11.5.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 155/30
Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Frar 2015 – Binca Seafoods vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-94/15)
(2015/C 155/35)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Binca Seafoods GmbH (München, il-Ġermanja) (rappreżentant: H. Schmidt, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1358/2014, tat-18 ta’ Diċembru 2014, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 fir-rigward tal-oriġini tal-annimali tal-akkwakultura organika, il-prattiki tat-trobbija tal-akkwakultura, l-għalf għall-annimali tal-akkwakultura organika u l-prodotti u s-sustanzi permessi għall-użu fl-akkwakultura organika (ĠU L 365, p. 97).
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (garanzija tal-libertà li jitmexxa negozju), kif ukoll tal-Artikoli 20 (l-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi) u 21 (nondiskriminazzjoni) tagħha minħabba inugwaljanza arbitrarja fit-trattament.
Ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni Ewropea pprevediet, fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, miżuri tranżitorji u regoli partikolari għal akkwakulturi organiċi oħra, filwaqt li naqset, b’mod arbitrarju, milli tipproroga l-perijodu tranżitorju previst fl-Artikolu 95(11) tar-Regolament (KE) Nruo889/2008 (1), li t-terminu tiegħu huwa ffissat għall-1 ta’ Jannar.
Il-Kummissjoni Ewropea taf li, minkejja li huwa minnu li l-Pangasius jitrabba f’kundizzjonijiet totalment ekoloġiċi mill-istaġun ta’ meta jbid, jibqa’ l-fatt li l-bidien tal-bajd mill-ommijiet imrobbija fl-akkwakultura organika għandu jkun ipprovokat bl-għoti ta’ ormoni. Peress li dan il-proċess ma huwiex konformi mar-regoli ġenerali tad-dritt futur tal-Unjoni dwar l-akkwakultura, u peress li metodi oħra sabiex jipprovokaw il-bidien qed jiġu żviluppati, huwa neċessarju li jiġi pprorogat il-perijodu tranżitorju.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-missjoni ta’ eżekuzzjoni tal-Kunsill
Ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni kisret l-awtorizzazzjoni li l-Kunsill taha sabiex thejji l-qafas regolatorju tad-dritt tal-Unjoni għall-akkwakultura ekoloġika b’tali prekawzjoni li l-progressi intiżi fit-teknika ta’ produzzjoni jitwaqqfu bl-iskadenza ta’ miżuri tranżitorji tal-akkwakulturi eżistenti, u mhux li akkwalkulturi ċċertifikati ekoloġiċi skont regoli rrikonoxxuti jiġu esklużi mis-suq organiku bl-iskadenza ta’ tali regoli ta’ 2009.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tal-libertà tal-kummerċ dinji
Il-Kummissjoni Ewropea ddikjarat ruħha deliberatament kontra r-rispett tar-regoli mhejjija konġuntament fil-Codex Alimentarius, filwaqt li ma opponietx ruħha fl-iskema/sistema ta’ dan il-kodiċi kontra l-applikazzjoni tar-regoli ġenerali, li jipprevedu li annimali li jkunu għadhom żgħar u li ġejjin mir-riproduzzjoni mhux organika jistgħu jiġu introdotti fl-akkwakultura ekoloġika, meta ma jkunux jistgħu jiġu rriprodotti fi trobbija ekoloġika, iżda hija sostniet din il-formulazzjoni konġuntament mal-Istati Membri l-oħra tal-Codex Alimentarius. L-Unjoni Ewropea ma tistax toħroġ minn dan il-kunsens mingħajr ma tikser l-obbligi li jirriżultaw mill-ftehim tad-WTO fuq l-ostakoli għall-kummerċ.
(1) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008, tal-5 ta’ Settembru 2008, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku (ĠU L 250, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy