10.8.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 262/27
Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Marzu 2015 – Ben Ali vs Il-Kunsill
(Kawża T-149/15)
(2015/C 262/37)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Sirine (Cyrine) Bent Zine El Abidine Ben Haj Hamda Ben Ali (Tuneż, it-Tuneżija) (rappreżentant: S. Maktouf, avukat)
Konvenuta: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/72/PESK, tal-31 ta’ Jannar 2011, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija (ĠU L 28, p. 62) u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 101/2011, tal-4 ta’ Frar 2011, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija (ĠU L 31, p. 1), kif aġġornata (1) u emendata (2) b’mod regolari (iktar 'il quddiem l-“atti kkontestati”), sa fejn jinnominaw lir-rikorrenti,
—
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Ir-rikorrenti ssostni li l-motivi li minħabba fihom ittieħdu s-sanzjonijiet ma humiex iktar validi fid-dawl tal-bidliet li seħħew fuq il-livell politiku fit-Tuneżija.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Ir-rikorrenti ssostni li l-proċedura penali nazzjonali mibdija fil-konfronti tagħha ħadet fit-tul u li, konsegwentement, ma jistax jintqal li l-ksur li minħabba fih ittieħdu sanzjonijiet kien is-suġġett ta’ investigazzjoni “ġenwina”.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti. Ir-rikorrenti tqis li l-motivi invokati mill-Kunsill sabiex jiġġustifika l-inklużjoni tagħha fil-lista jirrepetu biss il-motivi li minħabba fihom ittieħdu s-sanzjonijiet.
Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet fundamentali. Ir-rikorrenti tqis li hija kienet suġġetta għal miżuri arbitrarji intiżi li jiffaċilitaw is-sekwestru futur tal-assi tagħha. Hija tinvoka, konsegwentement, ksur tad-dritt tagħha għall-proprjetà u għall-preżunzjoni ta’ innoċenza.
Il-ħames motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Ir-rikorrenti ssostni li l-motivi invokati mill-Kunsill, kif ukoll id-dispożizzjonijiet legali nazzjonali li fuqhom dawn huma bbażati, ma humiex konformi mal-motivi li minħabba fihom ittieħdu s-sanzjonijiet.
(1) Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/50/PESK, tas-27 ta’ Jannar 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2011/72/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija (ĠU L 27, p. 11), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/72/PESK, tal-31 ta’ Jannar 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2011/72/PESK, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija (ĠU L 32, p. 20).
(2) Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/49/PESK, tat-30 ta’ Jannar 2014, li temenda d-Deċiżjoni 2011/72/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija (ĠU L 28, p. 38), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 81/2014, tat-30 ta’ Jannar 2014, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 101/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija (ĠU L 28, p. 2).
Full & Egal Universal Law Academy