbli, mid-data bażi mxerrda u minn sorsi differenti li jippreżenta l-istudju, li wieħed ikollu idea approssimattiva jew previżjoni possibbli mir-riżultati kwantifikati rigward ir-redditu li l-Istat Franċiż allegatament seta’ jistenna fl-1997. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja teħtieġ li l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat prudenti f’ekonomija tas-suq tkun ibbażata fuq il-valutazzjonijiet prevedibbli fiż-żmien meta ttieħdet id-deċiżjoni (il-punt 105 tas-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012). Għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet ta’ EDF, il-fatt stess li mid-data disponibbli fl-1996-1997, is-servizzi kompetenti tal-Istat Franċiż la għamlu huma stess u lanqas ikkummissjonaw studju ta’ dan il-kobor u daqstant kumpless jindika li r-redditu għall-azzjonist tal-investiment allegat ma kinitx kunsiderazzjoni rilevanti għall-awtoritajiet Franċiżi qabel ma ħadu d-deċiżjoni tagħhom.
L-istudju janalizza l-imġiba tal-Istat Franċiż fir-rigward tal-prinċipju tal-investitur privat prudenti f’ekonomija tas-suq b’informazzjoni u suppożizzjonijiet ferm differenti minn dawk ippreżentati fil-premessi 87 sa 108 u li, skont l-awtoritajiet Franċiżi, immotivaw u ġġustifikaw id-deċiżjoni li allegatament ittieħdet. Madankollu, mhijiex EDF li ħadet id-deċiżjoni ta’ investiment u, skont il-Qorti tal-Ġustizzja (il-punti 82 u 83 tas-sentenza tagħha tal-5 ta’ Ġunju 2012), hija r-responsabbiltà ta[r-Repubblika Franċiża] li tippreżenta elementi li juru n-natura u l-kuntest tad-deċiżjoni meħuda. Peress li [r-Repubblika Franċiża] tallega li huwa fid-dawl tal-informazzjoni u d-data li ppreżentat li hija ħadet id-deċiżjoni tagħha, l-istudju u, allura EDF, jissostitwixxu de facto lill-investitur allegat u jippretendu li jafu iktar mill-Istat Franċiż il-kunsiderazzjonijiet u l-informazzjoni li effettivament immotivaw id-deċiżjoni meħuda diġà u s-suppożizzjonijiet li kienu għamlu. Minħabba dan, l-istudju huwa mimli spekulazzjonijiet u konġetturi fuq id-data, l-informazzjoni u s-suppożizzjonijiet li l-awtoritajiet Franċiżi setgħu ħadu inkunsiderazzjoni — fost oħrajn li ma jistgħux jiġu esklużi — fl-1997, u għaldaqstant ma għandux saħħa probatorja fl-2015 (jew f’Ottubru 2013, meta sar) biex jispjega u jiċċara d-deċiżjoni effettivament meħuda mill-awtoritajiet Franċiżi fl-1997, li dawn l-awtoritajiet jispjegaw b’data u suppożizzjonijiet differenti.
Dan il-valur probatorju huwa iktar u iktar assenti meta, biex jasal għar-riżultati ppreżentati fil-premessa 70, l-istudju jibbaża fuq suppożizzjonijiet kemm arbitrarji jew perikolużi, kemm mhux ikkorroborati mill-fatti, kif ukoll kuntrarji għall-informazzjoni li ħarġet mid-dokumenti mibgħuta mill-awtoritajiet Franċiżi u li, fil-fehma tagħhom, juru l-applikabbiltà u l-applikazzjoni pożittiva f’dan il-każ tal-prinċipju tal-investitur privat prudenti f’ekonomija tas-suq. B’hekk, l-ewwel nett, l-istudju jassumi li, wara s-sena 2000, il-kumpens mogħti lill-Istat azzjonist mhux sejjer ikun irregolat b’digriet u rifless f’kuntratt ta’ negozju bejn l-Istat u EDF iżda sejjer ikun stabbilit b’referenza għad-dividendi li kumpaniji oħrajn tas-settur kienu jħallsu fl-1996-1997. Madankollu l-kumpens tal-injezzjonijiet ta’ kapital ta’ EDF kien irregolat b’digriet mill-1956 (il-premessa 102) u ġie stabbilit b’mod regolatorju u rifless f’kuntratti ta’ negozju pluriennali qabel u sew wara l-1997, skont il-kunsiderazzjonijiet esterni għad-dividendi li kienu jħallsu l-kumpaniji tas-settur li joperaw fi swieq oħrajn minbarra fi[r-Repubblika Franċiża] (il-premessi 94 u 95). It-tieni nett, bl-istess mod, l-istudju jerġa’ jdaħħal mingħajr ġustifikazzjoni fir-rapport tal-introjtu ta’ EDF riżervi li ġejjin mill-kontijiet tal-kumpanija ta’ EDF li jammontaw għal FRF [11.6] biljun (eskluża t-taxxa) u [7.3] biljuni (wara t-taxxa) u b’hekk iżid b’mod artifiċjali u bl-istess ammont il-valur ta’ EDF, mingħajr ma jikkunsidra l-informazzjoni disponibbli u l-iżviluppi prevedibbli fl-1997 f’dak li jirrigwarda l-piż tal-impenji ta’ EDF fuq l-iskema ta’ pensjonijiet tal-persunal tagħha (il-premessi 168-169).
It-tielet nett, iż-żieda tal-valur ta’ EDF ikkawżata miż-żieda tar-ritorn u l-qligħ hija kkalkulata fl-istudji fuq ‘aspettattivi tas-suq’ fl-1997. Madankollu, l-awtoritajiet Franċiżi kellhom projezzjonijiet tad-dħul u tal-qligħ speċifiċi u kwantifikati għal EDF għall-1997 sas-sena 2000, ivvalidati bħala parti mit-tfassil tal-kuntratt ta’ negozju għall-istess perjodu u jgħidu li bbażaw fuq dawn il-projezzjonijiet u l-informazzjoni biex ħadu d-deċiżjoni tagħhom (il-premessi 78-79, 90, 94, 96), u fl-istess ħin, fl-1997, kellhom għarfien tajjeb dwar il-kumpanija u dwar il-prospetti finanzjarji tagħha (il-premessi 77). L-użu ta’ ‘aspettattivi tas-suq’ minn partijiet terzi biex tiġi stabbilita in fine stima tal-valur ta’ EDF f’dawn il-kundizzjonijiet la huwa ppruvat u lanqas konsistenti mal-argumenti li ressqet [ir-Repubblika Franċiża] sabiex tispjega u tissostanzja d-deċiżjoni li l-awtoritajiet tagħha allegatament ħadu. Inqas u inqas meta l-awtoritajiet Franċiżi jenfasizzaw li l-attività prinċipali ta’ EDF kienet issir fi Franza b’tariffi regolati fl-1997 (il-premessa 85). Barra minn hekk, dawn it-tariffi kienu baxxi sabiex tissaħħaħ il-kompetittività tal-industrija Franċiża u tal-poter tal-akkwist tal-familji Franċiżi (il-premessi 89 u 95). L-istudju naqas milli jispjega, u saħansitra milli jiġġustifika b’mod validu, għaliex il-kumpens, id-dividendi u r-riżultati ta’ kumpaniji ffurmati f’kumpaniji b’responsabbiltà limitata elenkati li ma kellhomx preżenza sinifikanti fi Franza u kienu joperaw fi swieq bir-restrizzjonijiet kompetittivi u regolatorji differenti (pereżempju Endesa, Gas Natural u Union Fenosa fi Spanja -, RWE, EON u Verbund fil-Ġermanja — Fluxys fil-Belġju eċċ.), setgħu jiddeterminaw ir-riżultati, il-kumpens u d-dividendi ta’ EDF, kif jidher fost is-suppożizzjonijiet li fuqhom huma bbażati r-riżultati ppreżentati fil-premessa 70;
Ir-raba’ u fl-aħħar nett, l-istudju jassumi mingħajr ebda ġustifikazzjoni li żieda fl-injezzjoni ta’ kapital lil EDF fl-1997 kienet ugwali għall-akkwist ta’ assi finanzjarju likwidu, għall-inqas potenzjalment. Madankollu, fl-1997 EDF kienet stabbiliment industrijali u kummerċjali pubbliku, mingħajr ekwità (il-premessa 19), li l-awtoritajiet Franċiżi u EDF kienu jsostnu dak iż-żmien li kien sejjer iżomm l-istess status fil-futur (il-premessi 95, 105). In-natura riskjuża ta’ din is-suppożizzjoni li madankollu jiddependu minnu b’mod kruċjali r-riżultati tal-istudju tintwera f’iktar dettall fil-premessi 179 sa 181.
In-natura u l-iskop tal-miżura, il-kuntest li fih isseħħ u r-regoli li għalihom hija soġġetta l-miżura
145.
Il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li n-natura tal-miżura meħuda tagħmel parti mill-elementi rilevanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex wieħed jikkonkludi favur l-applikabbiltà tal-prinċipju tal-investitur privat prudenti f’ekonomija tas-suq (il-punt 86 tas-sentenza). Id-deċiżjoni li jingħata kontribut ta’ kapital addizzjonali lil EDF mingħajr ma tinġabar taxxa fuq ir-riklassifikazzjoni tar-riżervi irregolari relatati mal-RAG hija kemm deċiżjoni ta# kontabilità u ta’ riallokazzjoni bejn l-entrati tal-karta bilanċjali ta’ EDF (il-premessi 100 u 105) kif ukoll deċiżjoni ta’ natura fiskali, peress li l-awtoritajiet kompetenti jqisu li t-taxxa fuq il-kumpaniji kellha tinġabar qabel ir-riklassifikazzjoni (il-premessa 35), anki jekk it-taxxa tħallset fuq riżervi kontabbli oħrajn riklassifikati. Għalhekk mhuwiex stabbilit, kuntrarjament għall-pretensjonijiet tal-awtoritajiet Franċiżi, li dawn iż-żewġ aspetti tal-kontabilità u tat-taxxa huma inevitabbilment marbuta f’miżura waħdiena implimentata mil-Liġi Nru 97-1026 tal-10 ta’ Novembru 1997.
146.
L-Artikolu 4(2) tal-liġi kien jipprovdi li l-valur korrispondenti tal-oġġetti in natura mogħtija b’konċessjoni tan-NPĠ li jidher fil-passiv tal-karta bilanċjali ta’ EDF kellu jitqiegħed, nett mid-differenzjali tar-rivalutazzjoni korrispondenti, fl-partita ‘Injezzjonijiet ta’ Kapital’ (il-premessa 28). Minn dan jista’ jiġi dedott li l-liġi kienet tipprovdi li, apparti minn aġġustamenti tal-valur potenzjali, l-ebda riproċessar tal-kontabilità jew tat-taxxa ma kellu jnaqqas l-ammont tal-valur korrispondenti li kellu jkun irreġistrat bħala injezzjoni ta’ kapital lil EDF. Madankollu, id-deċiżjoni li tinġabar jew le t-taxxa mingħand EDF ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi skont l-Artikolu 34 tal-Kostituzzjoni [tar-Repubblika Franċiża] u l-Liġi Nru 97-1026 ma setgħetx tiddeċiedi b’mod validu fuq din il-kwistjoni. Dan l-Artikolu jillimita s-setgħat leġiżlattivi tal-Parlament fil-qasam fiskali għall-iffissar tal-bażi tat-taxxa, tar-rata u tal-metodi ta’ rkupru tat-taxxi ta’ kull tip. B’hekk, EDF ħallset it-taxxa fuq il-kumpaniji għal ċerti riżervi kontabbli iżda mhux għal oħrajn wara l-istess eżerċizzju ta’ riklassifikazzjoni mwettaq mil-liġi.
147.
Id-dokumenti preparatorji mibgħuta mill-awtoritajiet Franċiżi msemmija fil-premessa 104 juru wkoll li fl-1997 [il-Conseil d’État] [(]il-Kunsill tal-Istat [, Franza)] kien tal-fehma li d-dispożizzjonijiet li ma kinux leġiżlattivi kellhom jitneħħew mit-test tal-abbozz ta’ liġi; barra minn hekk, abbozz ta’ emenda għall-abbozz ta’ liġi tal-gvern li tillimita l-ħlasijiet li l-Istat seta’ jiġbor mingħand EDF skont il-liġi wkoll tneħħa. Fl-aħħar nett, f’April tal-1997 il-Ministri responsabbli kienu qegħdin jikkunsidraw li l-arranġamenti dettaljati ta’ implimentazzjoni tar-ristrutturar ta’ EDF għall-finijiet ta’ kontabilità u ta’ taxxa kellhom ikunu diskussi iktar bejn l-awtoritajiet superviżorji u l-kumpanija (il-premessa 98).
148.
Dawn l-elementi, speċifikati u kwantifikati fl-ittra [tat22 ta’ Diċembru 1997], wara l-adozzjoni tal-liġi (il-premessa 31), jindikaw li l-aspetti fiskali tal-implimentazzjoni huma dissoċjabbli mid-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 97-1026 tal-10 ta’ Novembru 1997. Dawn il-Ministri, fl-ittra tagħhom indirizzata lil EDF, jispjegaw ir-ristrutturar tal-ekwità ta’ EDF, skont l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 97-1026 tal-10 ta’ Novembru 1997 u jidhru li jiddeċiedu b’mod taċitu dwar il-konsegwenzi fiskali ta’ dan ir-ristrutturar, mingħajr ma jissemma ebda investiment produttiv u lanqas dispożizzjonijiet imperattivi fil-liġi.
149.
F’dak li jirrigwarda l-kuntest tal-miżura, li l-Qorti tal-Ġustizzja tindika bħala element rilevanti fost oħrajn biex tivvaluta l-applikabbiltà eventwali tal-prinċipju tal-investitur privat prudenti f’ekonomija tas-suq, il-laqgħat ta’ tħejjija u d-dokumenti ta’ appoġġ għall-perjodu li wasslu għall-kuntratt ta’ negozju bejn l-Istat u EDF iffirmat fit-8 ta’ April 1997 juru li r-riklassifikazzjoni tar-riżervi kienet taqa’ fil-kuntest tal-prespettiva tal-liberalizzazzjoni parzjali tas-swieq tal-elettriku fl-Unjoni, stabbilita sa mill-1996. Barra minn hekk, ix-xewqa li l-attivitajiet ta’ EDF ikomplu jinfirxu fuq livell internazzjonali hija preżenti fil-kuntratt ta’ negozju 1997-2000 u fid-dokumenti ta’ tħejjija, kif ukoll fid-dokumenti parlamentari. Il-kuntratt ta’ negozju nnifsu jissupponi li, biex jitwettaq, teħtieġ miżura leġiżlattiva ta’ regolarizzazzjoni bħal dik prevista mil-Liġi Nru 97-1026, li tistabbilixxi kontinwità de facto bejn l-għanijiet tal-kuntratt u dawk tal-leġiżlatur. Madankollu, la l-kuntratt konkluż f’April 1997, u lanqas id-dokumenti ta’ tħejjija u d-diskussjonijiet mal-awtoritajiet superviżorji ta’ EDF ma jieħdu pożizzjoni fuq l-ammont speċifiku tat-taxxa.
150.
Dan il-kuntest, deskritt mill-elementi esposti [mir-Repubblika Franċiża] fil-kummenti tagħha, madankollu ma jippermettix li wieħed jistabbilixxi b’ċertezza li l-miżura hija r-riżultat ta’ mġiba ta’ azzjonist li qiegħed jagħmel investiment. Fil-fatt, il-ħtieġa ta’ rimedju tal-irregolaritajiet innotati mill-[Cour de comptes] Qorti tal-Awdituri f’Ottubru 1994 tagħmel parti minn dan il-kuntest ukoll. Meta, minn naħa, kellha tiġi rimedjata irregolarità ta’ kontabilità li ppermettiet lil EDF ma tħallasx taxxa fuq il-kumpaniji għal diversi snin, l-awtoritajiet Franċiżi enfasizzaw li d-dispożizzjoni ma taffettwax il-monopolju ta# EDF (il-premessa 105) u li l-qafas stabbli permess mil-liberalizzazzjoni tas-suq kellu jibqa’ jinżamm (il-premessa 95). Huwa veru li l-liberalizzazzjoni kienet tiftaħ prospetti ta’ espansjoni fuq swieq nazzjonali ta’’ Stati Membri oħrajn u li ċerti azzjonijiet kienu previsti fil-kuntratt ta’ negozju 1997-2000 biex EDF tkompli tifrex f’livell internazzjonali. Jibqa’ l-fatt li l-ħsieb tal-awtoritajiet pubbliċi li jiffavorixxu lill-kumpaniji nazzjonali permezz ta’ miżuri ta’ għajnuna finanzjarja fil-bidu ta’ liberalizzazzjoni mhuwiex limitat għall-kumpaniji pubbliċi u lanqas ma jikkaratterizza l-imġiba tal-azzjonist prudenti ta’ kumpanija pubblika.
151.
Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tindika li l-eżami tar-regoli li għalihom hija soġġetta l-miżura kkontestata huwa rilevanti biex wieħed jiddetermina l-karattru tagħha, jew ta’ investiment mill-Istat azzjonist jew ta’ prerogattiva ta’ awtorità pubblika. Il-klassifikazzjoni tal-miżura fl-ewwel kategorija jew fl-oħra tista’ għalhekk tqis il-konformità mar-regoli applikabbli li jiregolawha. Għaldaqstant jeħtieġ li jiġu eżaminati r-regoli li jirregolaw l-investiment ta’ riżorsi tat-taxxa f’kumpaniji bħal EDF. Mingħajr il-miżura inkwistjoni, id-dħul mit-taxxa fuq il-kumpaniji li ma nġabarx kien imur fid-dħul ġenerali tal-baġit tal-Istat Franċiż fl-1997. Kif kien previst fl-Artikolu 18 tad-Digriet Nru 59-2 tat-2 ta’ Jannar 1959 dwar il-liġi organika relatata mal-liġijiet tal-finanzi, applikabbli fiż-żmien tal-fatti, peress li d-dħul kollu jiżgura l-eżekuzzjoni tan-nefqiet kollha, id-dħul kollu u n-nefqiet kollha tal-Istat huma attribwiti f’kont wieħed, imsejjaħ baġit ġenerali. B’hekk, id-dħul mit-taxxa jintefa’ fil-baġit u għall-benefiċċju tal-Istat, u mhux għall-benefiċċji tal-kumpaniji pubbliċi.
152.
Dan il-baġit huwa soġġett għall-prinċipju kostituzzjonali tal-universalità li taħtu d-dħul kollu u s-self kollu jiġu rreġistrati f’żewġ kolonni distinti, mingħajr ma tiġi stabbilita ebda rabta partikolari, pereżempju, bejn dħul mit-taxxa fuq il-kumpaniji u użu bħal injezzjoni ta’ kapital favur kumpanija pubblika bħal EDF. Ċertament, l-allokazzjoni minn qabel ta’ riżorsa tat-taxxa lil persuna ġuridika għajr l-Istat, bħala sussidju jew bħala investiment, hija possibbli taħt id-dritt Franċiż, diment li din l-allokazzjoni tkun soġġetta għal dispożizzjonijiet apposta. L-Artikolu 18 tad-Digriet Nru 59-2 kien jipprovdi għalhekk li, ħlief għas-self u l-ħlas bil-quddiem fost l-oħrajn, l-allokazzjoni tad-dħul tal-Istat hija eċċezzjoni u tista’ ssir biss permezz ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-finanzi, fuq inizjattiva tal-gvern.
153.
Madankollu, il-Liġi Nru 97-1026 tal-10 ta’ Novembru 1997 ma kinitx liġi tal-finanzi u ma setgħetx, minħabba f’hekk, talloka riżorsa ta’ taxxa għall-benefiċċju tal-kapital ta’ EDF. Barra minn hekk, ma jidhirx li ġew adottati xi dispożizzjonijiet speċifiċi fuq inizjattiva tal-gvern fil-liġi tal-finanzi applikabbli għall-baġit tal-1997 biex jiġi allokat minn qabel il-prodott tat-taxxa dovuta minn EDF a spejjeż tal-Istat Franċiż bħala xi tip ta’ investiment fil-kapital ta’ EDF fil-kuntest tal-istess baġit. Jidher għalhekk li din ir-regola li tagħmel possibbli l-investiment ta’ riżorsa tat-taxxa stabbilita favur l-Istat, lil persuna ġuridika tal-Istat bħal EDF, ma ġietx applikata.
154.
Il-parti l-kbira tal-elementi li ssemmew hawn fuq jindikaw b’mod ċar li [r-Repubblika Franċiża] ma ħaditx deċiżjoni, qabel jew fiż-żmien li ngħata l-benefiċċju ekonomiku fil-forma ta’ nuqqas ta’ ħlas ta’ taxxa fuq il-kumpaniji, li tinvesti f’EDF permezz tal-eżenzjoni mit-taxxa. Minħabba dan, il-prinċipju tal-investitur privat prudenti f’ekonomija tas-suq ma jidhirx li japplika għal din il-miżura. Il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat prudenti f’ekonomija tas-suq għandhom għalhekk karattru sussidjarju”.
2. Kunsiderazzjonijiet preliminari
116
Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkunsidrat, essenzjalment, fil-premessi 113 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata, li kien l-obbligu tagħha li teżamina jekk il-kriterju tal-investitur privat kienx applikabbli għall-miżura kontenzjuża identifikata b’mod ċar bħala li hija r-rinunzja għat-taxxa fuq id-drittijiet tal-konċedent mir-Repubblika Franċiża hekk kif deskritta fin-nota tad-9 ta’ April 2002 (ara l-punt 107 iktar ’il fuq).
117
Għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda mill-ewwel l-allegazzjonijiet imtennija minn EDF insostenn tat-tieni motiv tagħha li bihom tgħid li l-Kummissjoni kellha teżamina mhux din ir-rinunzja għall-ġbir tat-taxxa, imma l-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ EDF mingħajr ma tagħmel distinzjoni bejn ir-riżervi li kineu ġew irriklassifikati bħala injezzjoni ta’ kapital.
3. Fuq l-ewwel parti
a) L-argumenti tal-partijiet
118
Insostenn tal-ewwel parti tat-tieni motiv imressaq b’mod prinċipali, EDF issostni essenzjalment li, bi ksur tal-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha fl-analiżi tagħha fl-istadju tal-evalwazzjoni tal-applikabbiltà tal-kriterju kif ukoll tal-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu, il-Kummissjoni llimitat ruħha sabiex tibbaża fuq l-informazzjoni u elementi mibgħuta mir-Repubblika Franċiża u injorat dawk li hija stess kienet bagħtet, ħaġa li l-Kummissjoni tiġġustifika permezz ta’ allegati kuntradizzjonjiet bejn id-dokumenti pprovduti mill-Istat Franċiż u dawk mibgħuta minn EDF.
119
EDF tirrikonoxxi madankollu li “il-Kummissjoni […] semmiet b’mod inċidentali l-elementi li [kienu] ntbagħtu lilha minn EDF” u tirreferi f’dan ir-rigward għall-premessa 66 tad-deċiżjoni kkontestata li ssemmi “madwar erbgħin dokument tal-epoka li EDF inkludiet mal-kitbiet tagħha”.
120
EDF issostni madankollu li madwar erbgħin dokument kontemporanji fuq it-53 li hija bagħtet lill-Kummissjoni ma jissemmewx fid-deċiżjoni kkontestata u li, konsegwentement, ma ġewx analizzati, mingħajr ma l-Kummissjoni tispjega għaliex dawn huma kuntradittorji mad-dokumenti mibgħuta mir-Repubblika Franċiża jew mhux rilevanti.
121
F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa inkontestabbli li l-unika dokumenti li ġew eżaminati f’dan il-każ mill-Kummissjoni huma dawk mibgħuta mir-Repubblika Franċiża, ħaġa li turi li din irrifjutat volontarjament li teżamina d-dokumenti mibgħuta minn EDF bi ksur tal-obbligu ta’ diliġenza tagħha.
