13.7.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 228/18
Rikors ippreżentat fis-7 ta’ April 2015 – Ryanair u Airport Marketing Services vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-165/15)
(2015/C 228/22)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Ryanair Ltd (Dublin, l-Irlanda) u Airport Marketing Services Ltd (Dublin) (rappreżentanti: G. Berrisch, E. Vahida, u G. Metaxas-Maranghidis, avukati, u B. Byrne, Solicitor)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla l-Artikolu 1(1) u (2) kif ukoll l-Artikoli 3, 4 u 5 (sa fejn dawn jirrigwardaw l-Artikolu 1(1) u (2)) tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tat-23 ta’ Lulju 2014, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.22614 li tiddikajar li Ryanair u Airport Marketing Services irċevew mill-Kamra tal-kummerċ u tal-industrija ta’ Pau-Béarn għajnuna mill-Istat illegali, inkompatibbli mas-suq intern; u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, sa fejn il-Kummissjoni ma ppermettietx lir-rikorrenti jaċċedu għall-fajl tal-investigazzjoni u ma poġġiethomx f’sitwazzjoni fejn ikunu jistgħu jagħmlu validament l-osservazzjonijiet tagħhom.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni imputat b’mod żbaljat il-miżuri kkonċernati lill-Istat.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni rrifjutat b’mod żbaljat li tibbaża ruħha fuq analiżi komparattiva, li kienet twassalha sabiex tasal għall-konklużjoni li r-rikorrenti ma ngħatawx għajnuna. Sussidjarjament, il-Kummissjoni ma assenjatx valur xieraq lis-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni; ċaħdet b’mod żbaljat ir-raġunijiet għad-deċiżjoni tal-ajruport li jakkwista dawn is-servizzi; ċaħdet b’mod żbaljat il-possibbiltà li parti mis-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni setgħu ġew akkwistati għal raġunijiet ta’ interess ġenerali; ma analizzatx il-kuntratti ta’ kummerċjalizzazzjoni mill-perspettivi distinti tal-proprjetarju u tal-operatur tal-ajruport abbażi tal-kriterju ta’ investitur li jopera f’ekonomija tas-suq; ibbażat il-konklużjonijiet tagħha fuq informazzjoni inkompleta u mhux xierqa sabiex tikkalkola l-profitabbiltà tal-ajruport; ħadet inkunsiderazzjoni perijodu ta’ żmien qasir wisq; ibbażat ruħha unikament u b’mod żbaljat fuq rotot miftiehma u ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-esternalitajiet tan-netwerk li l-ajruport seta’ jistenna li jikseb mir-relazzjoni ma’ Ryanair. F’kull każ, anki jekk ir-rikorrenti kienu bbenefikaw minn vantaġġ, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li dan kien vantaġġ selettiv.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat, sussidjarjament, fuq il-ksur tal-Artikoli 107(1) u 108(2) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta wasslet għall-konklużjoni li l-għajnuna mogħtija lil Ryanair u lil AMS kienet ekwivalenti għat-telf marġinali akkumulat tal-ajruport ta’ Pau minflok għall-benefiċċju reali ta’ Ryanair u AMS. Il-Kummissjoni missha eżaminat sa liema punt l-allegat vantaġġ kien effettivament ġie ttrasferit lill-passiġġieri ta’ Ryanair. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kkwantifikatx il-vantaġġ kompetittiv li Ryanair allegatament ibbenefika minnu bis-saħħa tal-flussi ta’ ħlas (allegatament) b’telf tal-ajruport ta’ Pau. Fl-aħħar nett, hija ma spjegatx suffiċjentement kif l-irkupru tal-ammont tal-għajnuna msemmi fid-deċiżjoni kien neċessarju sabiex jiżgura l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel l-għoti tal-għajnuna.
Full & Egal Universal Law Academy