15.6.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 198/39
Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Marzu 2015 – Aanbestedingskalender et vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża T-138/15)
(2015/C 198/53)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Aanbestedingskalender BV (Ede, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi); Negometrix BV (Amsterdam, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi); CTM Solution BV (Breukelen, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi); Stillpoint Applications BV (Amsterdam, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi); u Huisinga Beheer BV (Amsterdam, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentanti: C. Dekker u L. Fiorilli, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla, skont l-Artikoli 263 u 264 TFUE, il-parti tad-deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2014 tal-Kummissjoni Ewropea, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.34646 (2014/NN) (ex 2012/CP) – Il-pjattaforma elettronika tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi tal-għoti tal-kuntratti TenderNed, fejn ġie konkluż li l-attivitajiet tad-TenderNed jistgħu jitqiesu bħala servizzi ta’ interess ġenerali (mhux ekonomiku) u li, konsegwentement, l-implementazzjoni u l-finanzjament tad-TenderNed ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tagħha u għal dawk sostnuti mir-rikorrenti; u
—
tadotta azzjonijiet addizzjonali li l-Qorti Ġenerali tqis xierqa.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw motiv.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u żball ta’ liġi meta ddeċidiet li s-servizzi tad-TenderNed jistgħu jitqiesu bħala servizzi ta’ interess ġenerali (mhux ekonomiku).
—
Ir-rikorrenti jsostnu li l-attivitajiet tad-TenderNed huma ta’ natura ekonomika u ma jaqgħux taħt prerogattiva tal-Istat, peress li dawn is-servizzi ma jirriżultawx mill-obbligi previsti mid-direttivi tal-Unjoni dwar l-għoti tal-kuntratti, li TenderNed ma taġixxix bħala awtorità pubblika, li l-attivitajiet ta’ TenderNed ma humiex neċessarji sabiex jiggarantixxu l-konformità mad-direttivi tal-Unjoni dwar l-għoti tal-kuntratti, li din il-konformità tista’ tiġi assigurata permezz ta’ mezzi oħra u li d-dritt tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar il-kuntratti pubbliċi jippermetti l-inizjattivi kummerċjali fuq is-suq tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi elettroniċi.
Full & Egal Universal Law Academy