122
EDF issostni wkoll li ċerti elementi żvelati minn ċerti dokumenti li hija kienet bagħtet lill-Kummissjoni juru li, kieku kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni, din kienet tasal għal konklużjonijiet differenti minn dawk li hija adottat fid-deċiżjoni kkontestata. Hija ssemmi f’dan ir-rigward l-elementi li jinsabu fid-dokument Nru 18 (ittra ta’ EDF lill-Ministru għall-Ekonomija li tikkonċerna s-sistema kontabbli u fiskali ta’ EDF), id-dokument Nru 20 (nota tal-laqgħa tas-27 ta’ Ottubru 1995 lill-Ministeru għall-Finanzi), id-dokument Nru 22 (ittra mibgħuta minn EDF lill-Ministeru għall-Ekonomija, il-Finanzi u l-Ippjanar, li fiha anness bit-titlu “Riproċessar tal-bilanċ ta’ EDF fil-31. 12. 1994”), id-dokument Nru 23 (ittra ta’ EDF mibgħuta lill-Ministeru għall-Baġit li kellha anness bit-titlu “Proposta ta’ ristrutturazzjoni tal-bilanċ ta’ EDF”), id-dokument Nru 32 (ittra tal-Ministru għall-Ekonomija u għall-Finanzi u tal-Ministri għall-Industrija, il-Posta u t-Telekomunikazzjonijiet) filwaqt li indikat li dan id-dokument ittieħed inkunsiderazzjoni fl-imsemmija deċiżjoni, id-dokumenti Nru 50 sa 56 (opinjonijiet ta’ aġenziji ta’ klassifikazzjoni kontemporanji meħuda inkunsiderazzjoni fl-istudju Oxera tal-2013) u d-dokument Nru 57 (studju intitolat “Pan-European utilities”), fejn dawn id-dokumenti huma elenkati fit-tabella li tinsab fil-punt 77 tar-rikors.
123
EDF iżżid li d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni li hija ħadet inkunsiderazzjoni dawn id-dokumenti huma foloz u li l-uniċi żewġ dokumenti ċċitati fid-deċiżjoni kkontestata indikati bħala li huma dokumenti li hija kienet bagħtitilha huma fir-realtà dokumenti mibgħuta wkoll mir-Repubblika Franċiża.
124
EDF tikkunsidra li l-Kummissjoni ma tistax tiddikjara li s-sempliċi deċiżjoni li jiġu skartati d-dokumenti kkomunikati minnha tikkostitwixxi minnha nnifisha l-prova ta’ analiżi fil-fond.
125
EDF issostni li s-sentenzi tas-16 ta’ Marzu 2016, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni (T‑103/14, EU:T:2016:152), u tas-26 ta’ Mejju 2016, France u IFP Énergies nouvelles vs Il-Kummissjoni (T‑479/11 u T‑157/12, suġġetta għal appell, EU:T:2016:320), jikkonfortaw l-allegazzjonijiet tagħha, li skonthom, essenzjalment, hija l-Kummissjoni li għandha l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni kull element rilevanti anki jekk dan ma ntbagħatx mill-awtur tal-miżura, jiġifieri l-Istat Membru kkonċernat.
126
Barra minn hekk, EDF issostni li qari oġġettiv u imparzjali tad-dokumenti msemmija fil-punt 80 tar-rikors juri mingħajr ambigwità li l-miżura inkwistjoni hija fil-fatt id-deċiżjoni tar-rikapitalizzazzjoni tagħha, identifikata pereżempju, skontha, mid-dokument Nru 20 li hija kienet bagħtet lill-Kummissjoni.
127
Fl-aħħar nett, fil-kuntest tal-osservazzjonijiet li hija ppreżentata wara s-sentenza Frucona Košice, ir-rikorrenti, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, tallega li, skont dik is-sentenza, peress li l-Kummissjoni kienet obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha, anki jekk tmur lil hinn mill-elementi pprovduti mill-Istat u tinjora l-opinjoni suġġettiva tal-Istat, hija ma setgħetx konsegwentement tinjora l-elementi li ġew ikkomunikati lilha mill-Istat u minn EDF.
128
Ir-Repubblika Franċiża ssostni, insostenn tal-argumenti ta’ EDF, li l-premessi 87 sa 108 tad-deċiżjoni kkontestata jagħmlu biss deskrizzjoni tad-disa’ dokumenti li huma annessi mal-osservazzjonijiet tal-awtoritajiet Franċiżi mibgħuta lill-Kummissjoni fl-1 ta’ Lulju 2013, iżda ma jispjegawx ir-raġunijiet li għalihom dawn id-dokumenti jwasslu lil din tal-aħħar sabiex tikkonkludi li l-kriterju tal-investitur privat ma kienx applikabbli f’dan il-każ.
129
Ir-Repubblika Franċiża ppreżentat tabella (anness 10 tan-nota ta’ intervent) li fiha hija tagħmel kummenti fuq id-dokumenti ppreżentati minnha u minn EDF li l-Kummissjoni ma kkunsidratx, mentri, skontha, dawn id-dokumenti kien fihom elementi kruċjali għall-evalwazzjoni tal-applikabbiltà tal-kriterju f’dan il-każ.
130
Ir-Repubblika Franċiża ssemmi tliet eżempji f’dan ir-rigward.
131
L-ewwel nett, ir-Repubblika Franċiża tiċċita ittra tad-19 ta’ Frar 1997 tad-direttur finanzjarju ta’ EDF lill-kap tad-dipartiment tal-finanzjamenti u parteċipazzjonijiet, dipartiment li jiddependi mill-Ministeru għall-Finanzi tiegħu, li l-Kummissjoni ssemmiha biss fil-premessi 88 u 91 tad-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma teħodha inkunsiderazzjoni fir-raġunament tagħha, mentri din l-ittra turi li, fil-kuntest tal-preparament tal-kuntratt ta’ impriża 1997-2000 konkluż bejn l-Istat Franċiż u EDF fit-8 ta’ April 1997 (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ impriża”), l-imsemmi Stat kien eżamina r-remunerazzjoni li huwa kellu jirċievi bħala azzjonist għall-perijodu 1997-2000 billi bbaża ruħu b’mod partikolari fuq kunsiderazzjonijiet ekonomiċi-finanzjarji. Din l-ittra tesponi fil-fatt l-estimi li huma bbażati fuq ipoteżijiet tal-imsemmi kuntratt ta’ impriża (ċaqliq fit-tariffi, modalità ta’ remunerazzjoni tal-Istat azzjonist, għanijiet ta’ investiment u ta’ tnaqqis tad-dejn).
132
It-tieni nett, ir-Repubblika Franċiża ssemmi nota ta’ analiżi ta’ EDF tas-27 ta’ Lulju 1996, mibgħuta lis-Senat Franċiż għat-talba ta’ dan fil-15 ta’ SettembruDiċembru 1997 u li l-Kummissjoni ssemmiha biss fil-premessa 88 tad-deċiżjoni kkontestata, mentri din in-nota turi li, waqt l-adozzjoni tal-miżura inkwistjoni, il-preokkupazzjonijiet tal-Istat Franċiż kienu dawk ta’ azzjonist pubbliku. Din in-nota tistudja, b’mod partikolari, il-prospettivi ta’ remunerazzjoni tal-azzjonist pubbliku fid-dawl tal-bilanċ tal-impriżi Ewropej fis-settur.
133
It-tielet nett, ir-Repubblika Franċiża tiċċita l-ittra tas-26 ta’ Diċembru 1995 mibgħuta minn EDF lill-Ministeru għall-Ekonomija, għall-Finanzi u għall-Ippjanar, li tinvolvi anness intitolat “Riproċessar tal-karta tal-bilanċ ta’ EDF fil-31.12.1994”, li ma ttiħditx inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u li tinkludi analiżi tal-kontijiet li juru li r-ristrutturazzjoni tal-kapital ta’ EDF u l-konsegwenzi tagħha kienu ġew eżaminati fid-dettall mill-Istat Franċiż mill-1995.
134
Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
135
EDF issostni, essenzjalment li, waqt l-evalwazzjoni tagħha tal-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat għall-miżura kontenzjuża, il-Kummissjoni, bi ksur tal-obbligu ta’ diliġenza tagħha, ma ħaditx inkunsiderazzjoni diversi dokumenti li hija kienet bagħtitilha u llimitat ruħha, mingħajr ebda spjegazzjoni, sabiex teżamina dawk li kienet bagħtitilha r-Repubblika Franċiża, mentri l-elementi żvelati minn dawn id-dokumenti kellhom iwassluha għall-konklużjoni li l-imsemmi kriterju kien applikabbli.
136
L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, jekk Stat Membru jinvoka l-kriterju tal-investitur privat matul il-proċedura amministrattiva, huwa jkun obbligat, f’każ ta’ dubju, li jistabbilixxi mingħajr ekwivoku u abbażi ta’ elementi oġġettivi, verifikabbli u kontemporanji li l-miżura implimentata tirriżulta minħabba l-kapaċità tiegħu bħala azzjonist u li hija kienet ibbażata fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi minn qabel skont kif meħtieġ (ara f’dan is-sens is-sentenza fil-Kawża C‑124/10 P, punti 82, 85 u 104).
137
It-tieni nett, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ diliġenza li huwa inerenti għall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u japplika b’mod ġenerali għall-azzjoni tal-amministrazzjoni tal-Unjoni fir-relazzjonijiet tagħha mal-pubbliku jeħtieġ minnha li taġixxi b’kura u bi prudenza (sentenza tal-4 ta’ April 2017, L-Ombudsman vs Staelen, C‑337/15 P, EU:C:2017:256, punt 34).
138
Fil-każijiet fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkollhom setgħa diskrezzjonali, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mis-sistema legali tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi għandha importanza iktar u iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji hemm b’mod partikolari l-obbligu tal-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’akkuratezza u imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami, id-dritt tal-persuna kkonċernata li tesponi l-opinjoni tagħha kif ukoll dak li tipprovdi motivazzjoni suffiċjenti għad-deċiżjoni. Għaldaqstant, huwa biss b’dan il-mod li l-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali jistgħu jivverifikaw jekk il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ġewx issodisfatti (sentenza tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14).
139
Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prinċipji fil-qasam tal-produzzjoni tal-prova fis-settur tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni għandha twettaq il-proċedura ta’ investigazzjoni tal-miżuri inkriminanti b’mod diliġenti u imparzjali, sabiex ikollha, meta tiġi adottata deċiżjoni finali li tistabbilixxi l-eżistenza u, jekk ikun il-każ, l-inkompatibbiltà jew l-illegalità tal-għajnuna, l-elementi l-iktar kompleti u affidabbli possibbli sabiex tagħmel dan (ara s-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).
140
It-tielet nett, għandu jitfakkar ukoll li l-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata mill-qorti tal-Unjoni skont l-informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ jkollha fid-dispożizzjoni tagħha meta hija adottatha (sentenzi tal-15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, EU:C:2008:224, punt 54, u tat-2 ta’ Settembru 2010, Il-‑Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, EU:C:2010:480, p. I‑7763, punt 91).
141
Fl-aħħar nett, ir-raba’ nett, għalkemm, fil-kuntest tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, l-Istat Membru għandu, skont l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE, jipprovdi lill-Kummissjoni bl-elementi li jippermettulha li tiddeċiedi dwar in-natura tal-għajnuna mill-Istat tal-miżura inkwistjoni, il-Kummissjoni hija obbligata, skont l-obbligu tagħha ta’ eżami diliġenti u imparzjali li teżamina bir-reqqa l-elementi pprovduti lilha mill-Istat Membru. Skont l-ispirtu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li tagħti lill-persuni kkonċernati ir-rwol ta’ sors ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni, tali obbligu huwa impost ukoll fuq il-Kummissjoni fir-rigward tal-informazzjoni li tiġi kkomunikata lilha mill-persuni kkonċernati (ara s-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2015, SACE u Sace BT vs Il-Kummissjoni, T‑305/13, EU:T:2015:435, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).
142
F’dan il-każ, huwa paċifiku li r-Repubblika Franċiża invokat il-kriterju tal-investitur privat sa mill-proċedura amministrattiva (ara l-premessa 95 tad-deċiżjoni inizjali, punt 31 iktar ’il fuq). Hija kellha, għaldaqstant, tistabbilixxi mingħajr ekwivoku u abbażi ta’ elementi oġġettivi, verifikabbli u kontemporanji li l-miżura implimentata kienet tirriżulta minħabba l-kapaċità tagħha bħala azzjonist u li hija kienet ibbażata fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi minn qabel skont kif meħtieġ (ara f’dan is-sens is-sentenza fil-Kawża C‑124/10 P, punti 82, 85 u 104).
143
Ir-rikorrenti, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, tikkritika lill-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ din l-ewwel parti, li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-provi kollha prodotti minn EDF f’dan ir-rigward u li llimitat ruħha li teżamina biss il-provi kollha jew parti minnhom prodotti mir-Repubblika Franċiża.
144
Jeħtieġ mill-ewwel li jiġi rrilevat li l-allegazzjonijiet ta’ EDF huma ta’ natura estremament ġenerali u huma partikolarment inqas iddettaljati f’dak li jikkonċerna l-identifikazzjoni tal-elementi allegatament importanti, fid-dokumenti li hija ppreżentat lill-Kummissjoni, li din jingħad li naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni.
145
Fil-fatt, EDF illimitat ruħha li tressaq, fil-punt 77 tar-rikors, tabella li fiha elenkat lista ta’ 50 dokument (u mhux 53 kif hija qalet fil-punt 78 tar-rikors) li hija bagħtet lill-Kummissjoni. Hija tindika, fir-rigward ta’ għaxra minnhom, li hija għamlet riferiment għalihom fid-deċiżjoni kkontestata u tillimita ruħha, fir-rigward tal-oħrajn, sabiex issostni li dawk ma humiex imsemmijin u li, a fortiori, lanqas ġew analizzati mill-Kummissjoni, Konsegwentement, dawn ġew skartati mingħajr ġustifikazzjoni, mentri hija l-Kummissjoni li għandha tikkunsidra l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti.
146
Imbagħad, fil-punt 80 tar-rikors, EDF issemmi “ċerti elementi skartati mingħajr motivazzjoni” li, filwaqt li jinsabu fid-dokumenti mehmużin mal-anness A-7 tar-rikors, kellhom, fil-fehma tagħha, iwasslu lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra li l-kriterju tal-investitur privat kien applikabbli għall-miżura kontenzjuża:
–
“Dokument [Nru]18: “Ibbilanċjar aħjar bejn ir-rwoli ta’ azzjonist proprjetarju, ta’ regolatur u ta’ konċedent”;
–
Dokument [Nru]20: “Kapitalizzazzjoni ta’ EDF billi d-drittijiet tal-Istat konċedent u r-riżervi għat-tiġdid assoċjati jiġu ttrasformati f’kapital u bil-konsolidazzjoni tal-injezzjonijiet ta’ kapital, sabiex tiġi ddefinita bażi permanenti ta’ remunerazzjoni tal-azzjonist”;
–
Dokument [Nru]22: “Proposta tal-karta tal-bilanċ ta’ EDF fil-31. 12. 1994, RAG f’kapital proprju, riproċessar tad-drittijiet tal-konċedent [ta’ distribuzzjoni pubblika]”;
–
Dokument [Nru]23: “Ristrutturazzjoni tal-kapital proprju fil-passiv tal-bilanċ” (ara punt 1.1, 1.2 u 1.3);
–
Dokument [Nru]32: “Għan ambizzjuż ta’ remunerazzjoni tal-Istat”;
–
Dokumenti [Nri]50-56: rapporti tal-aġenzija ta’ klassifikazzjoni li tikkummenta fuq il-prestazzjoni u l-prospettivi tal-impriżi użati għall-paragun fl-analiżi magħmula minn Oxera (redatta fl-2013). Dawn id-dokumenti jipprovdu elementi ta’ kuntest ekonomiku fl-Ewropa, kif ukoll deskrizzjoni tal-miżuri meħuda mill-impriżi sabiex jiffaċċjaw dawn il-prospettivi ġodda. Dawn huma elementi importanti li l-Kummissjoni injorat mingħajr ġustifikazzjoni.
–
Dokument [Nru]57: “Morgan Stanley, pan-European utilities”: dan id-dokument kontemporanju essenzjali, li jesponi biċ-ċar il-metodoloġija u l-kunsiderazzjonijiet li kienu ġew adottati minn investitur privat, ġie injorat bla ebda spjegazzjoni mill-Kummissjoni”.
147
Minn dan, EDF tikkonkludi li l-Kummissjoni deliberatament skartat dokumenti li kienu jmorru kontra t-teżi tagħha, u dan mingħajr ġustifikazzjoni.
148
Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ma tistax tkun obbligata, minħabba d-dmir ta’ diliġenza, kif imfakkar fil-punt 138 iktar ’il fuq, li ssemmi jew li tieħu pożizzjoni għal hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq kull wieħed mid-dokumenti li bagħtitilha EDF, li tagħhom din naqset milli turi r-rilevanza għal dak li jikkonċerna l-eżami li l-Kummissjoni kellha tagħmel.
149
Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li kisret id-dmir ta’ diliġenza f’dan ir-rigward.
150
Barra minn hekk, peress li EDF issostni wkoll li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi min-natura tal-att inkwistjoni u mill-kuntest li fih jiġi adottat. Il-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, b’tali mod, minn naħa waħda, li l-qorti tal-Unjoni tkun tista’ twettaq l-istħarriġ tagħha tal-legalità u, min-naħa l-oħra, sabiex il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet għall-miżura meħuda, biex b’hekk ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u jivverifikaw jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ liġi, sa fejn il-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-kwistjoni kkonċernata. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma hijiex meħtieġa li tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha invokati quddiemha mill-partijiet ikkonċernati, iżda huwa biżżejjed li hija ssemmi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li huma ta’ importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni (ara s-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, EU:T:2003:57 punti 278 sa 280).
151
Minn dan isegwi li l-Kummissjoni lanqas ma kienet obbligata, minħabba l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, li tieħu pożizzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq kull wieħed mid-dokumenti li bagħtitilha EDF.
152
L-argumenti ta’ EDF, sa fejn jirrigwardaw eventwali nuqqas ta’ motivazzjoni, ma jistax konsegwentement jirnexxi.
153
Fit-tieni lok, fir-rigward tad-dokumenti msemmija minn EDF fil-punt 80 tar-rikors, li fir-rigward tagħhom hija tinvoka “elementi” li ġew injorati u skartati mill-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-kwotazzjonijiet, għall-inqas qosra, li EDF issemmi ma jirreferux għall-miżura kontenzjuża eżaminata mill-Kummissjoni, imma, l-iktar, għall-miżura kif interpretata b’mod żbaljat minn EDF, jiġifieri r-rikapitalizzazzjoni ta’ EDF. Min-naħa l-oħra, anki jekk jinqraw fl-intier tagħhom, ebda wieħed mid-dokumenti msemmija ma jsemmi, lanqas inċidentalment, il-miżura kontenzjuża. Għaldaqstant, l-argumenti tagħha ma jreġux fil-fatt.
154
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li EDF ma tagħtix l-iċken spjegazzjoni li tippermetti li jinftiehem kif l-“elementi” li hija ssemmi fil-punt 80 tar-rikors huma ta’ natura li jaqilbu b’mod radikali, kif hija ssostni, saħansitra anki jbiddlu l-analiżi tal-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat magħmula mill-Kummissjoni.
155
Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat, kif issostni l-Kummissjoni, li anki jekk hija ma tirreferix b’mod espliċitu għad-dokumenti kollha ċċitati minn EDF, xorta jibqa’ l-fatt li l-elementi mressqa minn din tal-aħħar u li allegatament ġew injorati ġew fil-fatt meħuda inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata.
156
Fil-fatt, il-kjarifika bejn id-diversi rwoli tal-Istat Franċiż, azzjonist, konċedent u regolatur (Anness A-7-18 tar-rikors) u l-mira “ambizzjuża” ta’ kumpens lill-Istat (Anness A-7-32 tar-rikors) jissemmew fil-premessa 89 u fit-tielet inċiż tal-premessa 95 tad-deċiżjoni kkontestata.
157
It-tranżazzjoni ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ EDF, li tassoċja bażi ta’ remunerazzjoni tal-Istat azzjonist (anness A-7-20 tar-rikors), il-proposti ta’ evoluzzjoni tal-bilanċ (Anness A-7-22 tar-rikors) kif ukoll ir-ristrutturazzjoni tal-kapital proprju ta’ EDF (Anness A-7-23 tar-rikors) huma deskritti, fil-modalitajiet tat-tranżazzjoni adottati mir-Repubblika Franċiża, fil-premessi 25 sa 30 u 100 sa 103 tad-deċiżjoni kkontestata.
158
Ix-xogħol magħmul u l-laqgħat miżmuma mill-1995 bejn EDF u l-awtoritajiet ta’ tutela, li minnhom joriġinaw id-dokumenti msemmija minn EDF fil-punt 80 tar-rikors, jissemmew fil-premessi 28, 89 u 90 tad-deċiżjoni kkontestata, li fihom il-Kummissjoni ffukat fuq il-konklużjonijiet tagħhom iktar milli l-iżvolġiment tagħhom, u dan ma jistax jiġi kkritikat.
159
Barra minn hekk, fir-rigward tar-rapporti tal-aġenzija ta’ klassifikazzjoni meħudin inkunsiderazzjoni waqt it-twettiq tal-istudju Oxera (Anness A-7-50 sa A-7-56 tar-rikors), rapporti li ċertament huma kontemporanji, b’differenza mal-istudju Oxerali, min-naħa tiegħu, ilu mill-2013, għandu jiġi rrilevat li dawn ma jirrigwardawx speċifikament lil EDF, u inqas u inqas lill-miżura kontenzjuża.
160
L-ewwel rapport, li nħareġ minn aġenzija ta’ klassifikazzjoni, huwa intitolat “Rating methodology – European electric utilities” u jirrigwarda analiżi ta’ natura ġenerali fis-settur, li kienet qed tinbidel fl-1999. Huwa ma fih ebda analiżi proprja għas-sitwazzjoni kontabbli u fiskali ta’ EDF li tirriżulta mill-istruttura tal-bilanċ tagħha u mir-riżervi għat-tiġdid. Lanqas ma ssemmiet fih xi rikapitalizzazzjoni tal-impriża, u lanqas ristrutturazzjoni tal-bilanċ tagħha. Hija biss paġna waħda, dik numerata 875 tal-annessi tar-rikors, li turi b’mod sistematiku xi informazzjoni ta’ natura ġenerali fuq il-klassifikazzjoni tal-impriża.
161
L-Annessi A-7-51 sa A-7-55 tar-rikors fihom ħames analiżijiet magħmulin minn aġenzija ta’ klassifikazzjoni li jikkonċernaw rispettivament impriżi oħra li ma humiex EDF.
162
Għaldaqstant, dawn id-diversi rapporti ma huma ta’ ebda utilità sabiex jispjegaw il-motivazzjoni jew ukoll sabiex tinftiehem il-miżura kontenzjuża fil-veru sens tal-kelma u jikkostitwixxu, jekk xejn, elementi li jagħtu l-kuntest li fih sar l-istudju Oxera.
163
Fir-rigward tal-istudju Oxera proprju, magħmul fl-2013, dan jinsab ippreżentat mal-evalwazzjoni tagħha fit-tielet inċiż tal-premessa 144 tad-deċiżjoni kkontestata, u fil-fatt dan ittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni.
