27.7.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 245/30
Rikors ippreżentat fl-14 ta’ April 2015 – Icap et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-180/15)
(2015/C 245/37)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Icap plc (Londra, ir-Renju Unit), Icap Management Services Ltd (Londra) u Icap New Zealand Ltd (Wellington, New Zealand) (rappreżentanti: C. Riis-Madsen u S. Frank, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla, fl-intier tagħha jew parzjalment, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Frar 2015, fil-Każ AT.39861 – Derivattivi tar-Rati tal-Interessi fuq il-Yen – C(2015) 432 finali;
—
sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas il-livell tal-multa imposta;
—
f’kull każ, tikkundanna lill-konvenuta tħallas l-ispejjeż legali u l-ispejjeż l-oħra relatati ma’ din il-kwistjoni;
—
tieħu kull miżura oħra li l-Qorti Ġenerali tqis xierqa.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi mwettqa mill-Kummissjoni meta kkonstatat li l-banek kienu involuti f’aġir li kien “intiż” li jwassal għar-restrizzjoni u/jew distorsjoni tal-kompetizzjoni.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi mwettqa mill-konvenuta meta kkonstatat li l-kollaborazzjoni allegata mir-rikorrenti fl-aġir tal-banek kienet tikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE.
—
Skont ir-rikorrenti, l-Artikolu 101 TFUE ma japplikax għall-aġir ta’ kompliċi li ma jipparteċipax f’akkordju li jwassal għar-restrizzjoni/distorsjoni tal-kompetizzjoni. Il-kriterju ta’ evalwazzjoni użat mill-Kummissjoni kien, fi kwalunkwe każ, żbaljat u jkopri firxa kbira wisq ta’ tipi ta’ aġir li ma humiex konnessi suffiċjentement mill-qrib mal-aġir illeċitu. L-aġir tal-rikorrenti ma jaqax taħt il-kriterju ta’ evalwazzjoni tal-kollaborazzjoni użat mill-konvenuta. B’mod partikolari, ir-rikorrenti jsostnu li l-konstatazzjoni li r-rikorrenti kkollaboraw fl-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-banek ma għandha ebda bażi fattwali u li l-konvenuta ma tindika lanqas eżempju wieħed tal-fatt li r-rikorrenti kkollaboraw f’tali skambji. Skont ir-rikorrenti, l-istess japplika għar-riċerka dwar l-allineament tas-swieq. Għal dak li jirrigwarda l-manipulazzjoni tal-preżentazzjoni tal-Yen LIBPR, il-Kummissjoni ammettiet li wieħed biss miż-żewġ banek kien jaf dwar l-involviment ta’ ICAP. Għalhekk, skont ir-rikorrenti, ICAP ma kellha l-ebda rwol ta’ kollaboratur għal dak li jirrigwarda l-aġir tal-banek. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ tali ksur, l-aġir illeċitu kien beda ħafna qabel ICAP allegatament bdiet tikkollabora.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi mwettqa mill-Kummissjoni meta stabbilixxiet it-tul tal-involviment allegat tar-rikorrenti fil-ksur.
—
Ir-rikorrenti jsostnu li l-banek kienu partijiet kontraenti fid-derivattivi tar-rati tal-interessi fuq il-Yen u għalhekk kif jafu l-pożizzjonijiet u l-interessi kummerċjali ta’ xulxin. Konsegwentement, skont ir-rikorrenti, il-provi prodotti mill-Kummissjoni insostenn tal-argument li ICAP kienet taf dwar il-ksur bilaterali huma irrilevanti, vagi u qarrieqa. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, l-approċċ tal-Kummissjoni jippreżumi l-għarfien u l-aġir tar-rikorrenti sakemm intemm il-ksur bilaterali mill-banek mingħajr ma jiġu prodotti xi provi tal-għarfien kontinwu tar-rikorrenti dwar il-ksur mill-banek.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipji ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza u ta’ amministrazzjoni tajba.
—
Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet proċedura ta’ riżoluzzjoni ibrida, li fiha d-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni adottata f’Diċembru 2013 implikat lil ICAP billi ddeskriviet b’mod estensiv ir-rwol tagħha bħala kollaboratur. Minn dak il-mument, il-Kummissjoni ma setgħetx isostni li hija kienet imparzjali fir-rigward tal-każ ICAP.
5.
Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi, il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali.
—
Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali billi imponiet multi li huma ogħla mill-multi nominali. Dan allegatament jikkostitwixxi wkoll tluq mill-prassi deċiżjonali tagħha. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma osservatx il-linji gwida tagħha għall-kalkolu tal-multi billi rrifjutat li tuża l-valur tal-bejgħ tar-rikorrenti bħala bażi għall-multa, ma speċifikatx il-metodu tagħha għall-kalkolu tal-multa u ma ġġustifikatx tali tluq mill-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi ttrattat lir-rikorrenti b’mod differenti milli kif ittrattat sensar ieħor akkużat b’kollaborazzjoni f’ċirkustanzi simili u fir-rigward tal-istess ksur kif ukoll billi finalment ittrattat lir-rikorrenti bl-istess mod bħall-banek li wettqu l-ksur minkejja li r-rikorrenti ġew akkużati biss b’kollaborazzjoni. Ir-rikorrenti jsostnu li, konsegwentement, il-multi imposti huma kompletament sproporzjonati u li l-Kummissjoni kisret għalhekk il-prinċipju ta’ proporzjonalità.
6.
Is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ “ne bis in idem”.
Full & Egal Universal Law Academy