13.7.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 228/17
Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Marzu 2015 – European Dynamics Luxembourg u Evropaïki Dynamiki vs Il-Parlament Ewropew
(Kawża T-164/15)
(2015/C 228/21)
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Partijiet
Rikorrenti: European Dynamics Luxembourg SA (Lussemburgu, il-Lussemburgu), Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (Ateni, il-Greċja) (rappreżentanti: Ι. Ambazis u M. Sfiri, avukati)
Konvenuta: Il-Parlament Ewropew
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ġiet innotifikata lir-rikorrenti bl-ittra Nru D (2015)7680 tat-13 ta’ Frar 2015 u li kklassifikat l-offerta tar-rikorrenti fit-tielet pożizzjoni f’wieħed minn tmien lottijiet, iktar preċiżament il-lott 3, fil-kuntest tal-proċedura bil-miftuħ ta’ sejħa għal offerti Nru 2014/S 066-111912 imsejħa “PE/ITEC-ITS14 Provvista ta’ servizzi IT esterni”;
—
tikkundanna lill-Parlament jikkumpensa d-dannu subit mir-rikorrenti abbażi tat-telf tal-opportunità li jiġu kklassifikati fl-ewwel pożizzjoni għall-lott 3 tal-kuntratt qafas ITS14, liema dannu dawn jevalwaw ex aequo et bono għal miljun u ħames mitt elf euro (EUR 1 5 00 000,00), flimkien mal-interessi mid-data tas-sentenza li għandha tingħata jew għal kull ammont ieħor iddeterminat mill-Qorti Ġenerali; u
—
tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż kollha tar-rikorrenti
Motivi u argumenti prinċipali
Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata abbażi tal-Artikolu 263 TFUE minħabba li l-Parlament kiser:
1.
l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu sa fejn dan ipprovda motivazzjoni insuffiċjenti f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-offerta teknika li biha r-rikorrenti pparteċipaw fis-sejħa għall-offerti inkwistjoni u sa fejn dan ma pprovdilhomx informazzjoni finanzjarja relattiva għall-offerti tal-konsorzji magħżula;
2.
it-termini tad-dokumenti kuntrattwali (speċifikazzjonijiet tas-sejħa għall-offerti u direttivi kumplimentari) li kien fassal huwa stess, sa fejn dan applika, fl-evalwazzjoni tal-offerti finanzjarji tal-parteċipanti, metodu ta’ kalkolu li kien differenti minn dak previst fid-dokumenti ċċitati iktar ’il fuq; u
3.
it-termini tad-dokumenti kuntrattwali u tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, sa fejn dan evita li jidentifika u li jeżamina l-kwistjoni tal-offerti anormalment baxxi.
Full & Egal Universal Law Academy