11.5.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 155/32
Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Frar 2015 – Militos Symvouleftiki vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-104/15)
(2015/C 155/38)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Militos Symvouleftiki AE (Ateni, il-Greċja) (rappreżentant: S. Pappas, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni, tas-16 ta’ Diċembru 2014, li ċaħdet bħala infondata t-talba għal eżami tal-legalità, imressqa fit-23 ta’ Ottubru 2014 mir-rikorrenti, u li kkonfermat id-deċiżjoni tat-23 ta’ Settembru 2014 tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura, dwar l-ineliġibbiltà, inkwantu spejjeż ta’ persunal, ta’ remunerazzjoni mħallsa lis-soċji/azzjonisti tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ żewġ proġetti eżegwiti b’suċċess mill-imsemmija rikorrenti, jiġifieri l-proġett “Go Green – Green Business is smart business” (Ftehim Nru 510424-LLP-1-2010-1-GR-LEONARDO-LMP) u l-proġett “LadybizIT” (Ftehim Nru 2011-3052-518310-LLP-1-2011-1-GR-LEONARDO-LAM) u tiddikjara eliġibbli, inkwantu spejjeż ta’ persunal, l-ispejjeż li jikkorrispondu għas-servizzi “addizzjonali” pprovduti minn Olga Stavropoulou, Pavlos Aravantinos u Karamanlis fil-kuntest tal-imsemmija proġetti, jew, sussidjarjament, tiddikjara eliġibbli, taħt l-Artikolu II.14 tal-ftehim ta’ għoti u l-Anness III tiegħu, u dovuti lir-rikorrenti, biss l-ispejjeż li jikkorrispondu għas-servizzi “addizzjonali” pprovduti minn Olga Stavropoulou u Pavlos Aravantinos fil-kuntest taż-żewġ proġetti inkwistjoni;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll għal dawk sostnuti mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ din il-proċedura.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni.
—
Il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li d-distinzjoni bejn is-servizzi “tas-soltu” u s-servizzi “addizzjonali” pprovduti mis-soċji/azzjonisti fil-kuntest tal-proġetti inkwistjoni setgħet saret fid-dawl tan-natura tal-imsemmija servizzi, il-kliem u l-ispirtu tad-dispożizzjonijiet tal-istatuti tar-rikorrenti fis-seħħ f’dak iż-żmien, kif ukoll fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2010 tal-assemblea ġenerali tas-soċji/azzjonisti tar-rikorrenti.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni.
—
Il-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni, li l-kwalità ta’ amministratur, inkwantu tali, tipprekludih milli jipprovdi lir-rikorrenti servizzi oħra fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol ikkaratterizzat bl-eżistenza ta’ rabta ġenwina ta’ subordinazzjoni, tmur kontra l-ġurisprudenza stabbilita tal-qrati tal-Unjoni Ewropea. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti pprovdiet lill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura u lill-Kummissjoni provi biżżejjed biex jiġi stabbilit li l-kontroll eżerċitat mill-persuna responsabbli għall-proġett fuq l-amministratur kien reali u kien jissodisfa l-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza rigward l-eżistenza ta’ rabta ġenwina ta’ subordinazzjoni.
Full & Egal Universal Law Academy