9.3.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 81/28
Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Jannar 2015 – International Management Group vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-29/15)
(2015/C 081/36)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: International Management Group (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: M. Burgstaller u C. Farrell, Solicitors, u E. Wright, Barrister)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla l-anness emendat tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tas-7 ta’ Novembru 2013 fuq il-Programm ta’ Azzjoni Annwali 2013 favur Mjanmar/Burma li għandu jiġi ffinanzjat mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, adottat fis-16 ta’ Diċembru 2014; u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrent jinvoka 7 motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni ma wrietx li r-rikorrent ma kkonformax ruħu mar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 53d(1) tar-Regolament Finanzjarju tal-2002 (1) u mal-Artikolu 60(2) tar-Regolament Finanzjarju tal-2012 (2).
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq li ma kienx hemm tibdil fl-istandards applikati mir-rikorrent fil-kontijiet tiegħu, fl-awditu tiegħu, fil-kontroll intern tiegħu, fis-sejħiet għal offerti tiegħu, li jistgħu jiġġustifikaw deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li r-rikorrent ma jingħatax iktar kompiti ta’ implementazzjoni tal-baġit.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq nuqqas mill-Kummissjoni ta’ twettiq tal-obbligu tagħha li tosserva l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ġestjoni finanzjarja tajba.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq in-nuqqas, mill-Kummissjoni, tat-twettiq tal-obbligi tagħha marbuta mal-prinċipju ta’ trasparenza.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni ma pprovdiet lir-rikorrent ebda rimedju.
6.
Is-sitt motiv jallega nuqqas, mill-Kummissjoni, tat-twettiq tal-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.
7.
Is-seba’ motiv ibbażat fuq li l-adozzjoni tal-miżura kkontestata tikser id-dritt tar-rikorrent għal aspettattivi leġittimi.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/25, tal-25 ta’ Gunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74).
(2) Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298.p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy