27.4.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 138/62
Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Frar 2015 – Flabeg Deutschland vs Il-Kummisjoni
(Kawża T-103/15)
(2015/C 138/81)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Flabeg Deutschland GmbH (Nürnberg, il-Ġermanja) (rappreżentanti: M. Küper u E.-M. Schwind, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni tal-konvenuta tal-25 ta’ Novembru 2014 fil-proċedura “Għajnuna mill-Istat SA. 33995 (2013/C) (ex 2013/NN) – C (2014) 8786 finali”, b’mod partikolari l-Artikoli 1, 2, 3(1) u (2), 4 u 5 tagħha (attribuzzjoni tal-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat u konstatazzjoni tal-inkompatibbiltà tal-EEG 2012, inkluża l-iskema speċjali ta’ kumpens tagħha, mas-suq komuni) kif ukoll id-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikoli 6 u 7 tagħha (ordni ta’ rkupru parzjali immedjat mingħand il-benefiċjarji);
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv: il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107 TFUE ma humiex issodisfati.
Ir-rikorrenti ssostni li l-mekkaniżmu tat-taxxa EEG u l-iskema speċjali ta’ kumpens tal-EEG 2012 ma jikkostitwixxux għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Fil-każ li jeħtieġ li l-iskema speċjali ta’ kumpens tal-EEG 2012 titqies li hija għajnuna, din hija ġġustifikata skont l-Artikolu 107(3)(b) u (ċ) TFUE (promozzjoni tal-eżekuzzjoni ta’ proġett fuq skala kbira ta’ interess komuni Ewropew jew l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi mingħajr tfixkil tal-kundizzjonijiet tal-kummerċ fi grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni) u għalhekk ma hijiex kuntrarja għad-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat.
2.
It-tieni motiv: inapplikabbiltà tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni tal-ambjent u għall-enerġija (the Environmental and Energy State Aide Guidelines – Lijni Gwida), li huma determinanti għal pjan ta’ adattament.
Ir-rikorrenti ssostni li l-Linji Gwida, li huma determinanti għall-iffissar tal-ammont li għandu jiġi rkuprat konformement mal-Artikolu 3 tad-deċiżjoni inkwistjoni tal-konvenuta, u li jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2014 ma humiex applikabbli għaliha, fid-dawl tal-prinċipju ta’ legalità tal-azzjoni amministrattiva, li japplika wkoll fil-livell tal-UE, u minħabba l-fatt li l-istrumenti kkunsidrati, jiġifieri l-mekkaniżmu tat-taxxa EEG u l-iskema speċjali ta’ kumpens tal-EEG 2012, ma humiex għajnuna.
Full & Egal Universal Law Academy