164
Fir-rigward, fl-aħħar nett, tar-rapport ta’ bank li jirrigwarda s-settur Ewropew tal-enerġija kollu u mhux, b’mod partikolari, lil EDF (Anness A-7-57 tar-rikors), għandu jiġi rrilevat li, fit-tielet inċiż tal-premessa 144 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tispjega r-raġunijiet li għalihom hija kkunsidrat li d-dividendi mħallsa minn impriżi oħra li ma humiex EDF ma servewx ta’ riferiment għar-remunerazzjoni mħallsa lill-Istat Franċiż bħala injezzjonijiet ta’ kapital lil EDF, u dan peress li kien hemm kunsiderazzjonijiet oħra, skont ir-Repubblika Franċiża stess, li ġew fil-fatt eżaminati u li ġġustifikaw id-deċiżjoni tagħha (u tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-premessa 87, għat-tielet inċiż tal-premessa 102, għat-tmien inċiż tal-premessa 107 u għall-premessa 161 tal-imsemmija deċiżjoni).
165
Għandu jiġi kkonstatat ukoll li t-tliet dokumenti msemmija mir-Repubblika Franċiża fin-nota ta’ intervent ittieħdu wkoll inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni.
166
Jeħtieġ fil-fatt li jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li l-kontenut tal-ittra tad-direttur finanzjarju ta’ EDF tad-19 ta’ Frar 1997, li tirrigwarda l-“ipoteżijiet prinċipali tax-xenarju finanzjarju assoċjat mal-kuntratt ta’ negozju” huwa espost fil-premessi 90 u 91 tad-deċiżjoni kkontestata. Din l-ittra fl-ebda mument ma ssemmi l-miżura kontenzjuża u l-elementi li fiha ma jippermettux li jiġi konkluż li l-kriterju tal-investitur privat japplika, ħaġa li spjegat, wara kollox, il-Kummissjoni fil-premessi 132 et seq. tal-imsemmija deċiżjoni.
167
It-tieni nett, in-nota ta’ analiżi ta’ EDF tas-27 ta’ Lulju 1996 fiha biss espożizzjoni ġenerali ħafna fuq l-aġir tar-regolaturi u r-remunerazzjoni tal-azzjonisti fis-settur elettriku ta’ barra l-pajjiż, mingħajr konklużjoni operattiva għal dak li jikkonċerna lil EDF.
168
Fl-aħħar nett, it-tielet nett, fir-rigward tal-ittra ta’ EDF tas-26 ta’ Diċembru 1995 u iktar partikolarment tal-anness tagħha intitolat “Riproċessar tal-bilanċ ta’ EDF fil-31.12.1994”, għandu jiġi rrilevat dan li ġej.
169
Mal-ittra ta’ EDF tas-26 ta’ Diċembru 1995, hemm annessi diversi dokumenti. Fl-ewwel lok, diversi tabelli jirrappreżentaw il-pożizzjonijiet fil-bilanċ, qabel u wara r-riklassifikazzjoni, tal-“konċessjonijiet ta’ distribuzzjoni pubblika” (imsejħa wkoll konċessjonijiet tal-gvern lokali), li huma distinti mill-konċessjoni RAG, kif juru l-Annessi A-7-23 u A-7-24 tar-rikors, li juru biċ-ċar it-trattament distint ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ konċessjoni, imsemmija wkoll fil-qosor fir-rapport Migaud, relatur ġenerali, f’isem il-Kummissjoni tal-Finanzi, Nru 204 kkoreġut (iktar ’il quddiem ir-“rapport Migaud”) (Anness I-8 tan-nota ta’ intervent). Fit-tieni lok, fir-rigward tal-istess konċessjonijiet, hemm “paragun tas-sistema kontabbli attwali u tas-sistema l-ġdida kkontemplata”. Fit-tielet lok, ġew ittrattati l-“finanzjamenti tal-konċedent u tal-konċessjonarju li servew ta’ bażi għall-kalkoli tad-dekadenza u għad-determinazzjoni tal-parti ta’ deprezzament rispettiva li batew iż-żewġ partijiet”, dejjem fir-rigward tal-imsemmija konċessjonijiet. Fir-raba’ lok, ġie ppreżentat anness intitolat “Riproċessar tal-bilanċ fil-31.12.1994”. Dan l-anness jinqasam fi tliet partijiet: l-ewwel waħda, “bilanċ iddettaljat riproċessat skont l-aħħar proposti ta’ EDF fil-qasam tal-konċessjoni u tar-ristrutturazzjoni tal-bilanċ”, fejn hemm distinzjoni bejn il-konċessjonijiet “F. H.” u l-konċessjonijiet ta’ distribuzzjoni pubblika (fir-rigward tat-tabella li turi din l-ewwel parti, fejn jinsabu ċertament il-modifiki proposti fil-passiv tal-bilanċ wara l-modifika tal-istatut tan-NPĠ, li jixbhu lil dawk li seħħew fl-1997, imma l-effetti fiskali tar-riklassifikazzjoni tar-riżervi użati, min-naħa l-oħra, ma jissemmewx); fit-tieni lok, “l-istess bilanċ, iżda ppreżentat b’mod li jenfasizza r-riproċessar li jirrigwarda l-konċessjonijiet [ta’ distribuzzjoni pubblika]”; fit-tielet lok, “it-tielet tabella li fiha ġew iżolati l-entrati fil-bilanċ li jirrigwardaw il-konċessjonijiet [ta’ distribuzzjoni pubblika] (elementi li fihom sfond griż fit-tabella preċedenti) sabiex tiġi enfasizzata l-loġika tar-riproċessar li jirrigwarda l-konċessjonijiet [ta’ distribuzzjoni pubblika]”. Fil-ħames lok, ġew ippreżentati l-“evoluzzjonijiet fit-tul tal-kontijiet tal-konċessjoni [ta’ distribuzzjoni pubblika] tal-bilanċ ta’ EDF” b’ċerti estimi sommarji sal-2015.
170
Minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-miżura kontenzjuża mkien ma ssemmiet fl-ittra ta’ EDF tas-26 ta’ Diċembru 1995 u tal-annessi tagħha.
171
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ħadet il-ftit elementi rilevanti li jinsabu fl-ittra ta’ EDF tas-26 ta’ Diċembru 1995 fil-premessi 25 sa 30 u 100 sa 103 tad-deċiżjoni kkontestata, li ssemmi, barra minn hekk, fil-premessi 26, 89 u 90 l-eżistenza ta’ xogħol u ta’ laqgħat mill-1995 bejn l-Istat Franċiż u EDF. Dawn il-premessi jesponu b’mod iddettaljat l-aspetti kontabbli u fiskali tal-miżura kontenzjuża, li wara kollox ma ġiex allegat li dawn huma żbaljati.
172
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ffukat, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq il-konklużjonijiet tad-diversi xogħol preparatorju għal-Liġi Nru 97-1026 li seħħ bejn EDF u l-Istat Franċiż pjuttost milli għall-iżvolġiment tiegħu, speċjalment peress li ma juru ebda teħid inkunsiderazzjoni tal-miżura kontenzjuża u tal-allegati effetti tagħha f’termini ta’ investiment.
173
Mill-bqija, fir-rigward tat-tabella li tinsab fl-Anness 10 tan-nota ta’ intervent u li fiha siltiet ta’ dokumenti bil-kummenti, liema dokumenti ma ttiħdux inkunsiderazzjoni, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ tali riferiment għal tabella li tinsab f’anness tan-nota ta’ intervent, għandu jiġi kkonstatat li ebda wieħed mis-siltiet iċċitati jew mill-kummenti ma jirreferu għall-miżura kontenzjuża.
174
L-estratti msemmija fil-punt 173 iktar ’il fuq jirrigwardaw jekk xejn il-kuntest li fih ittieħdet dik il-miżura, kuntest li ma ġiex allegat li l-Kummissjoni ma ħaditux inkunsiderazzjoni.
175
Bħala konklużjoni, EDF baqgħet ma wrietx kif il-Kummissjoni naqset mid-dmir ta’ diliġenza tagħha meta ma eżaminatx jew ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-dokumenti li ntbagħtulha, u lanqas ma turi fejn il-Kummissjoni naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.
176
Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tieni motiv imressaq b’mod prinċipali għandha tiġi miċħuda peress li hija parzjalment defiċjenti min-naħa ta’ fatti u mill-bqija infondata.
4. Fuq it-tieni parti
a) L-argumenti tal-partijiet
177
Insostenn tat-tieni parti tat-tieni motiv tagħha, li hija bbażata fuq il-konfużjoni bejn l-elementi li jirrigwardaw l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat u dawk li huma rilevanti għall-applikazzjoni tiegħu, EDF tfakkar li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-kriterju tal-investitur privat ma kienx applikabbli f’dan il-każ sa fejn ir-Repubblika Franċiża ma “ħaditx deċiżjoni, qabel jew fiż-żmien li ngħata l-benefiċċju ekonomiku fil-forma ta’ nuqqas ta’ ħlas ta’ taxxa fuq il-kumpaniji, li tinvesti f’EDF permezz tal-eżenzjoni mit-taxxa”.
178
Issa, skont EDF, l-argument tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq diversi ineżattezzi fl-analiżi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti u jikser l-insenjamenti tas-sentenzi fil-Kawżi T‑156/04 u C_124/10 P.
179
Skont EDF, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kwistjoni tal-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat kienet tiddependi mill-kwalità li fiha aġixxa l-Istat, jiġifieri fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist jew ta’ awtorità pubblika.
180
Iktar minn hekk, peress li l-miżura inkwistjoni hija miżura ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ impriża li tagħha l-Istat huwa azzjonist, il-Qorti Ġenerali qieset li, min-natura tagħha, din il-miżura kienet ittendi li turi li l-Istat kien qiegħed ifittex għan ta’ investiment li jista’ jiġi pparagunat ma’ dak ta’ investitur privat.
181
Id-deċiżjoni kkontestata tikser għaldaqstant l-insenjament tas-sentenza fil-Kawża T‑156/04 fir-rigward tat-teżi tar-“rigal fiskali” u tħallat, barra minn hekk, b’mod kważi sistematiku l-kundizzjonijiet li jirrigwardaw l-applikabbiltà tal-kriterju ma’ dawk li jirrigwardaw l-applikazzjoni tiegħu.
182
F’dan ir-rigward, EDF issostni li l-premessi 132 sa 135 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar iż-żieda fir-remunerazzjoni tal-Istat, jirrigwardaw l-applikazzjoni tal-kriterju u mhux l-applikabbiltà tiegħu, l-istess bħall-premessi 140 sa 144 tal-imsemmija deċiżjoni, fejn hija ttrattat l-kwistjoni tal-profitabbiltà tal-investiment inkwistjoni.
183
EDF iżżid fl-aħħar nett, min-naħa waħda, li l-punti 82 u 84 tas-sentenza fil-Kawża C‑124/10 P ma għandhomx il-portata li tagħtihom il-Kummissjoni u jimponu li l-applikabbiltà tal-kriterju jkun marbut mal-kwalità li fiha jaġixxi l-Istat u, min-naħa l-oħra, li l-profitabbiltà tad-deċiżjoni ta’ investiment hija distinta minn dik tal-kwalità li fiha aġixxa l-Istat u toħroġ mill-applikazzjoni tat-test. Għaldaqstant, il-Kummissjoni, bil-fatt li ppretendiet il-kontra, kisret is-sentenza fil-Kawża C‑124/10 P.
184
Ir-Repubblika Franċiża tikkunsidra min-naħa tagħha li l-Kummissjoni kellha l-ewwel nett tiddetermina, b’mod awtonomu, jekk id-deċiżjoni sabiex tirrikapitalizza lil EDF kinitx deċiżjoni meħuda mill-Istat bħala azzjonist pubbliku jew bħala awtorità pubblika, u mbagħad kellha teżamina l-kwistjoni tal-profitabbiltà, li toħroġ biss, fil-fehma tagħha, mill-applikazzjoni tal-kriterju.
185
Il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn l-argumenti huma infondati.
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
186
EDF, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, issostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni ħalltet sistematikament l-analiżi meħtieġa għal dak li jikkonċerna l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat ma’ dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-imsemmi kriterju.
187
F’dan ir-rigward, EDF issostni dan li ġej.
188
Minn naħa, EDF issostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kwistjoni tal-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat kienet tiddependi mill-kwalità ta’ azzjonist jew ta’ awtorità pubblika li fiha jaġixxi l-Istat. Fil-fehma tagħha, peress li l-miżura kontenzjuża hija miżura ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ impriża li tagħha l-Istat huwa azzjonist, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 259 tas-sentenza fil-Kawża T‑156/04, li, min-natura tagħha, din il-miżura kienet intiża li turi li l-Istat kien qed isegwi għan ta’ investiment li jista’ jiġi pparagunat ma’ dak ta’ investitur privat.
189
Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.
190
Fil-fatt, il-miżura kontenzjuża, b’kuntrast ma’ dak li ssostni EDF, ma hijiex miżura ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ din l-impriża, imma r-rinunzja li tiġbor it-taxxa fuq id-drittijiet tal-konċedent (ara l-punti 106 u 107 iktar ’il fuq). L-argument inkwistjoni huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenzi fil-Kawżi T‑156/04 u C‑124/10 P.
191
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-argument inkwistjoni jwassal fir-realtà sabiex jiġi rrikonoxxut li mis-sentenzi fil-Kawżi T‑156/04 u C‑124/10 P jirriżulta li peress li l-miżura hija miżura ta’ rikapitalizzazzjoni, huwa għaldaqstant fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist li aġixxa l-Istat, u segwa b’dan il-mod għan ta’ investiment li min-natura tiegħu huwa paragunabbli għal dak ta’ investitur privat, u dan kellu jwassal lill-Kummissjoni sabiex tiddikjara l-kriterju bħala applikabbli.
192
Issa, għandu jitfakkar li s-sentenzi fil-Kawżi T‑156/04 u C‑124/10 P ma ppreġudikawx l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat.
193
Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fis-sentenza tagħha fil-Kawża C‑124/10 P, li:
“82.
[…] jekk matul il-proċedura amministrattiva l-Istat Membru jinvoka l-imsemmi kriterju, huwa għandu l-obbligu, fil-każ ta’ dubju, li jistabbilixxi mingħajr dubju u abbażi ta’ elementi oġġettivi u verifikabbli li l-miżura implementata tirriżulta mill-kwalità tiegħu ta’ azzjonist.
83.
Dawn l-elementi għandhom juru b’mod ċar li, qabel jew fl-istess waqt tal-għoti tal-vantaġġ ekonomiku […], l-Istat Membru kkonċernat ħa d-deċiżjoni li jwettaq, permezz tal-miżura effettivament implementata, investiment fl-impriża pubblika kkontrollata”.
194
Fi kliem ieħor, ma huwiex biżżejjed għall-Istat li jallega li huwa ħa d-deċiżjoni li jwettaq l-investiment u li l-miżura hija r-riżultat tal-kwalità tiegħu ta’ azzjonist, iżda huwa għandu l-obbligu li jistabbilixxi dan mingħajr ekwivoku u abbażi ta’ elementi oġġettivi, verifikabbli u kontemporanji.
195
L-argumenti inkwistjoni huma għaldaqstant ibbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenzi fil-Kawżi T‑156/04 u C‑124/10 P.
196
Min-naħa l-oħra, EDF, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, issostni essenzjalment li l-Kummissjoni wettqet b’mod żbaljat, waqt l-eżami tal-applikabbiltà tal-kriterju, evalwazzjoni taż-żieda fir-remunerazzjoni tal-Istat Franċiż kif ukoll tal-profitabbiltà tal-miżura (ikklassifikata b’mod żbaljat minn EDF bħala “investiment”), peress li dawn il-kriterji jaqgħu fil-fatt, fil-fehma tagħha, fl-applikazzjoni tal-kriterju.
197
Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tagħha fil-Kawża C‑124/10 P, li:
“84.
F’dan ir-rigward jistgħu jkunu meħtieġa, b’mod partikolari, provi li juru li din id-deċiżjoni hija bbażata fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi paragunabbli għal dawk li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, investitur privat razzjonali li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-imsemmi Stat Membru kien jagħmel, qabel ma jwettaq l-imsemmi investiment, sabiex jiddetermina l-profittabbiltà futura ta’ tali investiment.
85.
Min-naħa l-oħra, evalwazzjonijiet ekonomiċi magħmula wara l-għoti tal-imsemmi vantaġġ, il-konstatazzjoni retrospettiva tal-profittabbiltà effettiva tal-investiment imwettqa mill-Istat Membru kkonċernat jew ġustifikazzjonijiet ulterjuri tal-għażla tal-proċess effettivament użat ma jistgħux ikunu biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li dan l-Istat Membru ħa, qabel jew fl-istess waqt ta’ dan l-għoti, tali deċiżjoni fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Franza vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 71 u 72)”
198
Għaldaqstant il-Kummissjoni ma tistax tkun ikkritikata li ffukat, sa mill-istadju tal-evalwazzjoni tal-applikabbiltà tal-kriterju, fuq il-profitabbiltà tal-investiment allegat.
199
Konsegwentement, it-tieni parti tat-tieni motiv imressaq b’mod prinċipali għandha tiġi miċħuda fl-intier tagħha
5. Fuq it-tielet parti
a) L-argumenti tal-partijiet
200
EDF, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, issostni, insostenn tat-tielet parti tat-tieni motiv imressaq b’mod prinċipali, li huwa b’mod żbaljat li l-Kummissjoni eskludiet li l-kriterju tal-investitur privat ikun applikabbli għal dan il-każ minħabba li r-Repubblika Franċiża kienet ħalltet il-kwalitajiet tagħha bħala awtorità pubblika u bħala investitur, jiġifieri li hija adottat miżura abbażi, kemm, ta’ kunsiderazzjonijiet li jaqgħu fil-kwalità tagħha bħala azzjonista u kunsiderazzjonijiet li jaqgħu fil-awtorità pubblika tagħha, u dan juri, skont il-Kummissjoni, is-sovrappożizzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw ir-remunerazzjoni tal-Istat u oħrajn li jirrigwardaw l-ammont tat-taxxa dovuta wara r-ristrutturazzjoni tal-bilanċ ta’ EDF fid-dokumenti mibgħuta mill-awtoritajiet Franċiżi.
201
EDF issostni li dan l-argument huwa bbażat kemm fuq żbalji fattwali, li jirriżultaw minn qari selettiv u ppreġudikat tad-dokumenti, u fuq żball ta’ liġi li jirrigwarda n-natura stess tal-kriterju tal-investitur privat.
202
Fir-rigward tal-iżbalji fattwali, EDF tikkunsidra li diversi dokumenti, u hija tirreferi b’mod iktar partikolari għad-dokumenti numri 23 sa 25 li hija annettiet mal-osservazzjonijiet tagħha mibgħuta lill-Kummissjoni f’Lulju 2013 (Annessi A‑7‑23 sa A‑7‑25 tar-rikors), juru li l-effetti tar-ristrutturazzjoni kkontemplata fil-bilanċ tagħha fuq it-taxxa dovuta minnha ġew eżaminati b’mod parallel, iżda b’mod distint, mal-konsegwenzi fuq ir-remunerazzjoni tal-Istat azzjonist, u ma juru ebda taħlit tal-kunsiderazzjonijiet fiskali u ta’ investiment li bihom kien iggwidat l-Istat.
203
Fir-rigward tal-iżball ta’ liġi, EDF issostni li, fil-premessi 137 sa 139 tad-deċiżjoni kkontestata, dak li ġiet ikkritikata bih ir-Repubblika Franċiża huwa fir-realtà li eżaminat l-effetti tar-ristrutturazzjoni tal-bilanċ tagħha fuq is-sitwazzjoni tal-impriża fil-qasam fiskali u għaldaqstant fuq il-ġbir tat-taxxi futuri, kif dawn setgħu jkunu antiċipati dak iż-żmien, minkejja l-fatt li, ċertament, hija għamlet dan l-eżami, imma b’mod parallel ma’ u b’mod distint minn dak tal-konsegwenzi f’termini ta’ remunerazzjoni tal-Istat azzjonist. Ir-Repubblika Franċiża żżid li tali approċċ huwa konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali (sentenza tal-24 ta’ Settembru 2008, Kahla/Thüringen Porzellan vs Il-Kummissjoni, T‑20/03, EU:T:2008:395).
204
L-argument tal-Kummissjoni juri għaldaqstant, skont EDF, ksur tan-natura tal-kriterju tal-investitur privat u jwassal sabiex jikser l-ugwaljanza fit-trattament bejn l-Istat u tali investitur. Ir-raison d’être tal-kriterju huwa fil-fatt li jippermetti li ssir l-għażla bejn id-deċiżjonijiet li l-Istat jista’ jadotta bħala investitur u dawk li huwa jista’ jippretendi bħala awtorità pubblika, imma l-applikabbiltà tal-kriterju ma tistax tiġi miċħuda minħabba li dawk tal-ewwel jistgħu jikkoeżistu ma’ dawk tat-tieni. Tali raġunament tal-Kummissjoni kien jixhed, għal darba oħra, formaliżmu eċċessiv li wassalha sabiex tkun issanzjonata mill-Qorti Ġenerali.
205
Il-kriterju tal-investitur privat jista’ jkun eskluż biss meta l-Istat jaġixxi biss fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika, imma, meta huwa jkun ħa inkunsiderazzjoni diversi fatturi fid-deċiżjoni ta’ investiment tiegħu, il-kriterju jkun mhux biss applikabbli, imma jkun indispensabbli sabiex issir l-għażla bejn il-fatturi ta’ natura ekonomika, li jkunu rilevanti fir-rigward tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, u l-fatturi l-oħrajn, kif juri l-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) [TFUE] (ĠU 2016, C 262, p. 1).
206
Skont EDF, l-unika kwistjoni li l-Kummissjoni kellha teżamina hija dik dwar jekk investitur privat, imqiegħed f’sitwazzjoni kemm jista’ jkun qrib dik tal-Istat, kienx iwettaq l-investiment ikkunsidrat abbażi tal-profitabbiltà mistennija, mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni l-kunsiderazzjonijiet fiskali li l-Istat seta’ jeżamina b’mod differenti, jew, fi kliem ieħor, dwar jekk, wara li jiġu iżolati l-elementi marbutin mad-definizzjoni tal-miżura u mal-kwalità tal-awtur tagħha (rikapitalizzazzjoni deċiża mill-Istat fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist) u mal-profitabbiltà tiegħu, il-kriterju kienx applikabbli u ġiex applikat b’mod korrett.
207
EDF iżżid li l-koeżistenza ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet ta’ awtorità pubblika u ta’ investitur ma pprekludietx lill-Kummissjoni milli tapplika l-kriterju tal-investitur privat fid-Deċiżjoni C(2015) 4569 finali, tas-7 ta’ Lulju 2015, dwar għajnuna preżunta favur Altrad, li fiha hija ma ċaħditx fil-prinċipju l-applikabbiltà tal-kriterju, iżda vverifikat l-applikazzjoni korretta tiegħu. Fil-fehma tagħha, il-ġurisprudenza tissuġġetta l-applikabbiltà tal-kriterju msemmi għall-kwalità li biha l-Istat ikun adotta l-miżura, iżda hija ma tipprekludix lill-Istat milli jwettaq, b’mod parallel, u b’analiżi differenti, l-eżami tal-konsegwenzi kollha li jirriżultaw minnha.
208
Skont EDF, fid-dawl tal-punt 52 tas-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, Land Burgenland et vs Il-Kummissjoni (C‑214/12 P, C‑215/12 P u C‑223/12 P, EU:C:2013:682), għall-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni kunsiderazzjonijiet marbutin mal-kwalità tal-Istat bħala awtorità pubblika, madankollu jkun kontra l-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament li minn dan jiġi dedott li l-imsemmi kriterju ma huwiex applikabbli minħabba s-sempliċi fatt tal-eżistenza ta’ tali kunsiderazzjonijiet b’mod parallel ma’ kunsiderazzjonijiet ekonomiċi. Għaldaqstant, l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni fl-istadju tal-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju ma jimplikax iċ-ċaħda tal-eżistenza tagħhom fl-istadju tal-applikabbiltà tal-imsemmi kriterju.
209
EDF issostni wkoll li d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-kunsiderazzjonijiet li ma humiex ekonomiċi ftit li xejn huma distakkabbli mill-miżura adottata bil-Liġi Nru 97-1026 hija sempliċiment petizzjoni ta’ prinċipju u tmur kontra l-fatti, peress li r-rikapitalizzazzjoni ġiet implementata mill-imsemmija liġi, mentri l-kunsiderazzjonijiet l-oħrajn (tnaqqis tat-tariffi, sostenn għall-impjieg) jinsabu fil-kuntratt ta’ impriża.
210
Fl-aħħar nett, fil-kuntest tal-osservazzjonijiet li hija ppreżentat wara s-sentenza Frucona Košice, EDF, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, tallega li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat mill-ġdid in-natura oġġettiva tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat u kkunsidrat li l-perċezzjoni suġġettiva li l-Istat jista’ jkollu fir-rigward tal-miżura li jimplimenta ma hijiex rilevanti. Minn dan jirriżulta, skont ir-rikorrenti, li, anki jekk wieħed jippreżumi li r-Repubblika Franċiża ma kinitx għamlet distinzjoni ċara bejn il-kunsiderazzjonijiet fiskali u l-kunsiderazzjonijiet ta’ investiment, li ma huwiex il-każ, dan il-fatt huwa għalkollox irrilevanti għall-analiżi li kellha ssir f’dan il-każ.
211
Barra minn hekk, ir-Repubblika Franċiża ssostni, min-naħa tagħha, li diversi dokumenti li hija bagħtet lill-Kummissjoni jistabbilixxu li, meta hija adottat il-miżura inkwistjoni, hija bbażat ruħha qabelxejn fuq il-kunsiderazzjonijiet ta’ azzjonista.
212
Ir-Repubblika Franċiża tirreferi, b’mod partikolari, għall-kuntratt ta’ impriża, li jiddistingwi, f’parti intitolata “Finanzjament ġust għax-xogħol ta’ servizz pubbliku”, il-modi ta’ finanzjament ta’ dan ix-xogħol, ħaġa li turi, fil-fehma tagħha, ir-rieda tal-Istat Franċiż li jissepara l-kunsiderazzjonijiet tiegħu dwar l-awtorità pubblika minn dawk dwar il-kwalità tiegħu bħala azzjonist.
213
It-tieni nett, ir-Repubblika Franċiża ssemmi r-“rapport Migaud”, ippreżentat mid-deputat Migaud, fit-12 ta’ Settembru 1997, dwar l-abbozz ta’ Liġi Nru 201, li fih huwa jittratta b’mod distint il-kunsiderazzjonijiet ta’ awtorità pubblika u dawk ta’ azzjonist. Fil-fehma tagħha, dan ir-rapport jippreżenta l-effett tar-ristrutturazzjoni tal-bilanċ ta’ EDF fuq il-proporzjonijiet dejn gross/kapital ta’ ekwità u dejn nett/kapital ta’ ekwità, u mbagħad jipparaguna dawn il-proporzjonijiet, bir-ristutturazzjoni u mingħajr, għal dawk tal-kompetituri Ewropej prinċipali ta’ EDF, sabiex joħroġ il-livell tad-dejn sproporzjonat ta’ EDF meta mqabbel mal-livell tal-kapital ta’ ekwità tagħha, b’paragun ma’ dak tal-kompetituri Ewropej tagħha. Dan ir-rapport jixhed għaldaqstant li l-Istat Franċiż kien ibbaża ruħu l-ewwel fuq il-kunsiderazzjonijiet ta’ azzjonist.
214
Ir-Repubblika Franċiża tiċċita mbagħad l-ittra mibgħuta fl-4 ta’ April 1995 lil EDF mid-diretturi tal-kabinett tal-Ministri għall-Ekonomija, l-Industrija, il-Posta u t-Telekomunikazzjonijiet u għall-Kummerċ Estern, u l-Baġit, dwar programm ta’ xogħol fuq il-konċessjonijiet (Anness A-7-17 tar-rikors, iktar ’il quddiem l-“ittra tal-4 ta’ April 1995”), li ma tteħditx inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni u turi li waħda mill-preokkupazzjonijiet tal-Istat Franċiż, waqt l-adozzjoni tal-miżura inkwistjoni, kienet dwar jekk il-miżura kinitx konformi mal-interessi tal-Istat azzjonist. Fil-fehma tagħha, din kienet tinvolvi, b’mod partikolari, li jiġu identifikati “jekk ikun il-każ l-emendi li għandhom isiru lid-dispożittiv eżistenti sabiex jiġu protetti aħjar l-interessi tal-Istat azzjonist mill-perspettiva eventwali tal-ftuħ tal-monopolji”. Hija tindika li, minn din il-perspettiva, hija talbet lil EDF li tipprovdilha l-analiżijiet ekonomiċi.
215
Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Franċiża tirreferi għall-ittra ta’ EDF tal-31 ta’ Ottubru 1995 (Anness A-7-23 tar-rikors, iktar ’il quddiem l-“ittra tal-31 ta’ Ottubru 1995”) mibgħuta lill-ministre au Budget (il-Ministru għall-Baġit), li kellha, b’mod partikolari, anness intitolat “Proposta ta’ ristrutturazzjoni tal-bilanċ ta’ EDF”, li juri li l-Istat Franċiż kien qiegħed ifittex qabelxejn il-profitabbiltà vera ta’ EDF u titjib fl-immaġni finanzjarja tal-impriża.
216
Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
217
Essenzjalment, EDF issostni li l-Kummissjoni, meta eskludiet l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat minħabba li r-Repubblika Franċiża adottat il-miżura abbażi, kemm ta’ kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw il-kwalità tagħha bħala azzjonist kif ukoll ta’ kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw l-awtorità pubblika, wettqet kemm żball ta’ liġi u kif ukoll żnaturat il-fatti u diversi dokumenti li ġew ippreżentati lilha.
1) Fuq l-allegat żball ta’ liġi
218
EDF issostni, minn naħa, li r-Repubblika Franċiża, ċertament, eżaminat l-effetti fuq il-ġbir tat-taxxi futuri tar-ristrutturazzjoni tal-bilanċ tal-impriża, imma hija wettqet dan l-eżami b’mod parallel ma’ u b’mod distint minn dak tal-konsegwenzi ta’ din l-operazzjoni f’termini ta’ remunerazzjoni tal-Istat Franċiż. Min-naħa l-oħra, hija tqis li l-Kummissjoni kellha tillimita ruħha sabiex teżamina jekk investitur privat kienx jagħmel, fid-dawl tal-profitabbiltà tagħha, investiment paragunabbli, mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni l-kunsiderazzjonijiet fiskali li setgħu jiġu eżaminati mill-imsemmi Stat b’mod distint, filwaqt li jiġu iżolati l-elementi marbutin mad-definizzjoni tal-miżura u mal-kwalità tal-awtur tiegħu, jiġifieri f’dan il-każ, ir-rikapitalizzazzjoni deċiża minn dan l-Istat fil-kwalità tiegħu bħala azzjonist. Il-kriterju qiegħed hemm fil-fatt sabiex jippermetti li ssir distinzjoni bejn id-deċiżjonijiet li l-Istat jista’ jadotta bħala investitur u dawk li huwa jista’ jadotta bħala awtorità pubblika, mingħajr ma l-eventwali koeżistenza taż-żewġ tipi ta’ kunsiderazzjoni tkun tista’ twassal sabiex tiġi miċħuda l-applikabbiltà tiegħu. Barra minn hekk, skont EDF, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-perċezzjoni suġġettiva li jista’ jkollu l-Istat fir-rigward tal-miżura li huwa jimplimenta ma hijiex rilevanti u minnha jirriżulta li, anki jekk wieħed jippreżumi li r-Repubblika Franċiża ma kinitx għamlet distinzjoni ċara bejn il-kunsiderazzjonijiet fiskali u l-kunsiderazzjonijiet ta’ investiment, li ma huwiex il-każ, dan il-fatt huwa kompletament irrilevanti għall-analiżi li kellha ssir f’dan il-każ.
219
Jeħtieġ, b’mod preliminari, li jitfakkar li l-miżura kontenzjuża tikkonsisti fir-rinunzja, mir-Repubblika Franċiża, li tintaxxa d-drittijiet tal-konċedent, jiġifieri r-riżervi għat-tiġdid użati minn EDF, għar-riklassifikazzjoni tagħhom f’kapital.
220
Ir-Repubblika Franċiża allegat, matul il-proċedura amministrattiva, li t-taxxa li hija kienet irrinunzjat għaliha kienet tikkostitwixxi injezzjoni kumplimentari ta’ kapital, li hija kienet għaldaqstant aġixxiet fil-kwalità tagħha ta’ azzjonista ta’ EDF u li konsegwentement kellu jiġi applikat il-kriterju tal-investitur privat.
221
L-ewwel nett, fir-rigward tal-punti 80 u 81 tas-sentenza fil-Kawża C‑124/10 P, li tfakkru fil-punt 50 iktar ’il fuq, għandha ssir distinzjoni bejn l-Istat azzjonist u l-Istat bħala awtorità pubblika, fejn l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat ikun jiddependi minn jekk il-vantaġġ mogħti lil xi impriża jkunx ingħata mill-Istat fil-kwalità tiegħu bħala azzjonist u mhux fil-kwalità tiegħu bħala awtorità pubblika.
222
Minn dan l-aspett, skont il-punti 82 u 83 tas-sentenza fil-Kawża C‑124/10 P, peress li r-Repubblika Franċiża kienet invokat, matul il-proċedura amministrattiva, il-kriterju tal-investitur privat, hija kellha l-obbligu konsegwentement li tistabbilixxi mingħajr ekwivoku u abbażi ta’ elementi oġġettivi u verifikabbli li l-miżura implimentata kienet taqa’ fil-kwalità tagħha bħala azzjonista, peress li dawn l-elementi kellhom juru biċ-ċar li hija kienet ħadet, qabel u simultanjament mal-għoti tal-vantaġġ, jiġifieri f’dan il-każ ir-rinunzja għall-taxxa fuq ir-riklassifikazzjoni tad-drittijiet tal-konċedent f’injezzjoni ta’ kapital, id-deċiżjoni li tagħmel, b’din il-miżura, investiment f’EDF.
223
Iktar minn hekk, għal dan il-għan, skont il-punt 84 tas-sentenza fil-Kawża C‑124/10 P, ir-Repubblika Franċiża, sabiex tistabbilixxi n-natura ekonomika tal-azzjoni tagħha, setgħet tibgħat lill-Kummissjoni elementi li juru li dik id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi paragunabbli għal dawk li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, investitur privat razzjonali li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tar-Repubblika Franċiża kien jagħmel, qabel ma jwettaq l-imsemmi investiment, sabiex jiddetermina l-profittabbiltà futura ta’ tali investiment.
224
Dawn l-elementi kellhom ikunu kontemporanji mal-miżura kontenzjuża. Fil-fatt, skont il-punt 85 tas-sentenza fil-Kawża C‑124/10 P, evalwazzjonijiet ekonomiċi magħmula wara l-għoti tal-imsemmi vantaġġ, il-konstatazzjoni retrospettiva tal-profittabbiltà effettiva tal-investiment imwettqa mill-Istat Membru kkonċernat jew ġustifikazzjonijiet ulterjuri tal-għażla tal-proċess effettivament użat ma jistgħux ikunu biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li dan l-Istat Membru ħa, qabel jew fl-istess waqt ta’ dan l-għoti, tali deċiżjoni fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist.
225
Barra minn hekk, skont il-punt 86 tas-sentenza fil-Kawża C‑124/10 P, jekk l-Istat Membru kkonċernat jipprovdi lill-Kummissjoni provi tan-natura meħtieġa, huwa l-obbligu ta’ din tal-aħħar li twettaq evalwazzjoni globali filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni, minbarra l-provi prodotti mill-Istat Membru kkonċernat, kwalunkwe prova oħra rilevanti f’dan il-każ li tippermettilha tiddetermina jekk il-miżura inkwistjoni tirriżultax mill-kwalità tal-imsemmi Stat Membru ta’ azzjonist jew minn dik ta’ awtorità pubblika. B’mod partikolari, f’dan ir-rigward jistgħu jkunu rilevanti, in-natura u l-iskop ta’ din il-miżura, il-kuntest li din tiġi adottata fih kif ukoll l-għan imfittex u r-regoli li għalihom hija suġġetta l-imsemmija miżura.
226
F’dan il-każ, ir-Repubblika Franċiża u EDF bagħtu diversi provi lill-Kummissjoni sabiex juru li l-miżura implimentata tirriżultà mill-kwalità tal-Istat Franċiż bħala azzjonist.
227
Il-Kummissjoni, essenzjalment, ikkunsidrat li l-elementi li tressqulha mir-Repubblika Franċiża u EDF ma kinux jistabbilixxu mingħajr ekwivoku li kienet ittieħdet deċiżjoni mill-Istat Franċiż sabiex iwettaq investiment billi jirrinunzja għat-taxxa fuq it-riklassifikazzjoni tad-drittijiet tal-konċedent f’injezzjoni ta’ kapital (ara b’mod partikolari l-premessi 128 sa 131, 138 u 139 tad-deċiżjoni kkontestata).
228
Fil-fatt, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni tal-elementi kollha li kellha quddiemha filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni, barra mill-elementi pprovduti mir-Repubbika Franċiża, l-elementi rilevanti mibgħuta minn EDF, sabiex tistabbilixxi jekk il-miżura kontenzjuża kinitx tirriżulta mill-kwalità tiegħu bħala azzjonist, jew dik ta’ awtorità pubblika tal-Istat Franċiż u hija eżaminat b’mod partikolari n-natura u l-għan ta’ dik il-miżura, il-kuntest li fih saret kif ukoll l-għan imfittex u r-regoli li għalihom kienet suġġetta l-imsemmija miżura (ara l-premessi 145 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata) wara li eżaminat minn qabel l-elementi l-oħra li kienu ntbagħtulha.
229
Il-Kummissjoni għaldaqstant ma wettqet ebda żball ta’ liġi fil-mod li bih hija applikat il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat.
230
Fil-fatt, it-teżi sostnuta minn EDF u mir-Repubblika Franċiża li l-Kummissjoni kellha tillimita ruħha sabiex teżamina jekk investitur privat kienx iwettaq, fid-dawl tal-profitabbiltà tiegħu, investiment simili, mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni l-kunsiderazzjonijiet fiskali li setgħu jiġu eżaminati allegatament mill-Istat “b’mod separat”, u billi jiġu iżolati l-elementi marbutin mad-definizzjoni tal-miżura u mal-kwalità tal-awtur tiegħu, jiġifieri f’dan il-każ ir-rikapitalizzazzjoni deċiża mill-Istat fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist, hija bbażata fuq qari żbaljat tal-punti 80 sa 86 tas-sentenza fil-Kawża C‑124/10 P.
231
Il-Kummissjoni ma tistax fil-fatt tinjora l-elementi li jiżvelaw l-eżistenza ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ awtorità pubblika u teżamina biss l-elementi li jtendu lejn it-teżi ta’ eventwali investiment. Tali approċċ iwassal sabiex tiġi injorata n-neċessità li jiġu evalwati l-provi rilevanti kollha sabiex jiġi stabbilit jekk il-miżura inkwistjoni tirriżultax mill-kwalità ta’ azzjonist jew minn dik ta’ awtorità pubblika tal-Istat Membru, li fosthom jinsabu b’mod partikolari l-kuntest u n-natura tal-miżura kontenzjuża.
232
Ċertament ma huwiex eskluż li eventwalment kunsiderazzjonijiet ta’ awtorità pubblika jkunu jistgħu, jekk ikun il-każ, jikkoeżistu ma’ kunsiderazzjonijiet ta’ azzjonist iżda dawn ma jistgħux madankollu jkollhom impatt fuq l-evalwazzjoni tal-punt dwar jekk l-istess miżura kinitx tiġi adottata fil-kundizzjonijiet normali tas-suq minn investitur privat li jkun jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-Istat. Fil-fatt, huma biss il-benefiċċji u l-obbligi marbuta mas-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar meta jaġixxi bħala azzjonist, bl-esklużjoni ta’ dawk li huma marbuta mal-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni (sentenza fil-Kawża C‑124/10 P, punt 79).
233
F’dan il-każ, la r-Repubblika Franċiża u lanqas EDF ma wrew li, qabel jew simultanjament mal-għoti ta’ ammont ekwivalenti għal dak tat-taxxa li għaliha kien irrinunzja fl-okkażjoni tar-riklassifikazzjoni f’injezzjoni ta’ kapital tad-drittijiet tal-konċedent, l-Istat Franċiż kien ħa d-deċiżjoni li jwettaq, permezz tal-miżura effettivament implimentata, b’investiment, u lanqas li tali deċiżjoni kienet ittieħdet abbażi ta’ evalwazzjonijiet ekonomiċi preċedenti paragunabbli għal dawk li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, investitur privat razzjonali li jkun jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-imsemmi Stat Membru kien jistabbilixxi, qabel ma jwettaq l-imsemmi investiment, għall-finijiet li jistabbilixxi l-profitabbiltà futura ta’ tali investiment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza fil-Kawża C‑124/10 P, punti 83, 84 u 104).
234
Jekk jirriżulta li tali kunsiderazzjonijiet bħala azzjonist huma neqsin, l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat għandha tiġi miċħuda mill-Kummissjoni.
235
Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti mressqa minn EDF li jikkonċernaw is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, Land Burgenland et vs Il-Kummissjoni (C‑214/12 P, C‑215/12 P u C‑223/12 P, EU:C:2013:682), li tirriżulta fil-fatt li hija irrilevanti, peress li l-argumenti msemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 52 ta’ dik is-sentenza jirrigwardaw speċifikament l-applikazzjoni u mhux l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat u għaldaqstant ma jistgħux jiġġustifikaw li jkunu biss il-kunsiderazzjonijiet ta’ Stat azzjonist li jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-iskopijiet tal-analiżi tal-applikabbiltà tal-kriterju.
236
Din il-konklużjoni lanqas ma hija kkontestata mill-argumenti mressqa minn EDF ibbażati fuq id-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 4569 finali, tas-7 ta’ Lulju 2015, dwar għajnuna preżunta favur Altrad.
237
Fil-fatt, minn naħa, il-miżura inkwistjoni kienet, fil-kawża li wasslet għad-deċiżjoni inkwistjoni, sottoskrizzjoni diretta għall-kapital azzjonarju ta’ Altrad mill-Fonds stratégique d’investissement (il-Fond Stateġiku ta’ Investiment) mogħnija b’għażla għal ammont addizzjonali u l-fatt li t-tranżazzjoni kienet tikkostitwixxi investiment ma kienx ikkontestat mill-Kummissjoni.
238
Min-naħa l-oħra, anki jekk wieħed jippreżumi li l-operazzjonijiet kienu paragunabbli, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat huwa kunċett oġġettiv, li jippreżumi li l-miżura, biex tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna, hija suxxettibbli li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u thedded jew twassal għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni, li għandu jiġi evalwat fid-data li fiha l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha u li l-kwistjoni li għandha tiġi eżaminata hija biss jekk miżura tal-Istat tikkonferixxix jew le vantaġġ lil impriża jew lil ċerti impriżi. Il-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, li l-partijiet xorta waħda ma jaqblux fuqha, ma tistax għaldaqstant tirriżulta deċiżiva (ara s-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2009, Associazione italiana del risparmio gestito u Fineco Asset Management vs Il-Kummissjoni, T‑445/05, EU:T:2009:50, punt 145 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2010, Todaro Nunziatina & C., C‑138/09, EU:C:2010:291, punt 21).
239
Din il-konklużjoni lanqas ma hija kkontestata mill-argumenti mressqa minn EDF wara s-sentenza Frucona Košice, li l-“perċezzjoni suġġettiva” tal-miżura mir-Repubblika Franċiża hija irrilevanti, ħaġa li twassal sabiex iċċaħħad mill-effett l-assenza eventwali ta’ distinzjoni ċara bejn kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw l-Istat bħala azzjonist u kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw l-Istat bħala awtorità pubblika waqt l-adozzjoni tal-miżura kontenzjuża.
240
Fil-fatt, fir-rigward tal-effett tas-sentenza Frucona Košice, għandu jitfakkar li, skont dik is-sentenza, il-kriterju ta’ kreditur jew tal-investitur privat ma jikkostitwixxix eċċezzjoni li tapplika biss fuq talba tal-Istat Membri, meta l-elementi li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq komuni, li jinsab fl-Artikolu 107(1) TFUE, ikunu ssodisfatti. Fil-fatt, dan il-kriterju, meta jkun applikabbli, jinsab fost l-elementi li l-Kummissjoni hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni biex tikkonstata l-eżistenza ta’ tali għajnuna (sentenza Frucona Košice, punt 23 u s-sentenza fil-Kawża C‑124/10 P, punt 103).
241
Konsegwentement, meta jkun jidher li l-kriterju tal-kreditur privat ikun jista’ jkun applikabbli, hija l-Kummissjoni li għandha l-obbligu li teżamina din l-ipoteżi indipendentement minn kull talba f’dan is-sens mill-Istat Membru kkonċernat u, għaldaqstant, xejn ma jipprekludi li l-benefiċjarju tal-għajnuna jkun jista’ jinvoka l-applikabbiltà ta’ dan il-kriterju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Frucona Košice, punti 25 u 26).
242
Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat fl-aħħar nett li, f’dawn iż-żewġ ipoteżijiet tal-aħħar li fihom il-kriterju tal-investitur privat ma jiġix invokat mill-Istat Membru, sabiex jiġi stabbilit jekk l-imsemmi kriterju kienx applikabbli, irid jittieħed, bħala punt tat-tluq in-natura ekonomika tal-azzjoni tal-Istat Membru u mhux il-mod li bih, suġġettivament, dak l-Istat Membru ħaseb li ser jaġixxi jew il-linji ta’ azzjoni alternattivi kkontemplati minn dak l-Istat Membru qabel ma jadotta l-miżura inkwistjoni (ara f’dan is-sens is-sentenza Frucona Košice, punti 12 u 27).
243
Il-Qorti tal-Ġustizzja, min-naħa l-oħra, iddeċidiet li jekk Stat Membru jinvoka l-kriterju tal-investitur privat matul il-proċedura amministrattiva, huwa għandu l-obbligu, fil-każ ta’ dubju, li jistabbilixxi mingħajr dubju u abbażi ta’ elementi oġġettivi u verifikabbli li l-miżura implimentata tirriżulta mill-kwalità tiegħu ta’ azzjonist, fejn dawn l-elementi għandhom juru b’mod ċar li, qabel jew fl-istess waqt tal-għoti tal-vantaġġ ekonomiku l-Istat Membru kkonċernat ħa d-deċiżjoni li jwettaq, permezz tal-miżura effettivament implimentata, investiment fl-impriża pubblika kkontrollata (ara f’dan is-sens is-sentenza fil-Kawża C‑124/10 P, punti 82 u 83.
244
Min-naħa l-oħra, evalwazzjonijiet ekonomiċi magħmula wara l-għoti tal-imsemmi vantaġġ, il-konstatazzjoni retrospettiva tal-profittabbiltà effettiva tal-investiment imwettqa mill-Istat Membru kkonċernat jew ġustifikazzjonijiet ulterjuri tal-għażla tal-proċess effettivament użat ma jistgħux ikunu biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li dan l-Istat Membru ħa, qabel jew fl-istess waqt ta’ dan l-għoti, tali deċiżjoni fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist (ara f’dan is-sens is-sentenza fil-Kawża C‑124/10 P, punti 85 u 104).
