8.6.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 190/17
Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Marzu 2015 – L-Ungerija vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-139/15)
(2015/C 190/20)
Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż
Partijiet
Rikorrenti: L-Ungerija (rappreżentanti: M.Z. Fehér, G. Koós u A. Pálfy, aġenti)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla parzjalment id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni C(2015) 53, tas-16 ta’ Jannar 2015, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), sa fejn, f’dak li jirrigwarda l-Ungerija, teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni EUR 1 1 7 09 400 fir-rigward tal-fond għar-ristrutturazzjoni taz-zokkor.
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta r-rekwiżit li l-Kummissjoni tqis applikabbli, iżda li ma jidhirx espliċitament fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawżi magħquda C-187/12 u C-189/12, SFIR et, li tghid li fil-kuntest tal-eżami tal-applikabbiltà tal-eċċezzjonijiet li jinsabu fis-sentenza huwa importanti l-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-għajnuna li għaliha tirreferi l-esklużjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata. Din il-konklużjoni, skont ir-rikorrenti, minn naħa, tmur kontra l-loġika tal-programm ta’ ristrutturazzjoni u min-naħa l-oħra, tinjora għal kollox l-istaġjonalità tal-produzzjoni taz-zokkor u tpoġġi f’dubju l-applikabbiltà prattika tal-eċċezzjonijiet.
Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li, anki jekk l-interpretazzjoni ġuridika tal-Kummissjoni jkollha tirriżulta korretta, f’dak li jirrigwarda l-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni – b’mod partikolari l-klassifikazzjoni tas-silos — kien hemm diffikultajiet manifesti ta’ interpretazzjoni, u għalhekk, minħabba l-inċertezza, li kieku l-Kummissjoni naqqset il-kwantità eskluża mill-finanzjament tal-Unjoni hija kienet tkun qed taġixxi b’mod konformi mad-dritt, fid-dawl tad-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni inerenti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, u indipendentement mill-esklużjoni.
Full & Egal Universal Law Academy