8.6.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 190/21
Appell ippreżentat fil-31 ta’ Marzu 2015 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija fit-22 ta’ Jannar 2015 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawżi F-1/14 u F-48/14, Kakol vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-152/15 P)
(2015/C 190/24)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentani: J. Currall u G. Gattinara, avukati)
Partijiet oħra fil-proċedura: Danuta Kakol (Lussemburgu, il-Lussemburgu)
Talbiet
L-appellanti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-22 ta’ Jannar 2015 fil-Kawżi magħquda F-1/14 u F-48/14, Kakol vs Il-Kummissjoni;
—
tibgħat lura r-rikors F-48/14 quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, billi l-appellanti rtirat ir-rikors tagħha fil-Kawża F-1/14;
—
tirriserva l-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka tliet aggravji.
1.
L-ewwel aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi, billi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (iktar ’il quddiem it-“TSP”) qies, fil-preżenza ta’ kundizzjonijiet għall-ammissjoni “simili”, li bord tal-għażla huwa obbligat jimmotiva d-deċiżjoni li ma jaċċettax kandidat għall-eżamijiet fid-dawl tal-evalwazzjoni mogħtija minn bord tal-għażla ieħor f’kompetizzjoni oħra fir-rigward tal-istess kandidat.
2.
It-tieni aggravju bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, billi t-TSP irrikonoxxa li n-nazzjonalità tal-kandidati kienet kundizzjoni għall-ammissjoni miżjuda mal-oħrajn iżda li, minkejja dan, ma kinitx ta’ natura li tiddistingwi ż-żewġ avviżi ta’ kompetizzjoni inkwistjoni.
3.
It-tielet aggravju bbażat fuq żnaturament ta’ element essenzjali tal-proċess, billi t-TSP qies li l-bord tal-għażla ma spjegax f’hiex id-deċiżjoni tiegħu kienet differenti minn dik tal-bord tal-għażla preċedenti, meta l-Kummissjoni kkompletat b’mod ċar din il-motivazzjoni, kemm fl-atti tagħha kif ukoll fis-seduta.
Full & Egal Universal Law Academy