245
Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 232 iktar ’il fuq, għall-iskopijiet tal-evalwazzjoni tal-punt dwar jekk kinitx tiġi adottata l-istess miżura fil-kundizzjonijiet normali tas-suq minn investitur privat li jkun jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-Istat, huma biss il-benefiċċji u l-obbligi marbuta mas-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar meta jaġixxi bħala azzjonist, bl-esklużjoni ta’ dawk li huma marbuta mal-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni (sentenza fil-Kawża C‑124/10 P, punt 79).
246
Għaldaqstant, kien l-obbligu tal-Kummissjoni li teżamina, sabiex tistabbilixxi jekk il-kriterju tal-investitur privat kienx effettivament applikabbli f’dan il-każ, jekk ir-Repubblika Franċiża kinitx stabbilixxiet mingħajr ekwivoku u abbażi ta’ elementi oġġettivi, verifikabbli u kontemporanji li l-miżura implimentata kienet tirriżulta mill-kwalità tagħha bħala azzjonist u jekk din kinitx ressqet għal dan il-għan elementi li juru biċ-ċar li hija kienet ħadet, qabel jew simultanjament mal-għoti tal-vantaġġ u abbażi ta’ evalwazzjoni ekonomika minn qabel rikjesta dwar il-profittabbiltà, id-deċiżjoni li twettaq, permezz tal-miżura effettivament implimentata, investiment f’EDF.
247
Għandu jiġi kkonstatat li dan hu l-eżami li l-Kummissjoni għamlet fil-punti 126 sa 154 tad-deċiżjoni kkontestata.
248
L-argumenti ta’ EDF, sostnuti mir-Repubblika Franċiża, ma jistgħux għaldaqstant jirnexxu.
249
Fl-aħħar nett, għandha tiġi miċħuda wkoll bħala infondata fil-fatt l-allegazzjoni ta’ EDF li l-Kummissjoni bbażat ruħha biss fuq “sovrappożizzjoni” tal-kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw il-kwalità bħala azzjonist u dawk li jirrigwardaw il-kwalità bħala awtorità pubblika sabiex iddikjarat il-kriterju tal-investitur privat inapplikabbli.
250
Fil-fatt, huwa fi tmiem evalwazzjoni globali u wara li eżaminat kull waħda mill-provi li jistgħu jkunu rilevanti li l-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżura kienet tikkostitwixxi investiment min-naħa tar-Repubblika Franċiża fl-assenza ta’ kunsiderazzjonijiet dwar il-kwalità tagħha bħala azzjonista stabbiliti abbażi ta’ elementi oġġettivi, verifikabbli u kontemporanji kif rikjesti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 82 sa 85 tas-sentenza fil-Kawża C‑124/10 P.
251
L-argumenti ta’ EDF u tar-Repubblika Franċiża bbażati fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Kummissjoni għandu konsegwentement jiġi miċħud.
2) Fuq l-allegati żbalji ta’ fatt
252
EDF issostni li diversi dokumenti, u b’mod iktar partikolari d-dokumenti Nri 23 sa 25 (Anness A-7-23 sa A-7-25) li hija hemżet mal-osservazzjonijiet tagħha mibgħuta lill-Kummissjoni f’Lulju 2013, juru li l-effetti tar-ristrutturazzjoni proposta tal-bilanċ tagħha fuq it-taxxa dovuta minnha ġew eżaminati b’mod parallel, iżda b’mod distint, mill-konsegwenzi fuq ir-remunerazzjoni tal-Istat azzjonist, u li dawn id-dokumenti ma humiex prova ta’ xi sovrappożizzjoni bejn il-kunsiderazzjonijiet fiskali u ta’ investiment li ggwidaw lill-Istat Franċiż. Ir-Repubblika Franċiża tgħid ukoll li diversi dokumenti li hija bagħtet lill-Kummissjoni juru li, meta hija adottat il-miżura inkwistjoni, hija bbażat ruħha qabel kollox fuq il-kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw il-kwalità tagħha bħala azzjonista.
253
Għandu jiġi enfasizzat, b’mod preliminari, li, fost id-dokumenti invokati minn EDF u mir-Repubblika Franċiża, ebda dokument preċedenti għar-risposta tar-Repubblika Franċiża lill-Kummissjoni fl-2002 ma ssemmi li t-taxxa kienet dovuta fuq id-drittijiet tal-konċedent, jiġifieri r-riżervi li ntużaw minn EDF, waqt ir-riklassifikazzjoni tagħhom f’injezzjoni ta’ kapital, u lanqas, a fortiori, li r-rinunzja għall-ġbir tat-taxxa kellha tiġi analizzata bħala investiment kumplimentari fil-kapital ta’ EDF kif tirrileva l-Kummissjoni fil-premessi 128 u 129 tad-deċiżjoni kkontestata.
254
Fir-rigward tad-dokumenti msemmija minn EDF li juru l-assenza ta’ sovrappożizzjoni bejn il-kunsiderazzjonijiet marbutin mat-taxxa u dawk marbutin mar-remunerazzjoni tal-Istat, għandu jiġi rrilevat dan li ġej.
255
L-Anness A-7-23 tar-rikors huwa l-ittra tal-31 ta’ Ottubru 1995, li ntbagħtet ftit iktar minn sentejn qabel l-adozzjoni tal-Liġi Nru 97-1026, lill-Ministeru għall-Baġit u li tinkludi żewġ annessi, jiġifieri dokument ta’ tliet paġni intitolat “Proposti għal ristrutturazzjoni tal-bilanċ ta’ EDF” u tabella intitolata “Proposta ta’ evoluzzjoni tal-bilanċ ta’ EDF”.
256
Id-dokument ta’ tliet paġni mehmuż mal-ittra tal-31 ta’ Ottubru 1995 fih tliet punti, li jirrigwardaw rispettivament, u fi kliem ġenerali, ir-“[r]istrutturazzjoni tal-kapital proprju għall-passiv tal-bilanċ” u b’mod iktar partikolari tar-riklassifikazzjoni tad-drittijiet tal-konċedent f’kapital, tal-“[a]ġġustament tad-drittijiet tal-konċedenti ‘awtoritajiet lokali’ tal-konċessjonijiet [ta’ distribuzzjoni pubblika]” u, fl-aħħar nett, tat-“[t]neħħija tar-riport mill-ġdid tat-telf fit-taxxa”.
257
Il-punt 1.1 tad-dokument inkwistjoni jikkonċerna r-“riklassifikazzjoni tad-drittijiet tal-konċedent ‘Stat’ u tar-riżervi għat-tiġdid assoċjati f’kapital”. Hemmhekk tissemma l-proposta li tiġi “kkapitalizzata EDF […] billi jiġu ttrasformati d-drittijiet tal-konċedent RAG u r-riżerva għat-tiġdid korrispondenti f’kapital”, fejn din it-“tranżazzjoni [twassal] biex nirritornaw għall-analiżi tal-kontijiet ta’ qabel 1987”.
258
Il-punt 1.2 tad-dokument inkwistjoni, intitolat “Konsolidazzjoni tal-injezzjonijiet ta’ kapital fil-kapital ta’ EDF” isemmi li “[l-konsolidazzjoni tal-injezzjonijiet ta’ kapital] issaħħaħ in-natura ‘tal-kontribuzzjoni tal-azzjonist’ li hemm fihom” sa fejn kellhom “natura ta’ żieda ta’ kapital anki jekk id-digriet tal-1956 kien ixebbaħ[hom] pjuttost għal self li jiġġenera imgħax”.
259
Il-punt 1.3 tad-dokument inkwistjoni jirrigwarda l-“konsegwenzi ta’ dawn iż-żewġ miżuri” u jindika li dawn għandhom “iż-żewġ vantaġġi li ġejjin”:
–
“l-Istat jista’ jfittex profittabbiltà vera minn EDF fil-forma ta’ dividend ibbażat fuq il-kapital tal-impriża, jiġifieri fuq l-ammonti kkunsidrati bħala miġjuba mill-azzjonist. Fir-rigward tal-konsolidazzjoni f’kapital, dawn itemmu l-kontroversja li qamet wara l-investigazzjoni fiskali tal-1982 fuq in-natura ta’ ‘dividend’ jew ‘interessi’ tar-remunerazzjoni tagħhom”;
–
“EDF ittejjeb l-immaġni finanzjarja tagħha billi tippreżenta kapital ta’ madwar 85 [biljun FRF] (kontra 2.6 [biljun FRF] fil-preżent) u patrimonju nett ta’ 80 [biljun FRF] (kontra 19.9 [biljun FRF] fil-preżent) qabel it-teħid inkunsiderazzjoni tal-miżuri intiżi li jnaqqsu r-riport mill-ġdid tat-telf fit-taxxa għal perijodu ta’ wara. Dawn ir-riklassifikazzjonijiet jirrispondu barra minn hekk għall-kritika tal-Cour de comptes (il-Qorti tal-Awdituri) li tiċħad in-natura ta’ konċessjoni reali lill-konċessjonijiet tal-Istat”.
260
Min-naħa waħda, għandu jiġi rrilevat li l-kwistjoni tal-“kontribuzzjoni għall-kapital”, ġustament imsemmija fl-ittra tal-31 ta’ Ottubru 1995, ma tirrigwardax ir-rinunzja għat-taxxa dovuta fuq id-drittijiet tal-konċedent, li mkien ma tissemma hemmhekk.
261
Min-naħa waħda, għandu jiġi kkonstatat li l-kunsiderazzjonijiet kontabbli, fiskali u ta’ azzjonist jikkoeżistu mill-qrib fid-dokument ta’ tliet paġni mehmużin mal-ittra tal-31 ta’ Otubru 1995, li, fuq kollox, ma fiha ebda evalwazzjoni, u iktar u iktar evalwazzjoni tal-profittabbiltà tar-riklassifikazzjoni f’kapital tad-drittijiet tal-konċedent.
262
L-Anness A-7-24 tar-rikors huwa nota interna ta’ żewġ paġni ta’ EDF, tas-7 ta’ Diċembru 1995, intitolat “Oriġini, kontenut u konsegwenzi tal-proposti ta’ ristrutturazzjoni tal-bilanċ ta’ EDF” (iktar ’il quddiem in-“nota interna tas-7 ta’ Diċembru 1995”).
263
Wara li fakkret, fl-ewwel parti tan-nota interna tas-7 ta’ Diċembru 1995, il-kontrolli tal-Cour de comptes (il-Qorti tal-Awdituri) u l-effett tagħhom fuq ir-riżervi għat-tiġdid u l-verifika magħmula mill-amministrazzjoni fiskali fl-1994, u sussegwentement, fit-tieni parti, u fi tliet subpartijiet, l-għanijiet tal-proposti ta’ ristrutturazzjoni tal-passiv tal-bilanċ magħmula lill-Ministeru, in-nota ssemmi l-“pass doppju” propost minn EDF: minn naħa, ir-ristrutturazzjoni tal-bilanċ għoli tagħha, li tissarraf b’mod partikolari f’konsolidazzjoni tar-“relazzjonijiet finanzjarji bejn EDF u l-Istat [Franċiż]. Dan tal-aħħar jista’ mbagħad ifittex profittabbiltà vera f’EDF fil-forma ta’ dividend li ssib il-ġustifikazzjoni tagħha fil-kapital tal-impriża”. Dan ifisser, min-naħa l-oħra, li “tiġi ċċarata l-preżentazzjoni kontabbli tal-konċessjonijiet ta’ distribuzzjoni pubblika”.
264
Għal darba oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-profittabbiltà tar-riklassifikazzjoni tad-drittijiet tal-konċedent f’kapital hija l-iktar l-iktar imsemmija fin-nota interna tas-7 ta’ Diċembru 1995 mingħajr ebda evalwazzjoni kwalunkwe u li, fi kwalunkwe każ, ma hemm imkien imsemmija r-rinunzja għat-taxxa fuq l-imsemmija drittijiet tal-konċedent.
265
Anki jekk wieħed jippreżumi li n-nota interna tas-7 ta’ Diċembru 1995 tista’ titqies bħala analiżi distinta u “parallela” tal-effetti tar-rikapitalizzazzjoni ta’ EDF, hija irrilevanti għal dak li jikkonċerna l-eżami tal-miżura kontenzjuża u tikkostitwixxi l-iktar indizju tal-kuntest li fih ġiet adottata.
266
Għall-bqija, għandu jiġi kkonstatat li n-nota interna tas-7 ta’ Diċembru 1995 li l-kontenut tagħha jixbah finalment lil dak tal-ittra tal-31 ta’ Ottubru 1995, ma turix, lanqas din, analiżi ddettaljata tal-kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw il-kwalità tal-Istat bħala azzjonist u tar-remunerazzjoni jew tal-profittabbiltà li kellha ssir mill-Istat jew għal dan tal-aħħar fid-dawl tar-rikapitalizzazzjoni ta’ EDF.
267
Fl-aħħar nett, l-Anness A-7-25 tar-rikors huwa ittra tal-10 ta’ April 1997 mibgħuta minn EDF lill-kap tal-uffiċċju fil-Ministeru għall-Finanzi (iktar ’il quddiem l-“ittra tal-10 ta’ April 1997”) u li tinkludi anness, ta’ paġna ppreżentata f’forma skematika, intitolata “Stimi ta’ ħlas lill-Istat fl-1997 u fl-1998”.
268
Għalkemm l-ittra tal-10 ta’ April 1997 tista’ tikkostitwixxi indizju ta’ preżentazzjoni minimalista tar-remunerazzjoni li jista’ jirċievi l-Istat Franċiż, għandu jiġi kkonstatat madankollu li din il-preżentazzjoni hija bbażata simultanjament u interament fuq l-effetti fiskali li joħorġu mill-ħlasijiet li jsiru favur l-imsemmi Stat.
269
Ħlief għal linja waħda minn tnejn, huwa impossibbli għaldaqstant li l-ittra tal-10 ta’ April 1997 titqies bħala analiżi distinta u “parallela” tar-remunerazzjoni tal-Istat azzjonist kif tallega li hi EDF.
270
Id-dokumenti msemmija minn EDF ma jurux, konsegwentement, li saret analiżi distinta u awtonoma tal-kunsiderazzjonijiet tal-Istat Franċiż fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist fir-rigward tal-miżura kontenzjuża, u lanqas, b’kuntrast ma’ dak li ssostni EDF, ma jistabbilixxu l-assenza ta’ sovrappożizzjioni bejn il-kunsiderazzjonijiet marbutin mat-taxxa u dawk marbutin mar-remunerazzjoni tal-imsemmi Stat.
271
Fir-rigward sussegwentement tal-elementi mressqa mir-Repubblika Franċiża, għandu jiġi osservat li dawn jirreferu, minn naħa, għat-tabella 11 tan-nota ta’ intervent, li hija riproduzzjoni kważi identika taċ-ċitazzjonijiet u tal-kummenti li jistgħu jinqraw fit-tabella li tinsab fl-Anness 10 tal-imsemmija nota li tressqet insostenn tal-argumenti mressqa insostenn tal-ewwel parti tat-tieni motiv imressaq b’mod prinċipali, tabella li fiha ġew iċċitati estratti ta’ diversi dokumenti u, min-naħa l-oħra, f’din in-nota, għal diversi minn dawk id-dokumenti msemmija “bħala eżempju”.
272
Fost dawn id-dokumenti msemmija bħala eżempju hemm, fl-ewwel lok, il-kuntratt ta’ impriża.
273
Għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntratt ta’ impriża, il-kunsiderazzjonijiet dwar il-kwalità tal-Istat bħala awtorità pubblika mhux biss jimxu id f’id mal-kunsiderazzjonijiet tal-Istat bħala azzjonist imma, fuq kollox u evidentement, jipprevalu fuqhom.
274
Il-kunsiderazzjonijiet dwar l-Istat bħala awtorità pubblika li jinsabu fil-kuntratt ta’ impriża, li rrigwardaw b’mod partikolari l-implimentazzjoni tal-politika dwar l-enerġija tal-Istat, in-neċessità li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista b’rispett tal-ambjent u bl-inqas spiża kif ukoll ikel ta’ kwalità lill-konsumatur ikun fejn ikun, is-sostenn lill-impjieg u lill-attività ekonomika, is-servizzi ta’ solidarjetà għal dawk li huma l-iktar fil-bżonn, l-ippjanar tat-territorju, jinsabu esposti fit-titolu I tal-imsemmi kuntratt, intitolat “Riaffermazzjoni tal-missjonijiet fundamentali tal-impriża pubblika”, li t-tliet sezzjonijiet tiegħu huma intitolati “Ħames missjonijiet ta’ servizz pubbliku mġedda u msaħħa”, “Parteċipazzjoni fl-ippjanar tat-territorju u fis-solidarjetà” u “Lejn leġiżlazzjoni ġdida tas-settur elettriku”.
275
It-Titolu II tal-kuntratt ta’ impriża huwa intiż li “jipprepara llum il-futur tan-negozju” billi jiżgura l-iżvilupp tiegħu fi Franza (permezz tat-titjib tal-prestazzjonijiet u l-allokazzjoni prijoritarja tal-benefiċċji tal-produttività għar-roħs fil-prezzijiet, permezz tar-roħs fit-tariffi li jippreżumu aġġustament fl-istruttura tagħhom, fir-relazzjoni ta’ EDF mal-produtturi indipendenti u bl-iżvilupp tas-servizzi, permezz b’mod partikolari ta’ azzjonijiet immirati lejn il-lealtà tal-klijenti, pożizzjoni aħjar fis-swieq tal-elettriku u s-swieq assoċjati, dan permezz ta’ mezzi kummerċjali adattati, jiġifieri ta’ “għajnuna kummerċjali” fl-ammont ta’ FRF 2.8 biljun), il-konkwista ta’ swieq ġodda barra mill-pajjiż (li fir-rigward tagħhom tissemma biss in-neċessità li tittieħed inkunsiderazzjoni l-“profittabbiltà tal-kapital proprju investit” mingħajr ma ssir ebda preċiżazzjoni oħra), il-kontribuzzjoni għall-innovazzjonijiet u għall-progress teknoloġiku (riċerka u żvilupp, sħubija ma’ impriżi Franċiżi oħra) kif ukoll l-“assoċjazzjoni tal-impriża kollha għall-iżvilupp” (sezzjoni li fiha ġew ittrattati kwistjonijiet dwar ir-riżorsi umani: ġestjoni tar-riżorsi umani, taħriġ, titjib tal-organizzazzjoni tax-xogħol, tas-sigurtà fix-xogħol, politika ta’ remunerazzjoni tal-persunal, koeżjoni soċjali, eċċ).
276
Il-kunsiderazzjonijiet dwar l-Istat bħala awtorità pubblika li jinsabu fit-Titolu II tal-kuntratt ta’ impriża jissemmew mill-qrib ħafna mal-kunsiderazzjonijiet ġenerali ħafna li rrigwardaw l-evoluzzjoni futura tal-impriża, iżda li ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala kunsiderazzjonijiet ta’ azzjonist intiżi li jevalwaw il-profittabbiltà ta’ investiment u inqas u inqas ta’ investiment imħaddem bl-implimentazzjoni tal-miżura kontenzjuża.
277
Fl-aħħar nett, fit-Titolu III tal-kuntratt ta’ impriża, intitolat “Tqegħid tal-impriża f’kuntest finanzjarju u istituzzjonali rrinnovat”, ġew ittrattati sussegwentement, fi tliet paġni, l-għanijiet li ġejjin: “[s]tabbilizzazzjoni tar-relazzjoni mal-Istat azzjonist”, “[f]inanzjament ġust tal-missjonijiet ta’ interess pubbliku”, “[p]reparazzjoni tal-għodda meħtieġa għall-evoluzzjoni tal-leġiżlazzjoni”, “[ħ]olqien tar-riżorsi biex jiġi ppreparat il-futur” u l-“[m]odalitajiet għat-tfittxija tal-għanijiet u impenji”.
278
Fit-tliet paġni inkwistjoni, żewġ paragrafi biss rrigwardaw ir-ristrutturazzjoni tal-bilanċ ta’ EDF, li f’wieħed minnhom tissemma, b’mod għall-inqas b’mod mhux ċar, ir-remunerazzjoni tal-Istat Franċiż.
279
L-ewwel paragrafu, li minnu wieħed ma jista’ jieħu ebda tagħlim, jinsab fil-parti introduttiva tat-Titolu III tal-kuntratt ta’ impriża u jaqra kif ġej:
“Il-karta tal-bilanċ ta’ EDF ser tiġi ristrutturata bl-għan doppju li ssaħħaħ is-sitwazzjoni netta tal-kumpanija u tistabbilizza r-relazzjoni finanzjarja mal-Istat fuq bażi eqreb tal-liġi komuni”
280
It-tieni paragrafu, li jinsab fis-subtitolu intitolat “Stabbilizzazzjoni tar-relazzjoni mal-Istat azzjonist” tat-Titolu III tal-kuntratt ta’ impriża, jaqra kif ġej:
“Ir-remunerazzjoni tal-Istat ser tinkludi żewġ elementi:
–
remunerazzjoni tal-injezzjonijiet ta’ kapital b’rata ta’ interessi ta’ 3 %;
–
remunerazzjoni addizzjonali, ugwali għal 40 % tar-riżultat kontabbli nett tal-kumpannija”
281
Għandu jiġi rrilevat li, fil-paragrafi inkwistjoni, ma jissemma ebda investiment kumplimentari sal-ammont tad-dejn fiskali tal-Istat Franċiż, u lanqas tal-profittabbiltà tiegħu, skont din l-informazzjoni limitata fuq ir-remunerazzjoni tal-imsemmi Stat.
282
Il-kuntratt ta’ impriża jidher għaldaqstant irrilevanti sabiex jintwera li r-remunerazzjoni tal-Istat Franċiż u l-kunsiderazzjonijiet ta’ azzjonist, biex ma nsemmux il-kunsiderazzjonijiet li kienu jirrigwardaw il-miżura kontenzjuża, kienu analizzati b’mod awtonomu u distint minn dawk li jirrigwardaw il-kwalità bħala awtorità pubblika.
283
It-tieni dokument li għalih tirreferi r-Repubblika Franċiża huwa estratt tar-“rapport Migaud” fl-Assemblea nazzjonali, ippreżentat minħabba l-adozzjoni tal-Liġi Nru 97-1026.
284
L-ewwel parti tar-“rapport Migaud” jiddeskrivi ċ-ċirkustanzi storiċi li jirrigwardaw l-istatus patrimonjali tal-oġġetti suġġetti għall-konċessjoni (konċessjoni tal-oġġetti, konsegwenzi fuq il-kontijiet u pożizzjoni tal-Cour de comptes (il-Qorti tal-Awdituri)) li wasslu għall-preżentazzjoni tal-abbozz ta’ liġi.
285
It-tieni parti tar-“rapport Migaud” isemmi r-“riproċessar tal-kontijiet” li tirrikjedi l-opinjoni tal-Cour de comptes (il-Qorti tal-Awdituri), riproċessar li jimplika “tibdil fir-relazzjonijiet finanzjarju bejn l-Istat u EDF”.
286
L-ewwel subparti tar-“rapport Migaud” tesponi l-konsegwenzi fuq il-kontijiet li għandhom jinstiltu mir-rikonoxximent tal-proprjetà tan-NPĠ kif ukoll it-tibdil fl-istruttura tal-fondi proprji ta’ EDF li dan jinvolvi: “il-valur ekwivalenti tal-oġġetti in natura mogħtija fil-konċessjoni li tirrigwarda l-konċessjoni RAG irreġistrata fil-fondi proprji fil-kategorija ‘Fondi proprja oħra” hija murija fil-kategorija “Kapital proprju” sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-istatus patrimonjali tax-xogħol”.
