27.4.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 138/66
Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Marzu 2015 – Proforec vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-120/15)
(2015/C 138/85)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Proforec Srl (Recco, l-Italja) (rappreżentanti: G. Durazzo, M. Mencoboni u G. Pescatore, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/39, tat-13 ta’ Jannar 2015, ikkontestat għall-motiv espost fil-premessi ta’ dan ir-rikors, li qed jiġu miktuba mill-ġdid u ripetuti hawnhekk;
—
b’konsegwenza tal-annullament, timplementa l-atti u l-miżuri ta’ implementazzjoni kollha neċessarji għall-annullament tal-iskrizzjoni tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Focaccia di Recco col formaggio” mir-Reġistru tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż legali ta’ din il-kawża. Fil-każ li dan ir-rikors jiġi miċħud, quod non, qed jintalab kumpens għall-ispejjeż legali.
Motivi u argumenti prinċipali
Skont ir-rikorrenti, ir-Regolament ta’ implementazzjoni kkontestat jipprekludiha milli tkompli tikkumerċjalizza l-prodott tagħha minkejja li hija hija l-proprjetarju ta’ trade marks irreġistrati ħafna qabel id-data tal-preżentazzjoni quddiem il-Kummissjoni tat-talba għal protezzjoni u minkejja li huwa paċifiku u mhux ikkontestat li sa mill-2006, jiġifieri għal iktar minn ħames snin, hija kienet legalment ikkumerċjalizzat il-prodott tagħha fl-Unjoni Ewropea.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Novembru 2012, dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, p. 1).
—
F’dan ir-rigward ir-rikorrenti ssostni li d-dħul fis-seħħ tar-Regolament ikkontestat ma kienx jipprevedi u lanqas ma jipprevedi xi perijodu tranżitorju li jippermetti l-eżawriment tal-istokkijiet u tal-ippakkjar.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq il-kontradizzjoni bejn il-premessi 5, 6 u 7 tar-Regolament ikkontestat.
—
F’dan ir-rigward ir-rikorrenti ssostni l-kontradizzjoni bejn il-premessi 5 u 6, u l-premessa 7 u l-protezzjoni surrettizja anki ta’ denominazjoni li ma ntalbitx fil-livell tar-reġistrazzjoni u li tista’ toħloq konfużjoni fir-rigward tal-indikazzjoni ġeografika tal-ingredjent prinċipali.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq l-interpretazzjoni żbaljata u abbużiva li l-Kummissjoni għamlet tal-fatti.
—
Fir-rigward ta’ dan il-punt ir-rikorrenti ssostni li l-premessa 9 tagħmel riferiment għal allegat dannu għall-prodotti eżistenti u tiċħad l-eżistenza tiegħu. Madankollu dan id-dannu ma huwiex fittizzju iżda reali u t-talbiet tal-konsorzju li qed jagħmel it-talba taw lok għal aġir antikompetittiv, li jista’ jikkawża dannu illegali lill-kompetituri eżistenti fis-suq, billi jikkawża leżjoni għad-drittijiet kweżiti tagħhom permezz tal-abbuż ta’ poter tal-Kummissjoni.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq id-dekadenza tal-protezzjoni provviżorja.
—
Fir-rigward ta’ dan il-punt ir-rikorrenti ssostni li l-premessa 10 tar-Regolament ikkontestat fiha espożizzjoni żbaljata tal-fatti, sa fejn il-protezzjoni tranżitorja nazzjonali fl-Italja ddekadiet minħabba l-assenza ta’ adozzjoni ta’ pjan ta’ awtokontroll tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ produzzjoni.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(e) tar-Regolament Nru 1151/2012.
—
F’dan ir-rigward ir-rikorrenti ssostni li r-Regolament ikkontestat, billi jipprojbixxi l-iffriżar u prattiki ta’ konservazzjoni, jagħmel leġittimi aġiri illeġittimi min-naħa tal-konsorzju li qed jagħmel it-talba li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni u kontra l-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi, bil-konsegwenza li l-Kummissjoni tiżnatura l-portata effettiva tad-dispożizzjonijiet tal-premessi 11 u 12, bi ksur manifest tar-Regolament Nru 1151/2012.
Full & Egal Universal Law Academy