9.3.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 81/26
Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Jannar 2015 – Costa vs Il-Parlament
(Kawża T-15/15)
(2015/C 081/34)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrent: Paolo Costa (Venezia, l-Italja) (rappreżentanti: G. Orsoni u M. Romeo, avukati)
Konvenut: Il-Parlament Ewropew
Talbiet
—
tiddikjara d-deċiżjoni tal-President tal-Parlament Ewropew, tal-11 ta’ Novembru 2014, innotifikata fit-28 ta’ Novembru 2014 kif ukoll l-atti kollha preliminari, konnessi u konsekuttivi, nulli u bla ebda effett skont l-Artikoli 263 u 264 TFUE;
—
tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż kollha.
Motivi u argumenti prinċipali
Dan ir-rikors huwa dirett kontra d-deċiżjoni tal-President tal-Parlament Ewropew, tal-11 ta’ Novembru 2014, Nru 318 189, dwar is-sospensjoni tal-pensjoni tal-irtirar tar-rikorrent mix-xahar ta’ Ġunju 2010 u l-irkupru tas-somom imħallsa bejn Lulju 2009 u Mejju 2010.
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet legali, ksur tar-Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-membri tal-Parlament Ewropew, kif ukoll ksur tal-Artikolu 12 tar-Regolamento per gli assegni vitalizi dei deputati italiani (Regolament dwar l-annwalitajiet tad-deputati Taljani).
—
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 12(2a)(v) tar-Regolament dwar l-annwalitajiet tad-deputati Taljani, li għalih jirreferu r-Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-membri tal-Parlament Ewropew, inkiser, għaliex ġie invokat b’mod żbaljat sabiex jiġi sospiż il-ħlas tal-pensjoni għall-kariga ta’ president tal-awtorità tal-port ta’ Venezia.
—
Barra minn hekk, kariga ta’ president ta’ awtorità tal-port Taljana ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12(2a)(v) tar-Regolament, sa fejn din il-kariga, kif irrikonoxxiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2014 (C-270/13), hija pożizzjoni speċjalizzata mogħtija biss abbażi tal-kompetenzi professjonali pprovati tal-kandidat fis-setturi tal-ekonomija u tat-trasport, sa fejn ma tinvolvix rbit politiku, sa fejn ma għandha x’taqsam mal-ebda ħatra mill-gvern u sa fejn ma tinvolvix l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet politiċi.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tat-Trattati u tad-dispożizzjonijiet legali, ksur tal-Artikoli 4, 6 u 15 TUE, ksur tal-ewwel artikolu tal-Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali fil-qasam tal-protezzjoni tal-proprjetà, ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi u ksur tal-prinċipju ta’ bona fides.
—
F’dan ir-rigward, l-Artikoli 4 u 13 TUE, li jobbligaw lill-Parlament Ewropew, bħall-istituzzjonijiet l-oħra, jipproteġi f’kull każ is-sitwazzjonijiet ta’ aspettattivi leġittimi maħluqa, fil-kuntest tal-ordinament ġuridiku Komunitarju, minn kull waħda mill-persuni li jikkomponuh.
—
Minbarra dan, il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi u l-prinċipju ta’ bona fides inkisru; dawn huma prinċipji ġenerali u fundamentali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, rikonoxxuti u stabbiliti permezz tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li timponi dejjem l-osservanza tagħhom fil-każ ta’ rkupru ta’ somom imħallsa lil individwu in bona fides.
—
Fl-aħħar nett, l-ewwel artikolu tal-Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, fil-qasam tal-protezzjoni tal-proprjetà, li għalih jirreferi l-Artikolu 6 TUE u li għandu l-istess valur ġuridiku bħat-Trattat, inkiser, għaliex jimponi l-protezzjoni tal-aspettattiva leġittima maħluqa f’individwu rigward l-eżistenza ta’ dritt għalih ta’ kreditu u ta’ dritt li jirċevih leġittimament.
Full & Egal Universal Law Academy