287
Imbagħad hemm deskritti, fir-“rapport Migaud”, il-movimenti fil-kontijiet fil-veru sens tal-kelma li timponi l-miżura kontenzjuża (li jinsabu indikati fil-premessi 28 et seq. tad-deċiżjoni attakkata).
288
Madankollu, imkien ma ssemmiet, f’dik l-okkażjoni, ir-rinunzja għat-taxxa fuq id-drittijet tal-konċedent.
289
It-tieni subparti tar-“rapport Migaud” tirrigwarda t-tibdil fir-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istat Franċiż u EDF u tindika l-modalitajiet tar-remunerazzjoni tal-imsemmi Stat wara t-tibdil fil-kontijiet li għandu jseħħ:
“Din ir-remunerazzjoni fiha żewġ partijiet.
Min-naħa, remunerazzjoni tal-injezzjonijiet ta’ kapital b’rata ta’ interessi fissata annwalment b’digriet interministerjali. Id-digriet jiffissa l-limitu ta’ din ir-rata fi 8 %. Sa mill-1989, din ġiet iffissata fl-ammont ta’ 5 %.
Min-naħa l-oħra, tittieħed remunerazzjoni addizzjonali (id-“dividend”) fuq ir-riżultat wara t-taxxa u interessi fissi tal-istabbiliment.
Ir-rata tagħha tiġi stabbilita b’digriet abbażi tar-riżultat tal-kontijiet provviżorji.
[…]
L-injezzjonijiet ta’ kapital li jikkostitwixxu l-bażi tal-interessi fissi, iż-żieda ta’ dawn riżultat ta’ dan l-artikolu tirriskja li żżid il-piż fuq EDF. Għaldaqstant, huwa previst tibdil tal-kundizzjonijiet għar-remunerazzjoni tagħhom fil-kuntratt ta’ impriża 1997-2000 iffirmat fit-8 ta’ April 1997.
Ir-rata ta’ interessi fiss issir 3 % sabiex tikkumpensa għall-effett tal-bażi. L-ammont annwali tal-interessi fissi jinżel għaldaqstant minn [FRF] 1816 miljun għal [FRF] 1522 miljun.
Ir-remunerazzjoni kumplimentari tal-Istat hija ffissata fl-ammont ta’ 40 % tar-riżultat kontabbli nett tal-impriża.
Fl-aħħar nett, jiġi ppreċiżat li l-ammont totali ta’ dawn iż-żewġ komponenti ma jistax ikun ogħla minn 6 % tal-injezzjonijiet ta’ kapital (jiġifieri limitu ta’ [FRF] 3044 miljun fid-dawl tal-injezzjonijiet kif jirriżultaw minn dan l-artikolu).”
290
Jiġu deskritti mbagħad, fir-“rapport Migaud”, il-konsegwenzi fiskali tat-tibdil magħmul.
291
Fir-“rapport Migaud”, jiġi ppreċiżat b’mod partikolari, dan li ġej:
“Iż-żieda fir-riżervi marbutin mal-konċessjoni RAG li jiġu riportati mill-ġdid ser twassal għall-clearance, f’darba, tar-riporti mill-ġdid tal-kontabbiltà u tat-telf fit-taxxa.
Minn naħa, iż-żieda diretta ta’ [FRF] 38.5 biljun iwassal għal riport mill-ġdid kontabbli ta’ kreditu ta’ [FRF] 18.3 biljun, li jinvolvi żieda tal-attiv nett taxxabbli hija stess abbażi tat-[taxxa fuq il-kumpanniji]. L-Artikolu 38-2 tal-[Kodiċi Ġenerali tat-TaxxA] jipprovdi fil-fatt li l-benefiċċju nett huwa magħmul mid-differenza bejn il-valuri tal-attiv nett mal-għeluq u mal-ftuħ tas-sena finanzjarja. Sa fejn l-‘attiv nett jestendi bl-eċċess fil-valuri tal-attiv fuq it-total magħmul fuq il-passiv mill-krediti ta’ terzi, mid-deprezzamenti u mir-riżervi ġġustifikati’, fejn iż-żieda fir-riżervi ġġib mekkanikament żieda fil-benefiċċju nett.
Min-naħa l-oħra, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kummenti tal-Cour de comptes (il-Qorti tal-Awdituri) fuq il-konċessjonijiet ‘Forzi idrawliċi’ u ‘Distribuzzjoni pubblika’, EDF ser twettaq aġġustamenti fil-kontijiet li għandhom l-effett li jnaqqsu b’[FRF] 14-il miljun ir-riport mill-ġdid fiskali tagħha.
Bħala total, dan tal-aħħar għandu għaldaqstant isir pożittiv fl-ammont ta’ [FRF] 3.4 biljun.
Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Ministeru għall-Ekonomija, il-Finanzi u l-Industrija lir-relatur ġenerali tagħkom, it-taxxa fuq il-kumpanniji li jkollu tħallas l-istabbiliment pubbliku [wara] dawn ir-riformi titla’ għal [FRF] 3 biljun fl-1997 u għal [FRF] 2.5 biljun fl-1998”.
292
Għandu jiġi kkonstatat li, lanqas fl-aġġustamenti fil-kontijiet, ma hemm riferiment fir-“rapport Migaud”, bħala konsegwenzi fiskali, għar-rinunzja għat-taxxa fuq id-drittijiet tal-konċedent fuq ir-riklassifikazzjoni tagħhom bħala injezzjoni ta’ kapital, kreditu li jirriżulta għaldaqstant huwa wkoll, skont ir-risposta mibgħuta mir-Repubblika Franċiża lill-Kummissjoni fin-nota tad-9 ta’ April 2002, minn varjazzjoni tal-attiv nett.
293
Barra minn hekk, ir-“rapport Migaud” fih, ċertament, xi data dwar ir-remunerazzjoni mistennija mill-Istat mir-rikapitalizzazzjoni ta’ EDF, remunerazzjoni li mill-bqija tkun nominalment imnaqqsa wara t-tranżazzjoni ta’ rikapitalizzazzjoni. Madankollu, mill-qari ta’ dan id-dokument jirriżulta evidentement li din il-ftit data tikkostitwixxi biss parti żgħira mill-kunsiderazzjonijiet, essenzjalment li jirrigwardaw dawk ta’ awtorità pubblika, li wasslu għall-adozzjoni tal-Liġi Nru 97/1026.
294
Fl-aħħar nett, wieħed ma jistax ma josservax li l-kontenut tar-“rapport Migaud” jikkostitwixxi l-oriġini tal-premessi 23 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata u li dawn l-elementi ta’ evalwazzjoni ġew fil-fatt meħudin inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni.
295
It-tielet dokument imsemmi mir-Repubblika Franċiża huwa l-ittra tal-4 ta’ April 1995. Dan huwa dokument ta’ erba’ paġni, inkluż id-dokument li hemm mehmuż miegħu, mibgħut lil EDF mid-diretturi tal-kabinett tal-Ministri għall-Ekonomija, l-Industrija, il-Posta u t-Telekomunikazzjonijiet u l-Kummerċ estern; u l-Baġit, li l-għan tiegħu huwa li jimplimenta “programm ta’ xogħol” fid-dawl tal-preżentazzjoni u tal-adozzjoni tal-miżuri li timponi l-Cour de comptes (il-Qorti tal-Awdituri) fir-rigward tal-konċessjonijiet ta’ EDF.
296
L-Istat azzjonist jissemma fl-ittra tal-4 ta’ April 1995 darbtejn biss u fil-qosor ħafna:
–
fil-paġna 1 tal-anness tal-imsemmija ittra, fejn, fost l-għanijiet tal-programm ta’ xogħol, ġiet indikata “[is-sistema attwali] hija […] konformi mal-interessi tal-Istat azzjonist?”;
–
f’paġna 3 tal-imsemmi anness, fejn ġew ittrattati l-punti għal riflessjoni, fejn fosthom hemm il-“problema patrimonjali”, li fir-rigward tagħha ġie indikat: “jiġu identifikati jekk ikun il-każ il-modifiki li għandhom isiru lill-parti dispożittiva eżistenti biex ikunu protetti aħjar l-interessi tal-Istat azzjonist mill-aspett tal-eventwali ftuħ tal-monopolji”.
297
It-tħassib l-ieħor ittrattat fl-ittra tal-4 ta’ April 1995 (li, mill-bqija, tirrigwarda biss programm ta’ xogħol u mhux il-konklużjonijiet tiegħu) huwa fir-realtà essenzjalment kunsiderazzjonijiet dwar awtorità pubblika u għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija ittra ma turix analiżi distinta u awtonoma tal-kunsiderazzjonijiet ta’ azzjonist.
298
Fl-aħħar nett, l-aħħar dokument invokat mir-Repubblika Franċiża hija l-ittra tal-31 ta’ Ottubru 1995 u, għal analiżi ta’ dan id-dokument, isir riferiment għall-punti 168 et seq iktar ’il quddiem.
299
Barra minn hekk, u mingħajr il-ħtieġa li jkun hemm deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ riferiment pur u sempliċi għal tabella li tkun tinsab f’anness tan-nota ta’ intervent, fejn jinsabu xi estratti ta’ dokumenti, spiss bil-kummenti, mhux imsemmija fl-imsemmija nota, għandu jiġi kkonstatat li ebda wieħed mis-siltiet iċċitati jew minn dawk il-kummenti ma jirreferu għall-miżura kontenzjuża.
300
L-estratti ta’ dokumenti, imsemmija fil-punt 299 iktar ’il fuq, jirrigwardaw l-iktar il-kuntest li fih ittieħdet il-miżura kontenzjuża, kuntest li dwaru ma ġiex allegat li ma ħaditux inkunsiderazzjoni l-Kummissjoni li, sabiex tiddeskrivih, ibbażat ruħha b’mod partikolari fuq l-imsemmija dokumenti.
301
Barra minn hekk, u l-istess bħall-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat, minn qari tal-estratti ta’ dokumenti msemmija fil-punt 299 iktar ’il fuq li jinsabu fit-tabella inkwistjoni, li l-kunsiderazzjonijet dwar il-kwalità tal-Istat azzjonist huma sekondarji ħafna meta mqabbla mal-kunsiderazzjonijet dwar il-kwalità tal-Istat bħala awtorità pubblika.
302
Fl-aħħar nett, dawn l-estratti ma jsemmux l-iċken argument iddettaljat dwar il-kunsiderazzjonijiet tal-kwalità ta’ azzjonist intiżi li jevalwaw il-profittabbiltà ta’ investiment u inqas u inqas ta’ investiment magħmul bl-implimentazzjoni tal-miżura kontenzjuża.
303
Id-dokumenti msemmija mir-Repubblika Franċiża, bħad-dokumenti invokati minn EDF, ma jurux għaldaqstant analiżi “distinta u awtonoma” tal-kunsiderazzjonijiet tal-Istat fil-kwalità tiegħu bħala azzjonist, u lanqas ma juru l-assenza ta’ sovrappożizzjoni bejn il-kunsiderazzjonijiet marbutin mat-taxxa u dawk marbutin mar-remunerazzjoni tal-Istat.
304
Bħala konklużjoni, it-tielet parti tat-tieni motiv imressaq b’mod prinċipali għandha tiġi miċħuda.
6. Fuq ir-raba’ parti
a) L-argumenti tal-partijiet
305
EDF, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, issostni li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkunsidrat li d-deċiżjoni ta’ investiment ma kinitx is-suġġett ta’ studji, ta’ referenzi, ta’ analiżi speċifika jew ta’ pjan ta’ negozju li jirrigwarda l-profittabbiltà tal-investiment għall-ammont tal-eżenzjoni tat-taxxa, u dan jikkostitwixxi diffikultà sabiex jiġu iżolati l-effetti tal-investiment fl-informazzjoni mibgħuta mir-Repubblika Franċiża jew EDF (premessa 130 tad-deċiżjoni kkontestata).
306
Skont EDF, l-analiżi tal-Kummissjoni hija bbażata fuq premessa li l-miżura inkwistjoni hija l-unika eżenzjoni mit-taxxa, li ma hijiex, kif hija allegat fil-kuntest tal-ewwel motiv, il-miżura li kellha tiġi eżaminata.
307
Barra minn hekk, il-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni dwar, essenzjalment, l-assenza ta’ pjan ta’ negozju formali hija wkoll infondata fid-dritt, sa fejn, minn naħa, tali pjan ma huwiex rikjest mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali u fejn, min-naħa l-oħra, tali pjan ma kienx assolutament meħtieġ, peress li l-Istat Franċiż kien azzjonist 100 %, kien jaf perfettament l-impriża u li, f’tali sitwazzjoni, lanqas investitur privat ma kien jagħmel dan.
308
Barra minn hekk, il-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni dwar, essenzjalment, l-assenza ta’ pjan ta’ negozju formali tmur kontra l-fatti, peress li diversi dokumenti, magħmula in tempore non suspecto u pprovduti fil-kuntest tal-osservazzjonijiet mibgħuta lill-Kummissjoni fl-2013, jikkostitwixxu l-essenza ta’ tali raġunament maħsub. Huma jindikaw fil-fatt mingħajr ambigwità li l-Istat Franċiż kellu bħala għan li jwettaq investiment fl-impriża u li huwa għamel diversi analiżi u evalwazzjonijiet prospettivi.
309
Ir-Repubblika Franċiża, min-naħa tagħha, tirreferi f’dan ir-rigward għal tabella 3, li tinsab fl-Anness 12 tan-nota ta’ intervent, li tinkludi diversi ċitazzjonijiet mid-dokumenti akkumpanjati, spiss, b’kummenti u hija tieqaf, “bħala eżempju”, fuq tlieta minn dawn id-dokumenti fl-imsemmija nota.
310
Fl-ewwel lok, ir-Repubblika Franċiża tirreferi għall-ittra tal-10 ta’ April 1997, kif ukoll għan-nota annessa magħha intitolata “Previżjonijiet ta’ ipoteżijiet ta’ ħlas lill-Istat fl-1997 u 1998”. Dan id-dokument juri li l-Istat kien talab analiżi tal-evoluzzjoni tar-remunerazzjoni tal-Istat minn EDF u li l-evalwazzjonijiet ekonomiċi tar-ristrutturazzjoni kkontemplata ġew irfinati u ppreċiżati fid-dawl tal-adozzjoni tal-miżura inkwistjoni.
311
Fit-tieni lok, ir-Repubblika Franċiża ssemmi l-ittra tad-direttur tas-servizzi finanzjarji u legali ta’ EDF tad-9 ta’ Frar 1996 mibgħuta lill-bord tad-diretturi ta’ EDF u li tinkludi anness intitolat “Ir-ristrutturazzjoni tal-bilanċ ta’ EDF” (Anness A-7-30 tar-rikors, iktar ’il quddiem l-“ittra tad-9 ta’ Frar 1996”) li tinkludi evalwazzjoni ekonomika tar-ristrutturazzjoni tal-bilanċ ta’ EDF.
312
Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, ir-Repubblika Franċiża tiċċita l-pjan strateġiku 1996-1998 (Anness A-7-34 tar-rikors, iktar ’il quddiem il-“pjan strateġiku”) li ttieħed inkunsiderazzjoni mill-Istat waqt l-adozzjoni tal-miżura inkwistjoni, tip ta’ pjan li ġeneralment jittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat.
313
Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
314
EDF, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, issostni essenzjalment li, l-ewwel nett, l-analiżi tal-Kummissjoni li tinsab fil-premessa 130 tad-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq premessa żbaljata, peress li l-miżura kontenzjuża ma hijiex l-unika rinunzja għat-taxxa fuq ir-riżervi għat-tiġdid użati minn EDF, it-tieni nett, li l-Kummissjoni imponiet b’mod żbaljat l-eżistenza ta’ pjan ta’ negozju formali u, it-tielet nett, il-kunsiderazzjoni ta’ din tal-aħħar dwar l-assenza ta’ tali pjan ta’ negozju formali tmur kontra l-fatti, peress li diversi dokumenti kontemporanji jikkostitwixxu s-sustanza tal-imsemmi pjan ta’ negozju formali. Ir-Repubblika Franċiża ssemmi f’dan ir-rigward erba’ dokumenti li, skontha, juru l-eżistenza ta’ analiżi u evalwazzjonijiet prospettivi tal-investiment.
315
Jeħtieġ qabel kollox li jiġi miċħud l-ewwel argument imressaq minn EDF, peress li l-miżura kontenzjuża hija r-rinunzja għall-t-taxxa dovuta fuq ir-riklassifikazzjoni tad-drittijiet tal-konċedent f’injezzjoni ta’ kapital.
316
Jeħtieġ ukoll li jiġu miċħuda l-argumenti ta’ EDF ibbażati fuq li l-Kummissjoni imponiet b’mod żbaljat f’dan il-każ, pjan ta’ negozju formali, peress li dan huwa bbażat fuq qari żbaljat tad-deċiżjoni kkontestata.
317
Fil-fatt, il-Kummissjoni tikkonstata, essenzjalment, fid-deċiżjoni kkontestata, li ma hemmx l-iċken dokument kontemporanju li fih xi evalwazzjoni dwar il-profittabbiltà tal-allegat investiment li jikkostitwixxi r-rinunzja għat-taxxa fuq id-drittijiet tal-konċedent.
318
Ċertament, hemm dokumenti li jevalwaw, b’mod pjuttost qasir, ir-remunerazzjoni tal-Istat Franċiż kif ikun jirriżulta mir-rikapitalizzazzjoni ta’ EDF u, għaldaqstant, il-profittabbiltà ta’ din it-tranżazzjoni, imma xejn iktar.
319
Issa, għalkemm ir-rikapitalizzazzjoni ta’ EDF tikkostitwixxi ċertament il-kuntest li fih tidħol l-evalwazzjoni tal-miżura kontenzjuża, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, skont kliem is-sentenza fil-Kawża C‑124/10 P, kienet ir-Repubblika Franċiża li kellha tippreżenta b’mod partikolari “provi li juru li din id-deċiżjoni hija bbażata fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi paragunabbli għal dawk li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, investitur privat razzjonali li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-imsemmi Stat Membru kien jagħmel, qabel ma jwettaq l-imsemmi investiment, sabiex jiddetermina l-profittabbiltà futura ta’ tali investiment”, imma “evalwazzjonijiet ekonomiċi magħmula wara l-għoti tal-imsemmi vantaġġ, il-konstatazzjoni retrospettiva tal-profittabbiltà effettiva tal-investiment imwettqa mill-Istat Membru kkonċernat jew ġustifikazzjonijiet ulterjuri tal-għażla tal-proċess effettivament użat ma jistgħux ikunu biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li dan l-Istat Membru ħa, qabel jew fl-istess waqt ta’ dan l-għoti, tali deċiżjoni fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist” (punti 84 u 85 ta’ din is-sentenza).
320
Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonstatat, fil-premessa 130 tad-deċiżjoni kkontestata li “in-nuqqas ta’ studji, referenzi jew analiżijiet speċifiċi tal-profittabbiltà tal-investiment għall-ammont ta’ eżenzjoni mit-taxxa jagħmilha diffiċli li wieħed jiżola l-effetti tal-investiment allegat fl-informazzjoni li bagħtu [r-Repubblika Franċiża] u EDF”.
321
Mill-bqija, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti mressqa minn EDF ibbażati fuq il-paralleliżmu li hija tipprova tistabbilixxi mas-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2015, SACE u Sace BT vs Il-Kummissjoni (T‑305/13, EU:T:2015:435), sa fejn, f’dik il-kawża, l-assenza ta’ pjan ta’ negozju ddettaljat kienet taqa’ f’kuntest ta’ kriżi ekonomika. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ċertament li, f’dik is-sitwazzjoni, kellha tittieħed inkunsiderazzjoni l-impossibbiltà li jsiru previżjonijiet b’mod affidabbli u ddettaljati dwar l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika u r-riżultati tad-diversi operaturi, imma hija ddeċidiet madankollu li “li l-impossibbiltà li jitwettqu previżjonijiet iddettaljati u kompluti ma jistax jillibera lil investitur pubbliku milli jwettaq evalwazzjoni preliminari adegwata tal-profittabbiltà tal-investiment tiegħu, paragunabbli ma’ dik li kien jagħmel investitur privat li jkun f’sitwazzjoni simili, skont elementi disponibbli u prevedibbli”.
322
Għandhom jiġu eżaminati mbagħad id-dokumenti li r-Repubblika Franċiża allegat li jikkostitwixxu evalwazzjonijiet ekonomiċi paragunabbli għal dawk li investitur privat kien jagħmel qabel ma jimplimenta l-miżura kontenzjuża għall-iskopijiet li tiġi stabbilita l-profittabbiltà futura tagħha.
323
L-ewwel nett, ir-Repubblika Franċiża ssemmi l-ittra tal-10 ta’ April 1997 kif ukoll in-nota annessa magħha u li hija intitolata “Previżjonijiet ta’ ipoteżijiet ta’ ħlas lill-Istat fl-1997 u 1998” (Anness A-7-25 tar-rikors).
324
L-ittra tal-10 ta’ April 1997, magħmula minn tliet linji, hija limitata sabiex tibgħat l-anness lill-kap tal-uffiċċju tal-Ministeru għall-Finanzi. Fir-rigward ta’ dak l-anness, hija tippreżenta, f’paġna waħda u b’mod sistematiku, l-ipoteżijiet ta’ ħlas lill-Istat Franċiż f’ħames linji segwiti minn ċifra għal kull sena kkunsidrata: riżultat paragunabbli qabel it-taxxa u remunerazzjoni addizzjonali, riżultat fiskali, remunerazzjoni tal-injezzjonijiet ta’ kapital, taxxa fuq il-kumpanniji u remunerazzjonijiet kumplimentari.
325
Ma hemm xejn fl-ittra tal-10 ta’ April 1997 rigward ir-remunerazzjoni speċifika għad-drittijiet tal-konċedent, lanqas għat-taxxa, teoretikament ittrasformata f’investiment, li għaliha rrinunzja l-Istat Franċiż.
326
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-ittra tal-10 ta’ April 1997 hija irrilevanti, ma fihiex u ma tinkludix evalwazzjonijiet ekonomiċi paragunabbli għal dawk li investitur privat kien jagħmel qabel ma jimplimenta l-miżura kontenzjuża għall-iskopijiet li jistabbilixxi l-profittabbiltà futura tagħha.
327
Ir-Repubblika Franċiża ssemmi mbagħad l-ittra tad-9 ta’ Frar 1996, li tinkludi anness intitolat “Ir-ristrutturazzjoni tal-bilanċ ta’ EDF” (A-7-30 tar-rikors) li jinkludi evalwazzjoni ekonomika tar-ristrutturazzjoni tal-bilanċ ta’ EDF.
328
L-ittra tad-9 ta’ Frar 1996, li nħarġet mid-Direttur tas-Servizzi Finanzjarji u Legali ta’ EDF, hija limitata sabiex tibgħat lill-President tal-Bord tad-Diretturi ta’ EDF, “folja sintetika” ta’ paġna li ssemmi “l-punt tan-negozjati mal-Istat”.
329
Il-“folja sintetika” mibgħuta bl-ittra tad-9 ta’ Frar 1996 tindika dan li ġej, taħt it-titolu “Tisħiħ tal-bilanċ għoli ta’ EDF”:
“Ir-ristrutturazzjoni li tinsab għaddejja fiha tliet partijiet:
–
l-inkorporazzjoni tal-injezzjonijiet ta’ kapital magħmula mill-Istat fil-kapital stricto sensu;
–
l-integrazzjoni fil-kapital tal-kontribuzzjonijiet magħmula mill-Istat (jew f’ismu) fil-kuntest tal-konċessjoni RAG kif ukoll ir-riżervi kkostitwiti għal din il-konċessjoni. Din it-tranżazzjoni ttemm id-distinzjoni sottili ħafna bejn il-kontribuzzjonijiet fil-kapital u l-kontribuzzjonijiet fil-konċessjoni tal-Istat;
–
il-clearance tlr-riporti mill-ġdid tal-kontabbiltà negattiva li bħalissa taffettwa s-sitwazzjoni netta ta’ EDF.
