8.6.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 190/25
Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Marzu 2015 – L-Estonja vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-157/15)
(2015/C 190/29)
Lingwa tal-kawża: l-Estonjan
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Estonja (rappreżentant: Kristi Kraavi-Käerdi)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2015)53, tas-16 ta’ Jannar 2015, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (1), sa fejn din tirrigwarda lir-Repubblika tal-Estonja fir-rigward ta’ ammont ta’ EUR 6 91 746,53;
—
tordna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti tikkontesta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2015)53, tas-16 ta’ Jannar 2015, sa fejn din tirrigwarda lir-Repubblika tal-Estonja għall-perijodu bejn is-sena 2009 u s-sena 2011 fl-ammont ta’ EUR 6 91 746,53.
Insostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
L-ewwel motiv: Id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata minħabba li l-Kummissjoni kkonstatat u evalwat b’mod żbaljat il-fatti li fuqhom hija bbażata l-istess deċiżjoni u applikat b’mod żbaljat id-dritt tal-Unjoni, u b’hekk waslet għall-konklużjoni żbaljata li l-Estonja ppreġudikat ir-riżorsi tal-Unjoni.
It-tieni motiv: Il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-Artikolu 52(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (2) inkwantu dan ġie applikat b’mod żbaljat, sa fejn bid-deċiżjoni kkontestata ġiet stabbilita rata fissa ta’ 2 % bħala korrezzjoni finanzjarja fir-rigward tal-Estonja.
It-tielet motiv: Il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba billi ma vverifikatx u ma kkunsidratx fid-dettall il-provi kollha mressqa mir-rikorrenti.
Ir-raba’ motiv: Il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali, sa fejn kienet tal-fehma li l-istandard KAAT kellu jiġi applikat għall-elementi rurali u l-applikazzjoni tiegħu kellha tibqa’ tiġi vverifikata perijodikament anki fis-sena 2009.
(1) ĠU L 16, p. 33.
(2) Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008. (ĠU L 347, p. 549).
Full & Egal Universal Law Academy