11.5.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 155/33
Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Marzu 2015 – RFA International vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-113/15)
(2015/C 155/39)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: RFA International, LP (Calgary, il-Kanada) (rappreżentanti: B. Evtimov and M. Krestiyanova, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla, totalment jew parzjalment, id-Deċiżjonijiet ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni C(2014) 9805 finali, C(2014) 9806 finali, C(2014) 9807 finali, C(2014) 9808 finali, C(2014) 9811 finali, C(2014) 9812 finali u C(2014) 9816 finali, tat-18 ta’ Diċembru 2014, dwar applikazzjonijiet għar-rimbors ta’ dazji antidumping imħallsa fuq importazzjonijiet ta’ ferrosilikon li joriġina mir-Russja.
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-argument li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi li jirriżulta minn ksur u/jew minn interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku antidumping (1) u/jew żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeċidiet li entità ekonomika unika ma hijiex rilevanti, inkluż għall-finijiet ta’ stħarriġ ġudizzjarju, għall-finijiet tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku. Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll il-konklużjoni li tirriżulta konsegwentement, fis-sens li kien f’loku tnaqqis totali għall-ispejjeż tal-bejgħ kollha u l-profitt kollu, inklużi l-ispejjeż relatati mal-esportazzjoni u profitt raġonevoli ta’ importatur indipendenti, mill-prezz tal-esportazzjoni kkalkolat;
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 11(10) tar-Regolament bażiku antidumping (2) u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni minħabba t-tnaqqis, magħmul mill-Kummissjoni, tad-dazji antidumping mill-prezz tal-esportazzjoni maħluq. Skont ir-rikorrenti, anki jekk tiġi segwita l-metodoloġija tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni kien imissha ddeċidiet li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 11(10) kienu ssodisfatti tal-inqas f’dak li jikkonċerna parti mill-ammonti li għalihom saret applikazzjoni. It-tieni motiv huwa bbażat ukoll fuq ksur tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku li jirriżulta mill-metodoloġija tal-Kummissjoni sabiex jiġi evalwat jekk id-dazji humiex debitament riflessi fil-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid, metodoloġija li kienet differenti minn dik użata fl-aħħar investigazzjoni li wasslet għad-dazju;
3.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku antidumping (3) u tal-Artikolu 18.3.1 tal-Ftehim antidumping tad-WTO, ksur li seħħ meta l-Kummissjoni, sabiex tiddetermina l-valuri normali kkalkolati, applikat metodoloġija ġdida u ma setgħetx tiġġustifika din il-metodoloġija permezz ta’ xi bdil rilevanti fiċ-ċirkustanzi.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51).
(2) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51).
(3) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51).
Full & Egal Universal Law Academy