8.6.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 190/15
Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Marzu 2015 – Parker Hannifin Manufacturing and Parker-Hannifin vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-137/15)
(2015/C 190/19)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Parker Hannifin Manufacturing Srl (Corsico, l-Italja); u Parker-Hannifin Corp. (Mayfield Heights, l-Istati Uniti) (rappreżentanti: B. Amory, F. Marchini Camia, u É. Barbier de La Serre, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tiddikjara r-rikors ammissibbli;
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata safejn din timponi l-interessi moratorji fl-ammont ta’ EUR 1 8 59 949,04;
—
sussidjarjament, tnaqqas, fejn xieraq, l-ammont tal-interessi moratorji; u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż proprji tagħha kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrenti.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti jinvokaw motiv prinċipali u, sussidjarjament, seba’ motivi oħra.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-eċċess ta’ poter li jivvizzja d-deċiżjoni kkontestata.
—
Ir-rikorrenti jallegaw li ma teżisti l-ebda bażi legali li tippermetti li jiġu imposti l-interessi moratorji, peress li l-multa tħallset fit-terminu stabbilit fid-deċiżjoni li timponiha.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-assenza jew l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.
—
Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata la tindika l-bażi legali u lanqas dik fattwali sabiex tiġġustifika l-impożizzjoni tal-interessi moratorji f’dan il-każ.
3.
It-tielet motiv huwa ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
—
Ir-rikorrenti jsostnu li l-impożizzjoni tal-interessi moratorji hija sproporzjonata fir-rigward tal-għan ta’ dan it-tip ta’ interessi.
4.
Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.
—
Ir-rikorrenti jirrilevaw li l-Kummissjoni imponiet l-interessi moratorji bir-rata ta’ 6 % f’dan il-każ, filwaqt li, meta rrimborsat parti mill-multa lir-rikorrenti hija ħallset l-arretrati bir-rata ta’ 1,06 %.
5.
Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi.
—
Ir-rikorrenti jsostnu li huma ma setgħux jantiċipaw, abbażi tad-deċiżjoni li timponi l-multa u tar-regolament iddelegat, l-impożizzjoni tal-interessi moratorji f’dan il-każ. Barra minn hekk, huma jsostnu li huma setgħu b’mod leġittimu jippretendu li l-Kummissjoni ma timponix interessi moratorji f’dan il-każ.
6.
Is-sitt motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 266 TFUE u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.
—
Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 266 TFUE sa fejn din iċċaħħdu mill-effett utli tiegħu u li din tikser id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, peress li sabiex isostnu d-dritt fundamentali tagħhom ta’ kumpens għad-danni, ir-rikorrenti qegħdin jaffaċċjaw l-impożizzjoni ta’ rata ta’ interess manifestament sproporzjonata.
7.
Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq arrikkiment indebitu.
—
Ir-rikorrenti jsostnu li l-impożizzjoni tal-interessi moratorji f’dan il-każ tikkostitwixxi arrikkiment indebitu favur il-Kummissjoni.
8.
It-tmien motiv huwa bbażat fuq użu ħażin ta’ poter.
—
Ir-rikorrenti jsostju li l-interessi moratorji li ġew imposti fuqhom iwasslu għal riżultat li jiddevja totalment mill-għanijiet li fuqhom hija msejsa d-delega lill-Kummissjoni tas-setgħa li tistabbilixxi l-interessi moratorji.
Full & Egal Universal Law Academy