Dawn il-miżuri għandhom jippermettu li jikkonfortaw is-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża billi l-kapital jitla’ minn [FRF] 2.6 biljun għal [FRF] 85 biljun u s-sitwazzjoni netta minn [FRF]20 biljun għal [FRF] 90 biljun, li huwa iktar relatat mal-attivi tagħha, u li tiġi ppreżentata għaldaqstant immaġni paragunabbli għal dawk ta’ kumpanniji tal-elettriku Ewropej oħra.
[…]
Billi l-kapital ta’ ekwità issa juri xi mitt biljun [FRF] u bil-kjarifika tad-deskrizzjoni tal-konċessjonijiet tagħha, EDF ikollha għaldaqstant bilanċ li jirrifletti aħjar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża”.
330
La d-drittijiet tal-konċedent u lanqas ir-rinunzja għat-taxxa pagabbli waqt l-inkorporazzjoni tagħhom fil-kapital ma jissemmew fl-ittra tad-9 ta’ Frar 1996.
331
Jeħtieġ għaldaqstant li jiġi kkonstatat li l-ittra tad-9 ta’ Frar 1996 hija irrilevanti, ma tikkostitwixxix u ma fihiex evalwazzjonijiet ekonomiċi paragunabbli għal dawk li investitur privat kien jagħmel qabel ma jimplimenta l-miżura kontenzjuża għall-iskopijiet li jistabbilixxi l-profittabbiltà futura tagħha.
332
Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Franċiża ssemmi l-pjan strateġiku li ttieħed inkunsiderazzjoni minnha waqt l-adozzjoni tal-miżura inkwistjoni. Fil-fehma tagħha, dan it-tip ta’ pjan jittieħed ġeneralment inkunsiderazzjoni waqt l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat.
333
Il-pjan strateġiku huwa dokument ta’ 36 paġna, li jippreżenta, mid-dehra, lill-persunal tal-impriża, il-linja tal-impriża u l-azzjonijiet li kellhom jittieħdu sal-1998.
334
Il-pjan strateġiku ma fih ebda riferiment la għar-rinunzja tal-Istat Franċiż għat-taxxa dovuta fuq id-drittijiet tal-konċedent, la għad-drittijiet tal-konċedent, la għar-riżervi marbutin mal-konċessjoni tan-NPĠ, la għall-istatus patrimonjali, kontabbli u fiskali tan-NPĠ u lanqas għar-rikapitalizzazzjoni ta’ EDF li kienet is-suġġett tal-Liġi Nru 97-1026.
335
Il-pjan strateġiku jidher għaldaqstant irrilevanti, ma jikkostitwixxix u ma jinkludix evalwazzjonijiet ekonomiċi paragunabbli għal dawk li investitur privat kien jagħmel qabel ma jimplimenta l-miżura kontenzjuża għall-iskopijiet li jistabbilixxi l-profittabbiltà futura tagħha.
336
Barra minn hekk, u mingħajr il-bżonn li jkun hemm deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ riferiment pur u sempliċi għal tabella li tinsab f’anness tan-nota ta’ intervent, fejn hemm estratti ta’ dokumenti, spiss bil-kummenti, li ma jissemmewx fl-imsemmija nota, għandu jiġi kkonstatat li ebda wieħed mill-brani ċċitati jew mill-kummenti li jinsabu fit-tabella ppreżentata fl-Anness 12 ta’ din in-nota ma jirreferi għall-miżura kontenzjuża.
337
Konsegwentement, ir-raba’ parti tat-tieni motiv imressaq b’mod prinċipali għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.
7. Fuq il-ħames parti
a) L-argumenti tal-partijiet
338
EDF, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, tiddikjara essenzjalment u b’mod konklużiv li, kif urew l-argumenti li hija ressqet insostenn tal-ewwel żewġ motivi mressqa b’mod prinċipali, il-Kummissjoni kienet żbaljata meta injorat l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat f’dan il-każ. Fil-fatt, analiżi oġġettiva u mhux preġudikata tan-natura u tas-suġġett tal-miżura, tal-kuntest li fih issir kif ukoll tal-għan imfittex u tar-regoli li japplikaw għaliha kellhom iwasslu sabiex tiġi kkonstatata l-applikabbiltà tal-kriterju għall-miżura inkwistjoni.
339
Fir-rigward tan-natura u tal-għan tal-miżura inkwistjoni, din hija miżura għar-rikapitalizzazzjoni ta’ EDF mir-Repubblika Franċiża li kienet l-unika azzjonista.
340
Fir-rigward tal-kuntest li fih ġiet adottata l-miżura, dan ġie deskritt b’mod ċar fil-punti 9 sa 36 tas-sentenza fil-Kawża T‑156/04 u kien ikkaratterizzat, fl-1997, mill-prospett tal-ftuħ, fil-qrib, tas-suq Ewropew tal-provvista tal-elettriku għall-kompetizzjoni. Issa, f’dan il-kuntest, il-kapaċità ta’ EDF li tirreaġixxi quddiem din il-liberalizzazzjoni u biex tiggwadanja mill-opportunitajiet ta’ investiment internazzjonali kienet limitata minħabba l-istat tal-bilanċ tagħha.
341
Fir-rigward tal-għan imfittex, il-Liġi Nru 97-1026 kellha bħala “għan li tirristuttura l-bilanċ ta’ EDF u li żżid il-fondi proprja ta’ din” u kellha “għan ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ EDF”, skont is-sentenza fil-Kawża T‑156/04 (punti 243 u 247).
342
Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-regoli applikabbli għall-miżura, peress li din kienet tikkonsisti fir-rikapitalizzazzjoni ta’ EDF li l-kapital tagħha kien iddefinit mil-liġi, hija ma setgħetx tiġi implimentata mil-liġi, u dan il-Qorti Ġenerali rrikonoxxietu fil-punt 252 tas-sentenza tagħha fil-Kawża T‑156/04.
343
EDF tikkonkludi li, bl-adozzjoni tal-Liġi Nru 97-1026, li kienet intiża għar-rikapitalizzazzjoni tagħha, ir-Repubblika Franċiża aġixxiet kif kien jagħmel azzjonist, u dan jintwera mid-dokumenti kontemporanji li ntbagħtu lill-Kummissjoni, u din kellha tirrikonoxxi l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat.
344
Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
345
EDF, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, issostni essenzjalment u b’mod konklużiv li, kif urew l-argumenti li hija ressqet insostenn tal-ewwel motiv imressaq b’mod prinċipali u tal-ewwel erba’ partijiet tat-tieni motiv imressaq b’mod prinċipali, il-Kummissjoni wettqet żball meta injorat l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat f’dan il-każ. Fil-fatt, analiżi oġġettiva u mhux ippreġudikata tan-natura u tas-suġġett tal-miżura, tal-kuntest li fih saret kif ukoll tal-għan imfittex u tar-regoli applikabbli għaliha kellha twassalha sabiex tikkonstata l-applikabbiltà tal-kriterju għall-miżura inkwistjoni.
346
L-argumenti mressqa minn EDF u mir-Repubblika Franċiża huma intiżi fir-realtà sabiex tiġi kkonstatata l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat abbażi biss ta’ elementi li jirrigwardaw in-natura u s-suġġett tal-miżura, il-kuntest li fih saret kif ukoll l-għan imfittex u r-regoli li għalihom hija suġġetta l-imsemmija miżura.
347
Madankollu, għall-motivi esposti fil-kuntest tal-ewwel erba’ partijiet tat-tieni motiv imressaq b’mod prinċipali, dawn l-elementi ma humiex biżżejjed sabiex juru l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat. Fil-fatt, EDF u r-Repubblika Franċiża ma ppreżentawx elementi li jippermettu li jiġi stabbilit mingħajr ekwivoku li r-Repubblika Franċiża kienet ħadet, qabel jew simultanjament mal-għoti tal-vantaġġ, jiġifieri f’dan il-każ ir-rinunzja t-taxxa fuq ir-riklassifikazzjoni tad-drittijiet tal-konċedent f’injezzjoni ta’ kapital, id-deċiżjoni li twettaq, b’din il-miżura, investiment f’EDF u li, fil-mument tal-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni, ir-Repubblika Franċiża kienet evalwat, kif kien jagħmel investitur privat, il-profittabbiltà tal-investiment ikkostitwit mill-għoti ta’ tali vantaġġ lil EDF.
348
Għaldaqstant, il-ħames parti tat-tieni motiv imressaq b’mod prinċipali għandha wkoll tiġi miċħuda.
8. Konklużjoni fuq it-tieni motiv imressaq b’mod prinċipali
349
Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.
C. Fuq it-tielet motiv imressaq b’mod prinċipali
350
It-tielet motiv imressaq b’mod prinċipali huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107 TFUE, minħabba d-diversi żbalji li allegatament wettqet il-Kummissjoni waqt l-eżami tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat.
351
Għandu jitfakkar madankollu li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ikkunsidrat li l-kriterju tal-investitur privat ma kienx applikabbli f’dan il-każ u li hija analizzat il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-imsemmi kriterju b’mod sussidjarju biss.
352
Peress li EDF ma wrietx li l-Kummissjoni wettqet żball meta injorat l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat u li jeħtieġ, f’dan ir-rigward, li t-tieni motiv jiġi miċħud, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.
D. Fuq ir-raba’ motiv imressaq b’mod prinċipali
1. L-argumenti tal-partijiet
353
EDF issostni li l-Kummissjoni, billi kisret l-obbligu tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha għall-iskopijiet tal-analiżi tal-vantaġġ, u wriet dan fl-ewwel tliet motivi mressqa b’mod prinċipali, naqset ukoll mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. Hija tikkritika f’dan ir-rigward lill-Kummissjoni li injorat mingħajr spjegazzjoni, minn naħa, dokumenti li juru li l-miżura inkwistjoni ma kinitx l-allegata deċiżjoni li ma tintaxxax id-drittijiet tal-konċedent u, min-naħa l-oħra, dokumenti li jiċċaraw il-metodoloġija li kellha tintuża fl-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat.
354
Il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ dawn l-argumenti.
2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
355
Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi min-natura tal-att inkwistjoni u mill-kuntest li fih jiġi adottat. Il-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, b’tali mod, min-naħa waħda, li l-qorti Komunitarja tkun tista’ twettaq l-istħarriġ tagħha tal-legalità u, min-naħa l-oħra, sabiex il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet għall-miżura meħuda, biex b’hekk ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u jivverifikaw jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ liġi, inkwantu l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-kwistjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma hijiex meħtieġa li tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha invokati quddiemha mill-partijiet ikkonċernati, iżda huwa biżżejjed li hija ssemmi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li huma ta’ importanza essenzjali fil-kuntest tad-deċiżjoni (ara s-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, EU:T:2003:57, punti 278 sa 280).
356
EDF tikkritika lill-Kummissjoni li bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha injorat dokumenti li juru li l-miżura kontenzjuża ma kinitx deċiżjoni sabiex ma jiġux intaxxati d-drittijiet tal-konċedent.
357
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessi 23 sa 35, 74 u 112 sa 123 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat ir-raġunijiet li għalihom hija kkunsidrat, abbażi tal-elementi mressqa mir-Repubblika Franċiża u b’mod partikolari tan-nota tad-9 ta’ April 2002 (ara premessa 35 tad-deċiżjoni msemmija), li r-rinunzja għat-taxxa fuq id-drittijiet tal-konċedent għar-riklassifikazzjoni tagħhom f’injezzjoni ta’ kapital kienet tikkostitwixxi vantaġġ favur EDF. Dik id-deċiżjoni għaldaqstant ma hija vvizzjata b’ebda ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.
358
EDF tikkritika barra minn hekk lill-Kummissjoni li injorat, bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, dokumenti li jiċċaraw il-metodoloġija li kellha tiġi adottata waqt l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat.
359
Peress li l-eżami tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur sar biss b’mod sussidjarju u li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkunsidrat li l-imsemmi kriterju ma kienx applikabbli f’dan il-każ, l-argument ta’ EDF f’dan ir-rigward għandu jiġi ddikjarat bħala ineffettiv.
360
Konsegwentement, ir-raba’ motiv imressaq b’mod prinċipali għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment ineffettiv.
E. Fuq l-ewwel motiv imressaq b’mod sussidjarju
361
L-ewwel motiv imressaq b’mod sussidjarju huwa bbażat, minn naħa, fuq li ċerti għajnuna kellha tkun ikklassifikata bħala għajnuna eżistenti u, min-naħa l-oħra, fuq il-ksur tal-Artikolu 1(b)(v) u tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 659/1999.
1. Tfakkira tad-deċiżjoni kkontestata
Skont il-premessa 215 tad-deċiżjoni kkontestata:
“Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li, kuntrarjament għal dak li sostnew l-awtoritajiet Franċiżi, ir-regola ta’ preskrizzjoni ma tapplikax f’dan il-każ. Ċertament, EDF ħolqot ir-riżervi kontabbli b’eżenzjoni mit-taxxa mill-1987 sal-1996. Madankollu, wieħed għandu jinnota, minn naħa, li skont il-Kunsill Nazzjonali tal-Kontabilità, il-korrezzjonijiet tal-iżbalji, li min-natura tagħhom, jirrigwardaw il-kontabilità tal-operazzjonijiet fil-passat, għandhom ikunu rreġistrati fil-kontijiet fl-introjtu tas-sena finanzjarja li matulha jiġu skoperti u, min-naħa l-oħra, li l-liġi li tipprovdi li d-drittijiet tal-konċedent ikunu riklassifikati f’injezzjonijiet ta’ kapital mingħajr ma jkunu soġġetti għat-taxxa fuq il-kumpaniji ġġib id-data tal-10 ta’ Novembru 1997. Il-vantaġġ fiskali għaldaqstant imur lura għall-1997, u l-preskrizzjoni ma tapplikax għal għajnuna ġdida mogħtija f’din id-data, peress li l-ewwel att tal-Kummissjoni rigward din il-miżura jġib id-data tal-10 ta’ Lulju 2001. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 15 tar-Regolament […] Nru 659/1999, il-proċedura kontenzjuża tissospendi t-terminu ta’ preskrizzjoni”.
2. Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999
a) L-argumenti tal-partijiet
362
EDF tikkunsidra li l-miżura kontenzjuża, jekk wieħed jassumi li tikklassifika bħala għajnuna, kellha fi kwalunkwe każ tkun ikklassifikata bħala għajnuna eżistenti.
363
EDF issostni li, skont l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999, l-għajnuna implimentata f’settur inizjalment magħluq għall-kompetizzjoni tikkostitwixxi għajnuna eżistenti, klassifikazzjoni li hija titlef biss mad-data stabbilita għal-liberalizzazzjoni tas-settur.
364
EDF tikkunsidra li s-soluzzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 143 ta-sentenza tagħha tal-15 ta’ Ġunju 2000, Alzetta et vs Il-Kummissjoni (T‑298/97, T‑312/97, T‑313/97, T‑315/97, T‑600/97 sa T‑607/97, T‑1/98, T‑3/98 sa T‑6/98 u T‑23/98, EU:T:2000:151), hija trasponibbli għall-każ ineżami. Fil-fatt, is-settur tal-elettriku ġie lliberalizzat bid-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 1996 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol 2, p. 3) li daħlet fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 1997 u li kienet tipprevedi terminu għat-traspożizzjoni li jiskadi fid-19 ta’ Frar 1999. Din id-direttiva madankollu ġiet trasposta mir-Repubblika Franċiża fl-10 ta’ Frar 2000 biss.
365
EDF issostni li, konsegwentement, kull miżura adottata jew implimentata qabel dik id-data, jekk wieħed jeħodha bħala stabbilita l-klassifikazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, għandha neċessarjament titqies bħala eżistenti u ma tistax, għaldaqstant, tkun is-suġġett ta’ ordni ta’ restituzzjoni. Dan huwa l-każ, fil-fehma tagħha, tal-Liġi Nru 97-1026, adottata ħmistax-il xahar qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni stabbilit fid-direttiva, fl-assenza ta’ miżura nazzjonali ta’ traspożizzjoni minn qabel l-imsemmija liġi.
366
Il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ dawn l-argumenti.
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
367
Għandu jitfakkar li, skont il-premessa 4 tar-Regolament Nru 659/1999, “sabiex tkun assigurata ċertezza legali, huwa xieraq li jkunu definiti ċ-ċirkustanzi li fihom l-għajnuna tkun ikkunsidrata li hija għajnuna eżistenti; […] t-tlestija u t-tkabbir tas-suq intern huwa proċess gradwali, li huwa rifless fl-iżvilupp permanenti tal-politika ta’ l-għajnuna Statali; […] wara li jsiru dawn l-iżviluppi, ċerti miżuri, li meta daħlu fis-seħħ ma kkostitwixxewx għajnuna Statali, minn dak iż-żmien ‘l hawn setgħu saru għajnuna”.
368
Skont l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999, għajnuna eżistenti tfisser għajnuna li hija kkunsidrata bħala għajnuna eżistenti għaliex jista’ jkun stabbilit li fil-ħin li ġiet fis-seħħ ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna u sussegwentement saret għajnuna minħabba l-evoluzzjoni tas-suq komuni mingħajr ma nbidel mill-Istat Membru. Il-miżuri li jsiru għajnuna wara l-liberalizzazzjoni ta’ attività mid-dritt Komunitarju ma għandhomx ikunu kkunsidrati li huma għajnuna eżistenti wara d-data ffissata għal-liberalizzazzjoni.
369
Skont l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999, id-data tal-liberalizzazzjoni ta’ attività mid-dritt Komunitarju għandha, konsegwentement, tittieħed inkunsiderazzjoni għall-iskopijiet biss biex jiġi eskluż li, wara dik id-data, miżura li ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna qabel il-liberalizzazzjoni mid-dritt Komunitarju tkun ikklassifikata, sussegwentement, bħala għajnuna eżistenti. Min-naħa l-oħra, il-preżenza ta’ data tal-liberalizzazzjoni, li tirriżulta minn direttiva bħalma hija dik inkwistjoni f’dan il-każ, ma hijiex biżżejjed sabiex teskludi li miżura tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna ġdida jekk, abbażi tal-kriterju tal-evoluzzjoni tas-suq, jista’ jiġi ppruvat li l-miżura kienet ġiet adottata f’suq li kien diġà, kollu jew parti minnu, miftuħ għall-kompetizzjoni qabel id-data tal-liberalizzazzjoni tal-attività kkonċernata mid-dritt Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ April 2001, Regione Friuli Venezia, Giulia vs Il-Kummissjoni, T‑288/97, EU:T:2001:115, punt 95.
370
Il-Kummissjoni, esponiet, fil-premessi 196 sa 204 tad-deċiżjoni kkontestata, u mingħajr ma dan ġie kkontestat minn EDF, li kienet ressqet motiv f’dan ir-rigward fil-kuntest tar-rikors li wassal għas-sentenza fil-Kawża T‑156/04, miċħud mill-Qorti Ġenerali fil-punti 134 sa 155 tal-imsemmija sentenza, li l-għajnuna kienet ingħatat fil-kuntest ta’ settur li kien fetaħ progressivament għall-kompetizzjoni, li fih, anki qabel l-1997, EDF kienet esportat l-elettriku fi Stati Membri oħra, ħadmet permezz ta’ sussidjarji fis-swieq tas-servizzi miftuħa għall-kompetizzjoni, kienet tinsab f’kompetizzjoni reali jew potenzjali ma’ operaturi oħra fis-suq tal-elettriku fl-Unjoni Ewropea fi Stati Membri oħra u li hija kienet f’kompetizzjoni ma’ Franza ma’ fornituri ta’ enerġiji oħra bħalma huwa l-gass.
371
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-miżura kontenzjuża ma tistax titqies bħala miżura preeżistenti li ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna fil-mument li daħlet fis-seħħ u li saret għajnuna wara l-evoluzzjoni tas-suq fi tmiem il-perijodu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 92/96.
372
Konsegwentement, l-ewwel parti tal-ewwel motiv imressaq b’mod sussidjarju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.
3. Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 659/1999
a) L-argumenti tal-partijiet
373
EDF tfakkar qabel kollox li l-kumplessità u l-inċertezzi li jirrenjaw fuq is-suġġett tal-istatus patrimonjali tar-RAG ġew solvuti permezz tal-Artikolu 4(1) tal-Liġi Nru 97-1026, li jindika li n-NPĠ titqies li tikkostitwixxi l-proprjetà ta’ EDF minn meta ngħatatilha l-konċessjoni ta’ dan in-netwerk.
374
EDF issostni li għandu jiġi konkluż, għaldaqstant, kif għamlet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ ftuħ (paragrafi 45, 49 u 52), li, permezz tal-ħolqien tar-riżervi għat-tiġdid mill-1987 sal-1996, hija kienet fir-realtà bbenefikat minn vantaġġ fiskali mhux iġġustifikat kull sena mill-1987 sal-1996, vantaġġ li kien annullat biss parzjalment permezz tal-aġġustamenti u r-riklassifikazzjonijiet kontabbli magħmula fl-1997.
375
Peress li l-ewwel att istruttorju sar mill-Kummissjoni fl-10 ta’ Lulju 2001, ebda riżerva maħluqa qabel l-10 ta’ Lulju 1991 ma setgħet konsegwentement tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-miżura li minnha bbenefikat EDF, fid-dawl tal-preskrizzjoni stabbilita fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 659/1999.
376
L-ammont tad-drittijiet tal-konċedent maħluqa wara l-10 ta’ Lulju 1991 li jistgħu jkunu kklassifikati bħala għajnuna ġdida jirrappreżentaw biss, f’dan il-każ, ammont ta’ FRF 7.976 biljun fuq total ta’ FRF 14.119 biljun.
377
Barra minn hekk, EDF issostni li l-Kummissjoni biddlet l-analiżi tagħha tal-miżura kontenzjuża bejn id-deċiżjoni ta’ ftuħ u d-deċiżjoni kkontestata sabiex tevita l-preskrizzjoni. Fil-fehma tagħha, mid-deċiżjoni ta’ ftuħ jirriżulta li l-għajnuna kienet inħolqot kull sena b’effett mill-1987. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi għall-kunċett ta’ konsolidazzjoni tal-għajnuna, billi kkunsidrat li n-nuqqas ta’ ntaxxar tar-riżervi kkostitwiti qabel kien jikkostitwixxi għajnuna fid-data ta’ dak in-nuqqas ta’ taxxa, jiġifieri fl-1997.
378
EDF issostni li d-deċiżjoni ta’ ftuħ, li tikkostitwixxi l-bażi tad-deċiżjoni kkontestata (premessa 52 ta’ din tal-aħħar), tirriproduċi fil-fatt it-teżi tal-vantaġġ selettiv li ngħatalha matul il-perijodu 1987-1996 u tindika li l-ammont ta’ dak il-vantaġġ jikkorrispondi għad-“differenza bejn il-valur kapitalizzat tat-taxxa fuq il-kumpaniji mhux imħallsa fuq ir-riżervi matul l-istess perjodu u l-ammont tat-taxxa fuq il-kumpaniji mħallas minn[ha] fl-1997, wara d-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 97-1026”.
379
Issa, il-mod tal-kalkolu adottat finalment fid-deċiżjoni kkontestata ma huwiex ibbażat fuq id-differenza bejn il-valur ikkapitalizzat tat-taxxa fuq il-kumpanniji mhux imħallsa fuq ir-riżervi matul l-istess perijodu u l-ammont tat-taxxa fuq il-kumpanniji mħallas minn EDF fl-1997. Fil-premessa 220 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni adottat fil-fatt l-ammont “mogħti […] fil-forma ta’ eżenjoni mit-taxxa fuq il-kumpaniji li tammonta għal FRF 5882849762 għar-riklassifikazzjoni f’kapital ta’ parti mir-riżervi li jammontaw għal FRF 14119065335”.
