20.4.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 127/34
Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Frar 2015 – AEDEC vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-91/15)
(2015/C 127/47)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrenti: Asociación Española para el Desarrollo de la Epidemiología Clínica (AEDEC) (Madrid, Spanja) (rappreżentant: R. López López, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni ta’ rifjut tal-finanzjament mitlub, adottata mid-Direttorat Ġenerali għar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, Direttorat E (saħħa), fil-kuntest tal-Avviż H2020-HCO-2014, riċevut fl-4 ta’ Settembru 2014, li jitlob eżami mill-ġdid tal-merti tal-proġett innifsu.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-prinċipji ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament; u dan abbażi tas-segwenti kunsiderazzjonijiet:
Il-konsorzju LATIN PLAN, ikkoordinat mill-AEDEC jistħoqqlu jikseb is-sussidju offrut fl-Avviż H2020-HCO-2014, u għaldaqstant id-deċiżjoni ta’ ċħid u dik li tikkonferma tali ċħid huma manifestament inġusti, fid-dawl tal-fatt li:
a).-
Il-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-proġett kienu jidentifikaw b’mod żbaljat il-koordinatur tal-proġett, u kienu indirizzati lil persuna li ma kinitx ir-rappreżentant legali, il-persuna ta’ kuntatt u l-koordinatur tal-proġett inkwistjoni. Dan il-fatt huwa importanti ħafna f’dan il-każ, peress li jirriżulta li l-imsemmija persuna ma għandha l-ebda konnessjoni mal-AEDEC u tifforma parti minn LATIN PLAN bħala membru tat-team Finlandiż.
Huwa evidenti li l-Kummissjoni Ewropea qieset li l-imsemmija persuna ma kienx jistħoqqilha s-sussidju, peress li ħasbet li din kienet tikkoordina l-proġett LATIN PLAN bħala parti mill-AEDEC u li fl-istess ħin kienet tifforma parti mit-team Finlandiż, abbażi tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ kumulu applikabbli fil-qasam tas-sussidji skont id-dritt Komunitarju, u li jistabbilixxi li l-ebda azzjoni ma tista’ tati lok għall-għoti ta’ iktar minn sussidju wieħed mill-baġit, favur l-istess benefiċjarju. Kull partner fit-team LATIN PLAN jitlob finanzjament. Għalhekk, li kieku kellu finalment jingħat s-sussidju lit-team, skont il-perċezzjoni żbaljata tal-Kummissjoni, il-persuna kkonċernata kienet tirċievi dħul bħala parti mill-AEDEC u bħala parti mit-team Finlandiż.
b).-
Ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-proġetti, jistabbilixxi li ma ġiex spjegat u ġġustifikat b’mod xieraq in-nuqqas ta’ simetrija li teżisti bejn il-finanzjamenti mitluba minn kull team membru tal-konsorzju LATIN PLAN, u li għal din ir-raġuni l-punti motija lilu ġew imnaqqsa. Din il-parti ma tiċħadx li hemm nuqqas ta’ simentrija fir-rigward tal-finanzjament mitlub mid-diversi teams/partners, iżda ma huwiex minnu li hija ma spjegatux. Speċifikatament, fit-taqsima tal-ġustifikazzjonijiet tal-finanzjament hemm spjegati perfettament u fid-dettall ir-raġunijiet għalfejn l-AEDEC hija l-partner li qed titlob l-iktar flus.
c).-
Barra minn hekk għandu jitqies li l-proġett huwa validu mill-perspettiva xjentifika. It-team kiseb 11-il punt mill-massimu possibbli ta’ 15, u qabeż il-punteġġ minimu ta’ 10 punti li jistabbilixxi l-avviż. Il-proġett inkwistjoni kiseb punteġġ ogħla minn oħrajn li ngħataw finanzjament, b’tali mod li d-deċiżjoni li tagħha qed jintalab l-annullament hija inġusta.
Full & Egal Universal Law Academy