27.4.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 138/64
Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Marzu 2015 – Saint-Gobain Isover G+H et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-109/15)
(2015/C 138/83)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Saint-Gobain Isover G+H AG (Ludwigshafen am Rhein, il-Ġermanija), Saint-Gobain Glass Deutschland GmbH (Stolberg, il-Ġermanija), Saint-Gobain Oberland AG (Bad Wurzach, il-Ġermanija) u Saint-Gobain Sekurit Deutschland GmbH & Co. KG (Herzogenrath, il-Ġermanija) (rappreżentanti: S. Altenschmidt u H. Janssen, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 2014 fil-każ tal-għajnuna mill-Istat SA.33995 (2013/C) – Sostenn għal elettriku rinnovabbli u soprataxxa-EEG imnaqqsa għal utenti intensivi tal-enerġija, C(2014) 8786 finali;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tal-proċedura.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi:
1.
L-ewwel motiv: Ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE
Ir-rikorrenti jsostnu li t-tnaqqis tat-taxxa EEG ma hijiex għajnuna peress li ma hemm ebda għoti ta’ riżorsi tal-Istat u lanqas rinunzja għalihom. It-tnaqqis tat-taxxa EEG ma ssirx b’mod selettiv. Barra minn hekk, dan it-tnaqqis ma joħloqx distorsjoni tal-kompetizzjoni u lanqas ma jaffettwa l-kummerċ fis-suq intern.
2.
It-tieni motiv: Ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE
Fil-każ li, b’mod kuntrarju għall-pożizzjoni tar-rikorrenti, jirriżulta li hemm għajnuna, fil-fehma tar-rikorrenti, il-konvenuta, fi kwalunkwe każ, ma setgħetx teżiġi rkupru skont l-Artikolu 108(3) TFUE. Dan minħabba li t-tnaqqis tat-taxxa EEG ma jikkostitwixxix għajnuna ġdida, peress li l-leġiżlazzjoni preċedenti f’dan ir-rigward, li kienet identika fil-kontenut f’aspetti fundamentali, kienet diġà ġiet approvata mill-konvenuta fl-2002.
3.
It-tielet motiv: Ksur tal-Artikolu 107(3) TFUE
Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li d-deċiżjoni tikser l-Artikolu 107(3) TFUE u l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. F’dan ir-rigward, il-konvenuta ma kellhiex tevalwa l-fatti eżaminati minnha fuq il-bażi tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni tal-ambjent u għall-enerġija 2014-2020, li ġew ippubblikati biss fit-28 ta’ Ġunju 2014. Minflok, hija kellha tapplika l-linji gwida ppubblikati fl-2008. Fuq il-bażi tal-istandard tal-2008, il-konvenuta setgħet biss tasal għall-konklużjoni li l-allegata għajnuna kienet kompatibbli mas-suq intern.
4.
Ir-raba’ motiv: Ksur tal-Artikolu 108(1) TFUE
Finalment, ir-rikorrenti jsostnu li, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fi proċedura li tirrigwarda għajnuna ġdida, il-konvenuta kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-Artikolu 108(1) TFUE. Peress li l-konvenuta kienet approvat il-leġiżlazzjoni li ppreċediet il-Liġi dwar l-EEG tal-2012, hija kellha tieħu deċiżjoni fi proċedura li tirrigwarda għajnuna eżistenti u mhux proċedura li tirrigwarda għajnuna ġdida.
Full & Egal Universal Law Academy