380
Iktar minn hekk, il-Kummissjoni tikser b’dan il-mod il-kunċett ta’ għajnuna eżistenti meta tikklassifika bħala għajnuna ġdida miżura li annullat biss parzjalment il-vantaġġi permessi qabel (paragrafu 49 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ).
381
Fl-aħħar nett, EDF issostni essenzjalment li l-Kummissjoni ma tistax tikkontesta r-regola ta’ kontabbiltà nazzjonali sabiex topponi għall-argumenti tagħha dwar l-eżistenza ta’ għajnuna ġdida.
382
Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
383
EDF issostni, essenzjalment, li parti kbira mill-għajnuna hija preskritta, sa fejn, fid-deċiżjoni ta’ ftuħ (paragrafi 45, 49 u 52), il-Kummissjoni kkunsidrat li, bil-ħolqien tar-riżervi għat-tiġdid mill-1987 sal-1996, hija kienet fir-realtà bbenefikat minn vantaġġ fiskali mhux iġġustifikat kull sena mill-1987 sal-1996, vantaġġ li ġie annullat parzjalment biss permezz tal-aġġustamenti u r-riklassifikazzjonijiet fil-kontijiet imwettqa fl-1997, mentri, fid-deċiżjoni kkontestata, l-imsemmija istituzzjoni biddlet apposta l-analiżi tagħha sabiex tikkunsidra li l-vantaġġ kien ġie kkonsolidat permezz tal-Liġi Nru 97-1026.
384
L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tar-riorganizzazzjoni tal-bilanċ ta’ EDF, l-awtoritajiet Franċiżi segwew l-opinjoni tal-Kunsill Nazzjonali tal-Kontabbiltà, li stabbilixxa li l-korrezzjonijiet fl-iżbalji kontabbli, li, min-natura tagħhom stess, jirrigwardaw il-kontabilizzazzjoni tat-tranżazzjonijiet passati, “jiġu kkalkolati fir-riżultat tas-sena finanzjarja li fiha huma jiġu kkonstatati”. Dan l-element ma huwiex ikkontestat mir-Repubblika Franċiża.
385
Għandu jiġi osservat ukoll li mill-ittra tat-22 ta’ Diċembru 1997 (ara l-punt 23 iktar ’il fuq) jirriżulta li, fir-rigward tar-“riżervi għat-tiġdid li saru mhux ġustifikati (FRF 38520943408) [jiġifieri r-riżervi mhux użati, dawn ġew irriklassifikati] għar-riport mill-ġdid, skont l-[opinjoni tal-Kunsill Nazzjonali tal-Kontabbiltà]”.
386
Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li fin-nota tad-9 ta’ April 2002 (Anness D.2 tar-replika), ir-Repubblika Franċiża indikat li “d-drittijiet tal-konċedent [li jikkorrispondu għar-riżervi għat-tiġdid użati] li jirrigwardaw in-NPĠ [kienu jirrappreżentaw] dejn mhux dovut [ta’ EDF fil-konfront tal-Istat kif kien jidher fil-bilanċ] li l-inkorporazzjoni fil-kapital [kienet] eżentat mit-taxxa b’mod mhux ġustifikat”. Hija ppreċiżat, f’dik l-istess nota, li, “peress li n-NPĠ kien magħmul minn assi tagħha stess, EDF ma kinitx obbligata fil-konfront tal-Istat b’ebda dejn għar-restituzzjoni ta’ dawk l-assi, b’mod li l-ammonti korrispondenti li jinsabu fil-partita “drittijiet tal-konċedent” [kienu jikkostitwixxi] mhux passiv reali imma riżerva mhux eżentata mit-taxxa”, u li “[f]’dawn iċ-ċirkustanzi, din ir-riżerva kellha, qabel l-inkorporazzjoni tagħha fil-kapital, tiġi ttrasferita mill-passiv tal-istabbiliment fejn kienet tidher bi żball, lejn kont patrimonjali nett, u b’hekk tinvolvi varjazzjoni pożittiva ta’ attiv nett taxxabbli […] il-vantaġġ f’taxxi li rriżulta b’dan il-mod [seta’] jiġi stmat fl-ammont ta’ FRF 5.88 biljun (14.119× 41.66 %)”. Fir-rigward ta’ dawn iċ-ċifri, nota ta’ qiegħ il-paġna tagħmel il-preċiżazzjoni segwenti: “Rata normali tat-taxxa fuq il-kumpanniji (31.1/3 %) miżjuda bil-kontribuzzjonijiet addizzjonali fis-seħħ għas-snin magħluqa bejn l-1 ta’ Jannar 1997 u l-1 ta’ Jannar 1999”.
387
Konsegwentement, ma hemmx dubju li r-riklassifikazzjoni tad-drittijiet tal-konċedent f’injezzjoni ta’ kapital, li seħħet fl-1 ta’ Jannar 1997, kienet tikkostitwixxi l-fatt li ġġenera t-taxxa.
388
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-preskrizzjoni ma kinitx iddekorriet, peress li l-ewwel att istruttorju kien sar mill-Kummissjoni fl-10 ta’ Lulju 2001.
389
It-tieni nett, u għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999, il-Kummissjoni għandha tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali li tinforma lill-partijiet interessati, meta, wara eżami preliminari, hija jkollha dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura finanzjarja inkwistjoni mas-suq komuni. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax tiġi obbligata tippreżenta analiżi kompluta fir-rigward tal-għajnuna inkwistjoni fin-notifika tagħha dwar il-ftuħ ta’ din il-proċedura, iżda huwa biżżejjed li hija tiddefinixxi b’mod suffiċjenti l-kuntest tal-eżami tagħha sabiex ma tirrendix mingħajr skop id-dritt tal-partijiet interessati li jissottomettu l-kummenti tagħhom (ara s-sentenza fil-Kawża T‑156/04, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata).
390
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 659/1999, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, id-deċiżjoni ta’ ftuħ tista’ tillimita ruħha sabiex jinġabru fil-qosor il-punti rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi, sabiex tiġi inkluża evalwazzjoni provviżorja tal-miżura tal-Istat inkwistjoni, intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk din għandhiex in-natura ta’ għajnuna, u sabiex jiġu esposti r-raġunijiet li jwasslu għal dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni (ara s-sentenza fil-Kawża T‑156/04, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata).
391
Għaldaqstant, id-deċiżjoni ta’ ftuħ għandha tqiegħed lill-partijiet interessati f’pożizzjoni li jipparteċipaw b’mod effettiv fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali li matulha huma jkollhom il-possibbiltà li jesponu l-argumenti tagħhom. Għal dan il-għan, ikun biżżejjed li l-partijiet interessati jkun jafu r-raġunament li wassal lill-Kummissjoni sabiex tqis provviżorjament li l-miżura inkwistjoni setgħet tikkostitwixxi għajnuna ġdida inkompatibbli mas-suq komuni (ara s-sentenza fil-Kawża T‑156/04, punt 110 u l-ġurisprudenza ċċitata).
392
Minn dan isegwi li l-analiżi tal-miżura li tinsab fid-deċiżjoni ta’ ftuħ hija analiżi provviżorja, li tista’ għaldaqstant tiġi rfinata jew irrettifikata mill-Kummissjoni fil-kuntest tad-deċiżjoni finali.
393
L-analiżi tal-miżura kontenzjuża li tinsab, f’dan il-każ, fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, ma kinitx għaldaqstant definittiva u l-Kummissjoni setgħet ġustament tkun tista’ tippreċiża jew tirrettifika din l-analiżi fid-deċiżjoni kkontestata.
394
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fil-paragrafu 71 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni, fi kwalunkwe każ, kienet diġà kkunsidrat li “r-riklassifikazzjonijiet u l-aġġustamenti kontabbli li [kienu] kkonsolidaw parti mill-vantaġġ li EDF kienet żgurat permezz tal-ħolqien irregolari ta’ riżervi għat-tiġdid tan-NPĠ ta’ vultaġġ għoli [kienu] ġew irreġistrati fl-1997, wara l-adozzjoni mill-Parlament Franċiż tal-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 97-1026 tal-10 ta’ Novembru 1997”, li “[l-]element ta’ għajnuna, li jikkonsisti fil-valur ikkapitalizzat tal-vantaġġ mhux annullat mill-imsemmija riklassifikazzjonijiet u aġġustamenti, [kien] għaldaqstant ġie kkonsolidat bi qbil mal-awtoritajiet Franċiżi waqt id-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin previst fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 659/1999 u bi ksur tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat” u li “[d]an l-element ta’ għajnuna [kien jikkostitwixxi] għaldaqstant għajnuna ġdida”.
395
Fl-aħħar nett, it-tielet nett, l-argumenti dwar in-natura tal-għajnuna ġdida tressqu insostenn ta’ din il-parti jitħallat mill-bqija ma’ dak li ssostni EDF insostenn tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv u għandu konsegwentement ukoll jiġi miċħud, fid-dawl tal-motivi esposti fil-punti 367 sa 372 iktar ’il fuq.
396
Konsegwentement, għandha tiġi miċħuda t-tieni parti tal-ewwel motiv imressaq b’mod sussidjarju.
F. Fuq it-tieni motiv imressaq b’mod sussidjarju
1. L-argumenti tal-partijiet
397
EDF issostni, minn naħa, insostenn tal-ewwel parti, li l-Kummissjoni adottat ammont ta’ FRF 56886 miljun, billi għaqqdet it-total tal-ammont tar-riżervi għat-tiġdid mhux użati fil-bilanċ fil-31 ta’ Diċembru 1996 (FRF 38520 miljun) mal-ammonti rriklassifikati fil-kapital tagħha stess (FRF 18345 miljun). Issa, fil-fehma tagħha, l-ammont totali tar-riżervi għat-tiġdid maħluqa matul il-perijodu 1987-1996 jitla’ għal FRF 47943 miljun li l-allokazzjoni tiegħu kien dan li ġej: FRF 9423 miljun għad-drittijiet tal-konċedent fl-okkażjoni tat-tranżazzjonijiet ta’ tiġdid tax-xogħol tan-NPĠ li hija wettqet bejn l-1987 u l-1996; il-bilanċ, jiġifieri, FRF 38520 miljun, għal kont ta’ riżervi mingħajr ma jgħaddu mill-kont tar-riżultati waqt ir-ristrutturazzjoni tal-bilanċ.
398
EDF tippreċiża li d-differenza bejn l-ammont totali tas-somom riklassifikati f’kapital proprju (FRF 18345 miljun) u l-użu tar-riżerva għat-tiġdid allokata għad-drittijiet tal-konċedent (FRF 9423 miljun) hija magħmula mid-differenzi ta’ rievalwazzjoni (FRF 4226 miljun) u tal-finanzjamenti mill-konċedent ta’ ċerti xogħol tan-NPĠ(FRF 4696 miljun) matul il-perijodu bejn l-1987 sal-1996.
399
Min-naħa l-oħra, insostenn tat-tieni parti, EDF issostni li r-rata tat-taxxa fuq il-kumpanniji li kellha tiġi applikata għall-kalkolu tar-rimbors hija dik tal-1996 u mhux dik tal-1997. Fil-fehma tagħha, l-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 97-1026 ħoloq kontribuzzjoni addizzjonali għat-taxxa fuq il-kumpanniji ugwali għal 15 % ta’ din it-taxxa għas-snin finanzjarji magħluqa bejn l-1 ta’ Jannar 1997 u l-31 ta’ Diċembru 1998, li għaldaqstant ma kinitx teżisti qabel. Kienet biss il-kontribuzzjoni addizzjonali ta’ 10 % fuq it-taxxa fuq il-kumpanniji li kienet fis-seħħ.
400
EDF tallega li r-regolarizzazzjonijiet imwettqa fl-okkażjoni tar-ristrutturazzjoni tal-bilanċ tagħha ġew intaxxati bir-rata tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-1997, jiġifieri 33.33 %, miżjuda biż-żewġ kontribuzzjonijiet addizzjonali ta’, rispettivament, 10 % u 15 % (Artikoli 235 ter ZA u ter ZB tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxa), jiġifieri rata globali ta’ 41.67 %.
401
Issa, ir-regolarizzazzjoni kellha ssir għas-sena finanzjarja 1996 bir-rata globali ta’ 36.67 %. Fil-fatt, l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 97-1026 jipprevedi espressament li x-xogħol tan-NPĠ fl-enerġija tal-elettriku jitqies li huwa proprjetà ta’ EDF peress li l-konċessjoni ta’ dan in-netwerk ingħatat lilha.
402
Skont EDF, wieħed għandu jirraġuna għaldaqstant bħallikieku hija kienet minn dejjem proprjetarja tan-NPĠ, jiġifieri bħala li hija ma kienet qatt ħolqot riżervi għat-tiġdid ta’ dawn l-assi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kieku hija ma kinitx ħolqot dawn ir-riżervi, hija kienet issir taxxabbli għas-sena finanzjarja 1996, peress li r-riżultat fiskali wara l-imputazzjoni tar-riporti preċedenti jsir benefiċjarju fil-31 ta’ Diċembru 1996, meħud kont, barra minn hekk, tal-korrezzjonijiet l-oħra marbutin mar-riforma kontabbli tagħha. Għaldaqstant, fil-fehma tagħha, hija fil-fatt ir-rata fis-seħħ għas-sena finanzjarja 1996 li għandha tiġi applikata għas-sena ta’ regolarizzazzjoni u, a fortiori, sabiex tiġi evalwata globalment l-eventwali insuffiċjenza ta’ taxxa.
403
Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li l-bilanċ li serva ta’ bażi għar-ristrutturazzjoni huwa l-bilanċ tal-31 ta’ Diċembru 1996, li t-taxxa mħallsa fl-1997 minħabba dik ir-ristrutturazzjoni ġiet ikkalkolata mingħajr ma ttieħed inkunsiderazzjoni r-riżultat tas-sena finanzjarja 1997 u li l-krediti ta’ taxxa disponibbli fil-31 ta’ Diċembru 1996 ġew imputati għal dik it-taxxa.
404
Bħala konklużjoni, EDF tikkunsidra li l-ammont tad-drittijiet tal-konċedent li jista’ jkun ikklassifikat bħala għajnuna ġdida, jekk wieħed isegwi dan ir-raġunament, jitla’ għal FRF 7655 miljun li għalih għandha tiġi applikata r-rata tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-1996, jiġifieri 36.67 %. Minn dan l-ammont, għandu jitnaqqas l-ammont tas-sovrataxxa tas-somma ta’ FRF 38520 miljun minħabba t-taxxa ta’ 41.67 % minflok 36.67 %, jiġifieri FRF 1926 miljun. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ammont tal-għajnuna jitla’ għal: [7976 x 36.67 %] – (38520 x (41.67 – 36.67)) = FRF 998.80 miljun, jiġifieri EUR 151 miljun.
405
Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.
2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
406
Insostenn tal-ewwel parti tat-tieni motiv imressaq b’mod sussidjarju, EDF issostni li saru żbalji fil-kalkolu waqt id-determinazzjoni tal-ammont tar-riżervi għat-tiġdid.
407
Barra minn hekk, EDF issostni essenzjalment, insostenn tat-tieni parti, li kien b’mod żbaljat li r-rata ta’ taxxa tal-1997 ġiet użata sabiex jiġi kkalkolat il-vantaġġ fiskali li minnu hija bbenefikat u li kien jeħtieġ li tintuża r-rata applikabbli fl-1996, li kienet iktar favorevoli għaliha.
408
L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-ittra tat-22 ta’ Diċembru 1997 (ara l-punt 23 iktar ’il fuq), tippreċiża, fir-rigward tad-drittijiet tal-konċedent: “konsolidazzjoni f’injezzjonijiet ta’ kapital tal-valur korrispondenti tal-ass in natura tan-NPĠ mogħtija b’konċessjoni li tammonta għal FRF 14119065335”.
409
It-tieni nett, fin-nota tad-9 ta’ April 2002 (Anness D.2 tar-replika), ir-Repubblika Franċiża indikat dan li ġej:
“[…] għandha ssir distinzjoni bejn l-ipproċessar mill-ġdid tar-riżervi għat-tiġdid użati li jidhru, skont l-informazzjoni pprovduta mill-EDF, fit-taqsima ‘[D]rittijiet tal-konċedent’ f’ammont ta’ [FRF] 14.119 [biljun] u mhux ta’ [FRF] 18.345 [biljun], minn dak tar-riżervi li għadhom mhux użati f’ammont ta’ [FRF] 38.5 [biljun].
Id-drittijiet tal-konċedent [li jikkorrispondu għar-riżervi għat-tiġdid użati] relatati man-NPĠ jirrappreżentaw dejn mhux dovut [ta’ EDF fil-konfront tal-Istat Franċiż kif kien jidher fil-bilanċ] li l-inkorporazzjoni fil-kapital ħelset mit-taxxa b’mod inġustifikat.
[…] Peress li n-NPĠ ikkostitwit minn assi proprji, EDF ma kinitx marbuta fir-rigward tal-Istat minn ebda dejn ta’ restituzzjoni ta’ dawn l-assi, b’tali mod li l-ammonti korrispondenti li jidhru fl-entrata ‘[D]rittijiet tal-konċedent’ ma jikkostitwixxux passiv reali, iżda riżerva mhux eżenti mit-taxxa. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din ir-riżerva kellha, qabel l-inkorporazzjoni tagħha fil-kapital, tiġi ttrasferita mill-passiv tal-istabbiliment fejn kienet tidher bi żball, lejn kont patrimonjali nett, u b’hekk tinvolvi varjazzjoni pożittiva ta’ attiv nett taxxabbli […] il-vantaġġ f’taxxi li rriżulta b’dan il-mod [jista’] jkun stmat fl-ammont ta’ FRF 5.88 biljun (14.119 × 41.66 %)”.
410
Fir-rigward ta’ dawn iċ-ċifri, nota ta’ qiegħ il-paġna fin-nota tad-9 ta’ April 2002 tippreċiża: “Rata normali tat-taxxa fuq il-kumpanniji (31.1/3 %) miżjuda bil-kontribuzzjonijiet addizzjonali fis-seħħ għas-snin finanzjarji magħluqa bejn l-1 ta’ Jannar 1997 u l-1 ta’ Jannar 1999”.
411
It-tielet nett, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tar-riorganizzazzjoni tal-bilanċ ta’ EDF, l-awtoritajiet Franċiżi segwew l-opinjoni tal-Kunsill Nazzjonali tal-Kontabbiltà, li stabbilixxa li l-korrezzjonijiet fl-iżbalji kontabbli, li, min-natura tagħhom stess, jirrigwardaw il-kontabilizzazzjoni tat-tranżazzjonijiet passati “jiġu kkalkolati fir-riżultat tas-sena finanzjarja li fiha huma jiġu kkonstatati” (ara l-Anness I-8 tan-nota ta’ intervent).
412
L-ittra tat-22 ta’ Diċembru 1997 (ara l-punt 23 iktar ’il fuq) tippreċiża f’dan ir-rigward li r-“riżervi għat-tiġdid li saru mhux ġustifikati (FRF 38520943408) [dawn ġew irriklassifikati] għar-riport mill-ġdid, skont l-[opinjoni tal-Kunsill Nazzjonali tal-Kontabbiltà]”. Barra minn hekk, mill-Anness 3 ta’ din l-ittra jirriżulta li din ir-riklassifikazzjoni tar-riżervi mhux użati ġabet varjazzjoni tal-attiv nett li kien suġġett għat-taxxa fuq il-kumpanniji bir-rata ta’ 41.66 % li, l-partijiet jaċċettaw, li kienet ir-rata ta’ taxxa applikabbli fl-1997.
413
Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tistax tkun ikkritikata li bbażat ruħha fuq l-informazzjoni, b’mod partikolari dwar l-ammont tar-riżervi għat-tiġdid jew dwar ir-rata ta’ taxxa applikabbli, li kienet ipprovduta lilha mir-Repubblika Franċiża matul il-proċedura amministrattiva sabiex tevalwa l-ammont tal-għajnuna inkwisjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Novembru 2009, France u France Télécom vs Il-Kummissjoni, T‑427/04 u T‑17/05, EU:T:2009:474, punti 302 u 303, ikkonfermata fl-appell permezz tas-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, France Télécom vs Il-Kummissjoni, C‑81/10 P, EU:C:2011:811, punti 102 sa 104).
414
Għaldaqstant, iż-żewġ partijiet tat-tieni motiv imressaq b’mod sussidjarju għandhom jiġu miċħuda u, konsegwentement, dan jiġi miċħud kollu kemm hu.
Fuq l-ispejjeż
415
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 134(2) tal-istess regoli, jekk ikun hemm iktar minn parti waħda li titlef il-kawża, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż. Barra minn hekk, l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jagħmlu intervent fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.
416
F’dan il-każ, peress li EDF u r-Repubblika Franċiża tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż tagħhom flimkien ma’ dawk tal-Kummissjoni, kif mitlub minn din tal-aħħar.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1)
Ir-rikors huwa miċħud.
2)
Électricité de France (EDF) hija kkundannata li tbati l-ispejjeż tagħha stess flimkien mal-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, ħlief għal dawn sostnuti minn din tal-aħħar minħabba l-intervent tar-Repubblika Franċiża.
3)
Ir-Repubblika Franċiża hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha stess flimkien ma’ dawk sostnuti mill-Kummissjoni minħabba l-intervent tagħha.
Frimodt Nielsen
Kreuschitz
Półtorak
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Jannar 2018.
Firem
Werrej
I. Il-fatti li wasslu għall-kawża
A. Introduzzjoni3
B. Fuq il-benefiċjarju tal-għajnuna
C. Fuq il-ħolqien ta’ riżervi kontabbli għat-tiġdid tan-NPĠ
D. Fuq ir-riklassifikazzjoni tar-riżervi kontabbli
E. Fuq l-impatt fiskali tar-riklassifikazzjoni tar-riżervi kontabbli
F. Fuq id-deċiżjoni ta’ ftuħ
G. Fuq id-deċiżjoni inizjali tal-Kummissjoni
H. Fuq is-sentenza fil-kawża T-156/04
I. Fuq is-sentenza fil-Kawża C‑124/10 P
J. Fuq id-deċiżjoni ta’ estensjoni
K. Fuq id-deċiżjoni kkontestata
II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
III. Id-dritt
A. Fuq l-ewwel motiv imressaq b’mod prinċipali
1. L-argumenti tal-partijiet
2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
B. Fuq it-tieni motiv imressaq b’mod prinċipali
1. Tfakkira tad-deċiżjoni kkontestata
2. Kunsiderazzjonijiet preliminari
3. Fuq l-ewwel parti
a) L-argumenti tal-partijiet
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
4. Fuq it-tieni parti
a) L-argumenti tal-partijiet
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
5. Fuq it-tielet parti
a) L-argumenti tal-partijiet
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
1) Fuq l-allegat żball ta’ liġi
2) Fuq l-allegati żbalji ta’ fatt
6. Fuq ir-raba’ parti
a) L-argumenti tal-partijiet
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
7. Fuq il-ħames parti
a) L-argumenti tal-partijiet
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
8. Konklużjoni fuq it-tieni motiv imressaq b’mod prinċipali
C. Fuq it-tielet motiv imressaq b’mod prinċipali
D. Fuq ir-raba’ motiv imressaq b’mod prinċipali
1. L-argumenti tal-partijiet
2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
E. Fuq l-ewwel motiv imressaq b’mod sussidjarju
1. Tfakkira tad-deċiżjoni kkontestata
2. Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999
a) L-argumenti tal-partijiet
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
3. Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 659/1999
a) L-argumenti tal-partijiet
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
F. Fuq it-tieni motiv imressaq b’mod sussidjarju
1. L-argumenti tal-partijiet
2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq l-ispejjeż
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
Full & Egal Universal Law Academy