10.8.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 262/30
Rikors ippreżentat fl-14 ta’ April 2015 – Trivisio Prototyping vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-184/15)
(2015/C 262/40)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Trivisio Prototyping GmbH (Trier, il-Ġermanja) (rappreżentanti: A. Bartosch u A. Böhlke, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C (2015) 633 final, tat-2 ta’ Frar 2015, dwar l-irkupru tal-ammont ta’ EUR 3 85 112,19, flimkien mal-interessi, dovut minn Trivisio Prototyping GmbH;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-kawża.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti.
—
Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni, meta ffirmat il-programmi ta’ finanzjament ULTRA (“Ultra portable augmented reality for industrial maintenance applications”), IMPROVE (“Improving Display and Rendering Technology for Virtual Environments”) u CINeSPACE (“Experiencing urban film and cultural heritage while on-the-move”), kienet taf jew fi kwalunkwe każ kien imissha kienet taf bl-involviment ta’ inġiniera Russi. Ir-rikorrenti ssostni li, fiċ-ċirkustanzi ineżami, l-irkupru tal-ammont mitlub jikkostitwixxi abbuż ta’ dritt.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq l-argument li ma hemmx ksur tar-regoli previsti fl-Anness II tal-programmi ta’ finanzjament dwar l-għoti ta’ subappalt mir-rikorrenti.
—
Ir-rikorrenti ssostni li bejnha u bejn kull waħda mill-persuni li jimpjegaw lill-inġiniera Russi – irrispettivament mill-fatt li dawn il-persuni huma persuni ġuridiċi distinti – kienet teżisti relazzjoni ta’ kontroll, b’tali mod li ma kienx hemm ksur tar-rekwiżiti previsti fl-Anness II tal-programmi ta’ finanzjament dwar l-għoti ta’ subappalt.
3.
It-tielet motiv, invokat sussidjarjament u bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.
—
Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li l-irkupru kkontestat għandu jiġi miċħud fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.
Full & Egal Universal Law Academy