1.6.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 178/22
Rikors ippreżentat fit-2 ta’ April 2015 – Delta Group agroalimentare Srl vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-163/15)
(2015/C 178/22)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Delta Group agroalimentare Srl (Porto Viro, l-Italja) (rappreżentant: V. Migliorini, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tiddikjara nulla u mingħajr effett u f’kull każ tannulla l-ittra tal-Kummissjoni Ewropea bir-referenza Ares (2015) 528512 tad-9 ta’ Frar 2015 – Direttur Ġenerali tal-agrikoltura u tal-iżvilupp rurali, Jerry Plewa, indirizzata lil G. Scabin, rappreżentant legali tar-rikorrenti, irċevuta fl-istess data, li tiċħad it-talba tar-rikorrenti tat-13 ta’ Jannar 2015 għal miżura abbażi tal-Artikolu 219(1) jew tal-Artikolu 221 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u, b’mod partikolari, dik relattiva għall-iffissar ta’ rifużjonijiet tal-esportazzjoni skont l-Artikolu 196 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, fis-settur tal-laħam tat-tjur;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-Artikolu 219(1) u tal-Artikolu 221 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, p. 671).
—
Ir-rikorrenti tosserva f’dan ir-rigward li l-affermazzjoni tal-Kummissjoni, li tgħid li l-istatistika tal-kummerċ għall-ewwel 11-il xahar tal-2014 turi żieda ta’ 5 % tal-esportazzjonijiet meta mqabbel mal-istess perijodu tal-2013, hija kkontestata mit-tabella tal-lemin, li tinsab fil-paġna 19 tar-rapport dwar is-sitwazzjoni tas-suq tal-laħam tat-tjur tal-Kumitat għall-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli tat-22 ta’ Jannar 2015, ikkwotat mill-Kummissjoni, li juri li, matul l-ewwel 11-il xahar tal-2013, l-esportazzjonijiet ta’ laħam tat-tjur tal-Unjoni kienu jirrappreżentaw EUR 1 93 6 0 00 000, filwaqt li matul l-ewwel 11-il xahar tal-2014 dawn kienu laħqu biss EUR 1 88 6 8 38 000, u b’hekk irreġistraw tnaqqis ta’ 2,5 % u mhux żieda ta’ 5 %, u li l-Kummissjoni evalwat b’mod żbaljat ukoll il-prezzijiet, iddefiniti bħala “stabbli”, filwaqt li kienu juru tnaqqis kbir ta’ 8 %, hekk kif turi l-paġna 9 tar-rapport, u b’hekk wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret l-Artikolu 219(1) kif ukoll l-Artikolu 221 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tar-rekwiżiti proċedurali sostanzjali u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
—
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad it-talba għal miżuri skont l-Artikolu 221 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ittieħdet mingħajr notifika bil-quddiem lill-Kumitat għall-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli u għalhekk bi ksur tar-rekwiżiti proċedurali sostanzjali stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, applikabbli bis-saħħa tar-riferenza li saret mill-Artikolu 229 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, li dan stess saret riferenza għalih mill-Artikolu 221 ta’ dan l-istess Regolament.
Full & Egal Universal Law Academy