27.4.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 138/56
Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Frar 2015 – Scandlines Øresund et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-68/15)
(2015/C 138/73)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Scandlines Øresund I/S (Helsingør, id-Danimarka), HH Ferries Helsingor ApS (Helsingør, id-Danimarka), HH-Ferries Helsingborg AB (Helsingborg, l-Isvezja) (rappreżentanti: M. Johansson, R. Azelius u P. Remnelid, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata; u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Din it-talba qed titressaq skont l-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-15 ta’ Ottubru 2014 taħt l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (fil-Każijiet SA.36558 u SA.38371 – Id-Danimarka, u SA.36662 – L-Isvezja, Għajnuna mogħtija lil Øresundsbro Konsortiet).
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u żbalji ta’ evalwazzjoni.
—
Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li l-finanzjament tal-Faċilitajiet Hinterland ma kienx jinvolvi għajnuna mill-Istat peress li l-miżuri kkonċernati ma kinux suġġetti għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u lanqas ma jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri.
—
Permezz tat-tieni parti, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tan-natura inkondizzjonata ta’ garanziji tal-Istat u d-dritt tal-Konsorzju li jista’ jiġi legalment implementat, sabiex jinkiseb finanzjament iggarantit mill-Istat kif ukoll rigward l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tan-numru ta’ garanziji mill-Istat.
—
Permezz tat-tielet u tar-raba’ partijiet, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-miżuri ta’ garanzija Svediżi jikkostitwixxu skema ta’ għajnuna kif ukoll għajnuna eżistenti.
—
Permezz tal-ħames parti, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li l-garanziji mill-Istat huma limitati għall-finanzjament tal-Kollegament Fiss.
—
Permezz tas-sitt parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jallegaw ksur tal-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE, peress li l-Kummissjoni ma kellhiex raġunijiet suffiċjenti sabiex tikkonstata l-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni bħala kompatibbli mas-suq intern.
—
Taħt is-sitt parti, ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi ma evalwatx l-effett kumulattiv tal-miżuri ta’ għajnuna differenti kollha direttament u indirettament mogħtija lill-Konsorzju.
—
Permezz tas-seba’ parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jallegaw applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu li tinbeda proċedura ta’ investigazzjoni formali.
—
It-tieni motiv huwa maqsum f’dsatax-il parti, li permezz tagħhom ir-rikorrenti jsostnu li l-eżami mwettaq mill-Kummissjoni kien insuffiċjenti u inkomplet, u li l-Kummissjoni fir-rigward ta’ diversi punti naqset milli ssegwi l-linji gwida u l-komunikazzjonijiet tagħha stess. Dawn in-nuqqasijiet jistabbilixxu l-eżistenza ta’ sensiela konsistenti ta’ indizji li turi li l-Kummissjoni ma kinitx kapaċi, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, tirriżolvi d-diffikultajiet serji kollha identifikati fil-każ inkwistjoni. Konsegwentement, il-Kummissjoni bi żball naqset milli tiżgura d-drittijiet proċedurali li r-rikorrenti jibbenefikaw minnhom skont l-Artikolu 108(2) TFEU.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.
—
Permezz tat-tielet u l-aħħar motiv, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq motivazzjoni insuffiċjenti. Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni naqset milli taċċerta li l-indikazzjonijiet u r-raġunijiet fid-deċiżjoni kkontestata kienu preċiżi biżżejjed għar-rikorrenti li jiddefendu d-drittijiet tagħhom u għall-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita s-setgħa ta’ stħarriġ tagħha. In-nuqqasijiet allegati fir-raġunament jikkonċernaw l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-Faċilitajiet Hinterland, il-garanziji tal-Istat, il-vantaġġi ta’ taxxa Daniżi, is–self mill-Istat Daniż u, fl-aħħar nett, il-fatt li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni rigward kompatibbiltà mas-suq intern u aspettattivi leġittimi huma bbażati fuq raġunament ċirkolari.
Full & Egal Universal Law Academy