6.7.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 221/22
Rikors ippreżentat fl-10 ta’ April 2015 – Golparvar vs Il-Kunsill
(Kawża T-176/15)
(2015/C 221/32)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: Gholam Hossein Golparvar (Teheran, l-Iran) (rappreżentanti: M. Taher, Solicitor, T. de la Mare u R. Blakeley, Barristers)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/236, tat-12 ta’ Frar 2015, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran sa fejn hija tapplika għar-rikorrent,
—
tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/230, tat-12 ta’ Frar 2015, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran sa fejn huwa japplika għar-rikorrent,
—
tikkundanna lill-Kunsill iħallas lir-rikorrent is-somma ta’ EUR 50 000 bħala danni, u
—
tikkundanna lill-Kunsill iħallas l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrent.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tmien motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni
—
Minħabba t-twaqqif komplet tal-attivitajiet tiegħu (li ma huwiex ikkontestat) ir-rikorrent ma jissodisfa l-ebda wieħed mill-kriterji ta’ inklużjoni, u l-espożizzjoni tal-motivi tal-Kunsill (li ma tikkontestax l-irtirar tiegħu) hija fattwalment żbaljata, b’tali mod li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta inkluda mill-ġdid lir-rikorrent fil-lista.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrent, kif ukoll tad-drittijiet tiegħu tad-difiża
—
Il-Kunsill kiser id-drittijiet proċedurali tar-rikorrent u d-drittijiet tiegħu tad-difiża billi naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet u l-provi sottomessi mir-rikorrent li jistabbilixxu biċ-ċar it-twaqqif komplet tal-attivitajiet professjonali tiegħu.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 266 TFUE
—
Il-Kunsill ipprova jinkludi mill-ġdid fil-lista lir-rikorrent abbażi ta’ essenzjalment l-istess metodoloġija legali u l-istess provi li huwa uża għall-ewwel inklużjoni fil-lista, azzjoni li ġiet annullata mill-Qorti Ġenerali.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata
—
L-inklużjoni mill-ġdid tar-rikorrent fil-lista tikkostitwixxi użu ħażin ta’ proċedura u tikser il-prinċipji ta’ res judicata u/jew ta’ ċertezza legali u/jew ta’ finalità.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur ta’, inter alia, il-prinċipju ta’ effettività u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva
—
L-inklużjoni mill-ġdid tar-rikorrent fil-lista tikser il-prinċipju ta’ effettività u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, id-drittijiet tiegħu taħt l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni (il-“Karta”) u/jew l-Artikolu 6 u l-Artikolu 13 KEDB
6.
Is-sitt motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba
—
L-inklużjoni mill-ġdid tar-rikorrent fil-lista tikkostitwixxi użu ħażin ta’ poter u/jew tikser id-dritt tiegħu għal amministrazzjoni tajba, hekk kif huwa protett taħt l-Artikolu 41 tal-Karta.
7.
Is-seba’ motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tar-rikorrent taħt l-Artikoli 7 u 17 tal-Karta u/jew l-Artikolu 8 KEDB u l-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll tal-KEDB u/jew il-prinċipju ta’ proporzjonalità.
—
L-inklużjoni mill-ġdid tar-rikorrent fil-lista tikser id-drittijiet fundamentali tiegħu ta’ rispett għar-reputazzjoni tiegħu u ta’ tgawdija paċifika tal-proprjetà tiegħu, kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità
8.
It-tmien motiv ibbażat fuq l-illegalità tal-inklużjoni mill-ġdid tar-rikorrent fil-lista
—
L-inklużjoni mill-ġdid tar-rikorrent fil-lista hija, f’kull każ, ibbażata fuq il-preżunta legalità tal-miżuri restrittivi imposti fuq il-kumpannija tat-trasport marittimu tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran (iktar ’il quddiem, l-“IRISL”), iżda tali miżuri tal-IRISL huma illegali (għar-raġunijiet imressqa mill-IRISL, li jsir riferiment għalihom) b’tali mod li l-miżuri meħuda kontra r-rikorrent għandhom jiġu annullati.
Full & Egal Universal Law Academy