16.2.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 56/29
Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Jannar 2015 – SNCM vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-1/15)
(2015/C 056/40)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Société nationale maritime Corse Méditerranée (SNCM) (Marseille, Franza) (rappreżentanti: F.-C. Laprévote u C. Froitzheim, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni C(2013) 7066 final, tal-20 ta’ Novembru 2013, kollha kemm hi, abbażi tal-Artikoli 107 u 263 TFUE u tal-Artikolu 41 tal-Karta;
—
tannulla d-Deċiżjoni kollha kemm hi sa fejn din tal-aħħar tqis li l-bejgħ ta’ 75 % tas-SNCM bil-prezz negattiv ta’ EUR 158 miljun jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE;
—
sussidjarjament, tannulla d-Deċiżjoni parzjalment sa fejn din tal-aħħar tqis li ż-żieda fil-kapital ta’ EUR 8,75 miljun sottoskritta mis-CGMF tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat;
—
sussidjarjament, tannulla d-Deċiżjoni parzjalment sa fejn din tal-aħħar tqis li l-ħlas bil-quddiem fil-kont kurrenti ta’ EUR 38,5 miljun jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat;
—
sussidjarjament, tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni parzjalment sa fejn tanalizza l-kompatibbiltà tal-bilanċ ta’ EUR 15,81 miljun imħallas bħala għajnuna għar-ristrutturazzjoni fl-2002 konġuntament mal-miżuri kollha tal-2006;
—
iktar sussidjarjament, tannulla d-Deċiżjoni parzjalment sa fejn tikkonkludi li l-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċizjoni tal-Kummissjoni 2014/882/UE, tal-20 ta’ Novembru 2013 [innotifikata bin-numru C(2013 7066 final], li permezz tagħha l-Kummissjoni qieset li, minn naħa, il-bilanċ tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, innotifikata fit-18 ta’ Frar 2002 mill-awtoritajiet Franċiżi, fl-ammont ta’ EUR 15,81 miljun, u, min-naħa l-oħra, it-tliet miżuri implementati mill-awtoritajiet Franċiżi fl-2006 favur ir-rikorrenti, jiġifieri, il-bejgħ ta’ 75 % tar-rikorrenti bil-prezz negattiv ta’ EUR 158 miljun, iż-żieda fil-kapital ta’ EUR 8,75 miljun sottoskritta mill-Compagnie générale maritime et financière u l-ħlas bil-quddiem fil-kont kurrenti ta’ EUR 38,5 miljun, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq intern. Konsegwentement, il-Kummissjoni ordnat l-irkupru tagħha.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 108(2) u 266 TFUE, kif ukoll tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, billi l-Kummissjoni rrifjutat li testendi l-proċedura ta’ investigazzjoni formali wara l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/611/KE, tat-8 ta’ Lulju 2008 (1), permezz tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Settembru 2012, mogħtija fil-Kawża T-565/08, Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni (2).
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107 TFUE, tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif ukoll fuq żball ta’ liġi u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, billi l-Kummissjoni qieset li l-prezz negattiv tal-bejgħ kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.
3.
It-tielet motiv, invokat sussidjarjament, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, billi l-Kummissjoni qieset li l-kontribuzzjoni ta’ kapital ta’ EUR 8,75 miljun kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.
4.
Ir-raba’ motiv, invokat sussidjarjament, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, billi l-Kummissjoni qieset li l-miżuri ta’ għajnuna għall-individwi fl-ammont ta’ EUR 38,5 miljun kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.
5.
Il-ħames motiv, invokat sussidjarjament, ibbażat fuq żball ta’ liġi u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni eżaminat il-kompatibbiltà tal-bilanċ ta’ EUR 15,81 miljun, imħallas bħala għajnuna għar-ristrutturazzjoni fl-2002, konġuntament mal-miżuri kollha tal-2006.
6.
Is-sitt motiv, invokat iktar sussidjarjament, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, billi l-Kummissjoni ddikjarat l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni mħallsa fl-2002 u fl-2006 inkompatibbli mas-suq komuni.
(1) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/611/KE, tat-8 ta’ Lulju 2008, dwar il-miżuri C 58/02 (ex N 118/02) li Franza implimentat favur is-Société Nationale Maritime Corse-Méditerranée (SNCM) [innotifikata bin-numru C(2008) 3182] (ĠU 2009, L 225, p. 180).
(2) Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2012, Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni (T-565/08, Ġabra, EU:T:2012:415).
Full & Egal Universal Law Academy