27.4.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 138/53
Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Frar 2015 – Amitié vs EACEA
(Kawża T-59/15)
(2015/C 138/71)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Amitié Srl (Bologna, l-Italja) (rappreżentant: D. Bogaert, avukat)
Konvenuta: L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA)
Talbiet
—
tiddikjara r-rikors ippreżentat kontra l-EACEA bħala ammissibbli;
—
tiddikjara li d-deċiżjoni tal-EACEA tas-26 ta’ Novembru 2014 ma hijiex fondata fid-dritt u, konsegwentement, tordna l-annullament immedjat tal-miżuri kollha adottati mill-EACEA kontra r-rikorrenti;
—
tiddikjara li n-nota ta’ debitu Nru 3241415195 għal ammont ta’ EUR 9 41 310,38 tat-12 ta’ Diċembru 2014 indirizzata lir-rikorrenti mill-EACEA ma hijiex dovuta;
—
tikkundanna lill-EACEA għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz ta’ dan ir-rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 256 u 272 TFUE, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali tiddikjara li d-deċiżjoni tal-EACEA tas-26 ta’ Novembru 2014 li tinkludi l-miżuri adottati kontra l-AMITIÉ sussegwentement għall-investigazzjoni mwettqa mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) ma hijiex fondata fid-dritt.
Ir-rikorrenti tibbaża r-rikors tagħha fuq żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq li l-miżuri adottati mill-EACEA kontra r-rikorrenti ma humiex iġġustifikati;
—
Il-kundizzjonijiet stabbiliti għall-applikazzjoni tal-miżuri ma humiex issodisfatti: ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2988/1995 (1) kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità;
—
Ksur tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali kif ukoll applikazzjoni żbaljata tar-Regolamenti Nru 966/2012 (2) u Nru 1268/2012 (3). Ebda waħda mill-miżuri (li jinsabu fid-deċiżjoni tal-EACEA tas-26 ta’ Novembru 2014) implementati kontra r-rikorrenti ma hija fondata fid-dritt. Sussidjarjament, l-irkupru tal-ammonti kollha mħallsa lir-rikorrenti jikkostitwixxi abbuż ta’ dritt u arrikkiment indebitu tal-EACEA.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq li l-investigazzjonijiet tal-OLAF u l-konklużjonijiet tiegħu ma humiex validi (ksur tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali u tar-regolamenti applikabbli)
—
L-investigazzjonijiet magħmula mill-OLAF kisru r-Regolament Nru 883/2013 (4) u/jew il-prinċipji ġenerali applikabbli f’dan il-każ;
—
Sa fejn id-deċiżjoni tal-EACEA hija bbażata fuq il-konklużjonijiet tal-OLAF sussegwentement għall-investigazzjonijiet tiegħu, l-assenza ta’ legalità li taffettwa l-investigazzjonijiet tal-OLAF u r-rapport neċessarjament taffettwa d-deċiżjoni tal-EACEA.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340).
(2) Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, p. 1).
(3) Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012, tad-29 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, p. 1.)
(4) Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Settembru 2013, dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy