8.6.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 190/20
Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Marzu 2015 – EFB vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-151/15)
(2015/C 190/23)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: European Federation of Biotechnology (EFB) (Liège, il-Belġju) (rappreżentanti: M. Troncoso Ferrer u S. Moya Izquierdo, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;
—
tiddikjara li r-rikorrenti hija responsabbli biss għall-ammont ta’ EUR 5 638,22;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tiddikjara li l-Kummissjoni Ewropea kisret l-obbligi kuntrattwali tagħha taħt il-Kuntratt tal-20 ta’ Diċembru 2005 relatat mal-proġett għall-European Action [on] Global Life Sciences – Food Forum bir-referenza LSSP-CT-2005-512135 (iktar ’il quddiem il-“Kuntratt”) u ssostni li hija responsabbli għall-ammont ta’ EUR 5 638,22 u mhux għall-EUR 86 676,42 mitluba mill-Kummissjoni Ewropea.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward ta’ sensiela ta’ spejjeż eliġibbli, liema fatt jikkostitwixxi żball fl-evalwazzjoni tal-provi kuntrarju għall-Artikolu 1315 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan;
—
Ir-rikorrenti ssostni li n-nota ta’ debitu maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea hija bbażata fuq il-konklużjonijiet tar-rapport ta’ verifika finali iżda li l-evalwazzjoni mwettqa mill-awdituri tal-Kummissjoni Ewropea għall-ħruġ ta’ dan ir-rapport ma kinitx korretta fir-rigward ta’ numru ta’ spejjeż, b’mod partikolari spejjeż ta’ persunal u spejjeż relatati ma’ ċerti avvenimenti. Għalhekk, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet nota ta’ debitu bbażata fuq estimi inkorretti u naqset milli tipprova fatti sabiex tissostanzja l-allegazzjonijiet tagħha, bi ksur tal-Artikolu 1315 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan u, konsegwentement, bi ksur kuntrattwali.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikoli II.20 u II.6 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-Kuntratt if ukoll tal-Artikolu 1347 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan peress li l-Kummissjoni Ewropea b’mod żbaljat ikkonkludiet li spejjeż relatati max-xogħol ta’ ċerti membri tal-persunal ma kinux eliġibbli peress li dawn il-membri ma kellhomx kuntratt validu ta’ impjieg mar-rikorrenti.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 1134 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan u tal-prinċipju ta’ eżekuzzjoni ta’ kuntratt in bona fide.
—
Ir-rikorrenti ssostni, b’mod speċifiku, i) li hija ma ngħatatx l-opportunità li tiddefendi lilha nnifisha billi tispjega lill-Kummissjoni Ewropea kull nuqqas ta’ ftehim jew żball minuri li seħħ fl-eżekuzzjoni tal-Kuntratt, ii) li d-differenza finanzjarja enormi bejn l-ewwel abbozz tar-rapport ta’ verifika u r-rapport ta’ verifika finali juri b’mod ċar li kien hemm nuqqas ta’ korrettezza u ta’ prudenza, u iii) li numru ta’ żbalji ta’ kalkolu u ta’ ineżattezzi fiċ-ċifri fir-rapport ta’ verifika finali kollu ħolqu problema sabiex ir-rikorrenti tifhem sew l-akkużi magħmula mill-Kummissjoni Ewropea.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea billi rrifjutat li tirrimborsa wħud mill-ispejjeż.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.
—
Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni Ewropea aċċettat il-fatt li r-rikorrenti kienet assistita minn entità ġuridika oħra u għaldaqstant ħolqot aspettattiva leġittima li l-ispejjeż li rriżultaw minn din ir-relazzjoni hija perfettament eliġibbli.
6.
Is-sitt motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ ċarezza fir-regoli applikabbli tas-Sitt Programm-Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku.
—
Ir-rikorrenti ssostni li skont l-Artikolu 1162 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan, fejn jirriżulta li hemm inċertezza, ftehim għandi jiġi interpretat kontra min jistipulah u favur min jikkuntratta l-obbligu. Ir-regoli kuntrattwali applikabbli għas-Sitt Programm-Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku jirriżultaw minn klawżoli “standard” stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea, li magħhom ir-rikorrenti ma kellhiex għażla oħra ħlief li tikkonforma, fejn b’hekk kienet il-parti li kkuntrattat l-obbligu. Din is-sitwazzjoni, flimkien mal-fatt li dawn il-klawżoli joħlqu problemi evidenti ta’ interpretazzjoni, hekk kif jirriżulta min-numru kbir ta’ rikorsi bihom bħala suġġett quddiem il-Qorti Ġenerali, tiġġustifika l-fatt li l-inċertezza għandha tibbenefika lir-rikorrenti. L-interpretazzjoni tar-regola tal-Artikolu 1162 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan jippermetti lill-qorti tinterpreta d-dispożizzjonijiet redatti b’mod ħażin jew li huma ambigwi kontra l-awtur tagħhom, jiġifieri l-Kummissjoni.
Full & Egal Universal Law Academy