16.3.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 89/40
Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Jannar 2015 – Hispasat vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-36/15)
(2015/C 089/48)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrenti: Hispasat, SA (Madrid, Spanja) (rappreżentanti: J. Buendía Sierra, A. Lamadrid de Pablo u A. Balcells Cartagena, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari, l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni, sa fejn tiddikjara l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat bħala inkompatibbli mas-suq intern fir-rigward ta’ HISPASAT;
—
konsegwentement, tannulla l-ordnijiet ta’ rkupru kif stabbilit fl-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni, u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.
1.
Ir-rikorrenti tikkunsidra li, billi indikat lil HISPASAT S.A. bħala benefiċjarja diretta tal-miżura inkwistjoni, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ fatt li għandu jwassal għall-annullament tad-Deċiżjoni, peress li din l-impriża ma pparteċipatx fil-miżuri u lanqas ma rriżulta li bbenefikat minnhom. Minbarra dan qed jiġi invokat il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba mill-Kummissjoni Ewropea, billi identifikat lil HISPASAT S.A. bħala benefiċjarja tal-miżuri, sussegwentement għall-ftuħ tal-investigazzjoni, mingħajr ma analizzat is-sitwazzjoni ta’ fatt li kienet preżenti u mingħajr ma tat il-possibbiltà li r-rikorrenti tkun tista’ tinstema’ matul il-proċedura amministrattiva.
2.
Sussidjarjament, ir-rikorrenti targumenta li l-Kummissjoni kisret l-Artikoli 106 u 107 TFUE, kif ukoll il-Protokoll Nru 26 tat-TFUE, peress li l-miżuri kkontestati mid-Deċiżjoni ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat minħabba li ma teżistix attività ekonomika, iżda din hija attività proprja tal-awtoritajiet pubbliċi fil-kwalità tagħhom bħala Amministrazzjoni. Sussidjarjament għal dak li ntqal, ir-rikorrenti tikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata twettaq żball meta tikkonkludi li l-miżuri inkwistjoni ma kellhomx relazzjoni mal-provvista ta’ servizz pubbliku ta’ interess ġenerali (SIEG) u, konsegwentement, li ma evalwatx korrettament la l-applikabbliltà tal-ġurisprudenza Altmark u lanqas dik tad-Deċiżjoni SIEG 2005/842/KE (deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) tat-Trattat KE), li setgħet tistabbilixxi li ma kinitx teżisti għajnuna jew tassew il-kompatibbiltà ta’ kwalunkwe għajnuna eventwali.
3.
Minbarra dan ir-rikorrenti tikkunsidra li l-miżuri inkwistjoni ma jistgħux joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni u lanqas tal-kummerċ bejn Stati Membri.
4.
Minbarra dan, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata twettaq żball manifest fl-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà tal-għajnuna skont l-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE: (i) l-ewwel nett, meta kkunsidrat il-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika bħala prinċipju assolut u, (ii) it-tieni nett, meta kkunsidrat li l-miżuri inkwistjoni jiksru n-newtralità teknoloġika minkejja l-konklużjonijiet kuntrarji li jinsabu fir-rapporti tekniċi pprovduti mill-gvern reġjonali, mill-awtoritajiet ċentrali Spanjoli u minn operatur privat; (iii) it-tielet nett, meta kkonkludiet li l-miżuri kkontestati ma kinux xierqa u proporzjonali, u (iv) ir-raba’ nett, meta affermat li l-miżura toħolq distorsjonijiet inutli tal-kompetizzjoni.
5.
Sussidjarjament, ir-rikorrenti targumenta li d-Deċiżjoni tikser ir-Regolament Nru 659/1999 meta twettaq żball fl-analiżi tal-għajnuna eżistenti skont l-Artikolu 1(b)(v).
Full & Egal Universal Law Academy