16.3.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 89/43
Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Jannar 2015 – CRM vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-43/15)
(2015/C 089/52)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: CRM Srl (Modena, l-Italja) (rappreżentanti: G. Forte, C. Marinuzzi u A. Franchi, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1174/2014, tal-24 ta’ Ottubru 2014, li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Piadina Romagnola/Piada Romagnola (IĠP)], ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-4 ta’ Novembru 2014 (Volum L 316)
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Din ir-rikors huwa ppreżentat kontra r-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika protetta ‘Piadina Romagnola/Piada Romagnola’ fir-rigward tal-fatt li r-reputazzjoni li minnha tgawdi l-Piadina artiġjanali ġiet estiża sabiex tkopri l-Piadina prodotta fuq skala industrijali.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur u applikazzjoni inkorretta tal-Artikolu 7(1)(f)(ii) u tal-Artikolu 8(1)(c)(ii) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Novembru 2012, dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, p. 1).
—
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li, f’dan il-każ, ma hemmx evidenza li tiġġustifika r-rabta mal-oriġini ġeorgrafika, u
—
li r-reputazzjoni li minnha tgawdi l-Piadina artiġjanali ġiet estiża sabiex tkopri l-Piadina prodotta fuq skala industrijali.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u struttorja vvizzjata.
—
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti targumenta li kien hemm żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni fir-rigward tal-osservanza tar-rekwiżiti għall-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni ġeokrafika b’rabta mal-Piadina Romagnola, u
—
l-istruttorja kienet ivvizzjata minħabba li kien hemm nuqqas ta’ twettiq ta’ evalwazzjoni tal-annullament, mill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru, tar-regoli nazzjonali li fuqhom huwa bbażat ir-regolament ikkontestat.
—
Ir-rikorrenti tallega wkoll ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE għall-ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.
Full & Egal Universal Law Academy