26.5.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 171/26
Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Frar 2015 – Uganda Commercial Impex vs Il-Kunsill
(Kawża T-107/15)
(2015/C 171/31)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Uganda Commercial Impex Ltd (Kampala, Uganda) (rappreżentanti: S. Zaiwalla, P. Reddy, K. Mittal u Z. Burbeza, solicitors, u R. Blakeley, barrister)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/862/PESK (1) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1275/2014 (2) sa fejn dawn jikkonċernawha [inkluż l-inklużjoni tar-rikorrenti fil-punt b) 9 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2014/862/PESK];
—
sa fejn ikun meħtieġ tiddikkjara l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1183/2005 tat-18 ta’ Lulju 2005 (kif emendat) inapplikabbli għar-rikorrenti; u
—
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq li l-Kunsill ma wettaqx jew ma wettaqx b’mod adegwat evalwazzjoni indipendenti tal-inklużjoni tar-rikorrenti bħal ma kien obbligat li jagħmel, u wettaq żball ta’ liġi meta segwa d-deċiżjoni tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti mingħajr ma wettaq evalwazzjoni fuq il-livell tal-Unjoni.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni u/jew li l-inklużjoni tar-rikorrenti hija illegali għaliex il-kriterji għall-inklużjoni ma humiex sodisfatti fil-każ tar-rikorrenti. Iktar preċiżament, xejn ma jippermetti li jiġi allegat li r-rikorrenti kisret l-embargo fuq l-armi u l-Kunsill ma jista’ jistabbilixxi u/jew ma stabbilixxa l-ebda prova relevanti li tinsab fil-motivazzjonijiet tiegħu.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq li l-Kunsill kiser id-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti, b’mod partikolari d-drittijiet ta’ difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, b’mod partikolari billi naqas milli jipprovdi lir-rikorrenti, qabel ma adotta d-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2014/862/PESK u r-Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) Nru 1275/2014, l-elementi li hija bbażata fuqhom id-deċiżjoni li isimha jibqa’ inkluż u ma jindikax motivazzjoni adegwata.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq li l-inklużjoni tar-rikorrenti tikser fi kwalunkwe każ id-drittijiet fundamentali tagħha u l-prinċipju ta’ proporzjonalità.
(1) Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/862/PESK, tal-1 ta’ Diċembru 2014, li timplimenta d-Deċiżjoni 2010/788/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo (ĠU L 346, p. 36).
(2) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1275/2014, tal-1 ta' Diċembru 2014, li jimplimenta l-Artikolu 9(1) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 1183/2005 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra persuni li jaġixxu bi ksur għall-embargo tal-armi fir-rigward tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (ĠU L 346, p. 3).
Full & Egal Universal Law Academy