8.6.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 190/27
Rikors ippreżentat fl-14 ta’ April 2015 – Buonotourist vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-185/15)
(2015/C 190/31)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Buonotourist Srl (Castel San Giorgio, l-Italja) (rappreżentanti: G. Capo u L. Visone, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tad-19 ta’ Jannar 2015, dwar l-għajnuna mill-Istat Sa.35843 (2014/c) (ex 2012/NN), innotifikata lir-rikorrenti fl-20 ta’ Frar 2015, implementata mill-Italja;
—
tiddikjara, skont l-Artikoli 263 TFUE u 264 TFUE, li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tad-19 ta’ Jannar 2015, fil-proċedura dwar għajnuna mill-Istat Sa.35843 (2014/c) (ex 2012/NN) (għal EUR 1 1 11 572,00), hija kompletament nulla u mingħajr effett sa fejn tqis li l-ammonti rrikonoxxuti bħala kumpens għall-obbligi ta’ servizz pubbliku fis-sens tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69, kumpens taħt l-Artikolu 11 għal obbligu marbut ma’ tariffa fis-settur tat-Trasport Pubbliku Lokali, għandha titqies li hija miżura mhux innotifikata li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, li hija inkompatibbli mas-suq intern;
—
tiddikjara, skont l-Artikoli 263 TFUE u 264 TFUE, li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tad-19 ta’ Jannar 2015, fil-proċedura dwar għajnuna mill-Istat Sa. 35843 (2014/c) (ex 2012/NN) (għal EUR 1 1 11 572,00) hija kompletament nulla fil-parti fejn tadotta miżuri operattivi għall-irkupru tal-għajnuna mill-Istat Taljan;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti minn Buonotourist s.r.l..
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz tad-deċiżjoni kkontestata f’din il-kawża, il-Kummissjoni ddikkjarat li l-ħlasijiet mogħtija lil Buonotourist, kemm bħala kumpens kif ukoll għar-riżarċiment tad-danni, bl-impożizzjoni unilaterali illegali ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku (OSP), għas-snin 1996-2002, safejn ma humiex innotifikati, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, li hija inkompatibbli mas-suq intern. Iddisponiet, b’hekk, miżuri operattivi għall-irkupru tal-għajnuna.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tmien motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 93, 107, 108 u 263 TFUE fir-rigward tal-Artikolu 17 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69 tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 1969, dwar azzjoni mill-Istati Membri dwar l-obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Volum 001, p. 19-25).
—
Hija ssostni f’dan ir-rigward li l-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju tal-għoti ta’ kumpens irrikonoxxut mill-OSP ta’ tariffa b’applikazzjoni tar-Regolament (KEE) 1191/69 kellha tiġi evalwata skont id-dispożizzjonijiet previsti minn dan ir-regolament u mhux b’riferiment għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni b’hekk wettqet żball ta’ liġi meta mxiet mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 tal-Kunsill, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Kapitolu 08, Volum 001, p. 339-347), b’relazzjoni mal-Artikoli 107 u 108 TFUE.
—
Hija ssostni f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni ttrattat l-għoti ta’ kumpens irrikonoxxut lil Buonotourist mill-OSP bħala miżura li ma hijiex innotifikata. Kuntrarjament għal dak li ntqal, il-ħlas tal-istess għoti ta’ kumpens sar wara n-notifika tal-miżura lill-Kummissjoni. B’hekk, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u ta’ proċedura meta adottat id-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura erbatax-il xahar wara li rċeviet in-notifika.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 93, 107 u 108 TFUE fir-rigward tal-Artikolu 17 tar-Regolament (KEE) 1191/69 u tal-Artikolu 9 tar-Regolament (KEE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2007, dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70.
—
Hija ssostni f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi bil-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi peress li l-każ huwa rregolat mir-Regolament (KEE) Nru 1191/69.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 1(f) fir-rigward tal-Artikoli 1(g), 4, 7 u 15, tar-Regolament (KEE) Nru 659/1999. Fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament (KEE) 1191/69.
—
Hija ssostni f’dan ir-rigward li l-kumpens li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-istess regolament huwa eżentat mill-proċedura ta’ informazzjoni preliminari; u li l-ammonti rrikonoxxuti lil Buonotourist jerġgħu jidħlu għalhekk fl-ambitu tal-għajnuna eżistenti. Il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi bil-ksur tal-Artikolu 108(2) TFUE, peress li ma tistax tordna l-irkupru tal-ammonti mħallsa minħabba l-klassifikazzjoni tal-għajnuna mogħtija bħala illegali.
5.
Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 267 TFUE u tal-Artikoli 6 u 13 KEDB, u tal-Artikoli 93, 107 u 108 TFUE.
—
Hija ssostni f’dan ir-rigward li Il Consiglio di Stato kien diġà għamel evalwazzjoni f’dak li jirrigwarda l-inklużjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 11 u 17 tar-Regolament (KEE) 1191/69, u b’hekk ħa pożizzjoni għall-inklużjoni, fl-għajnuna eżistenti, tal-ammonti rrikonoxxuti. Il-Kummissjoni marret lil hinn mis-setgħa peress li ma tistax tannulla d-deċiżjonijiet tal-qrati, anki nazzjonali, meta tapplika d-dritt Komunitarju.
6.
Is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 6, 7 u 13 KEDB; tal-Artikoli 93 – 107 u 108 fir-rigward tal-Artikoli 258 et seq TFUE, fir-rigward tal-Artikolu 101 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Taljana; u tal-Artikolu 2909 c.c.
—
Hija ssostni f’dan ir-rigward li d-deċiżjoni kkontestata tolqot ir-res judicata tal-Consiglio di Stato, fl-interpretazzjoni u applikazzjoni tan-normi Komunitarji. Il-Kummissjoni b’hekk għal darba oħra marret lil hinn mis-setgħa peress li ma tistax tannulla r-res judicata, iżda kellha ssegwi s-sens tal-Artikolu 258 TFUE.
7.
Is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 11 u 17 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/19691, tal-Artikoli 93, 107 u 108 TFUE, u fuq l-eżistenza f’dan il-każ ta’ abbuż ta’ poter.
—
Hija ssostni f’dan ir-rigward li miżura tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat meta tolqot b’mod reali u konkret il-kummerċ u l-kompetizzjoni libera, fis-sens li dan l-effett għandu jintwera b’mod konkret u reali. Il-Kummissjoni bl-ebda mod ma wriet din iċ-ċirkustanza. Tant huwa hekk, li fir-Reġjun ta’ Campania, is-suq intern tat-traspost pubbliku lokali (TPL) qatt ma nfetaħ għall-kompetizzjoni.
8.
It-tmien motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 1, 11 u 17 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69, u tal-Artikoli 93, 107 u 108 TFUE.
—
Hija ssostni f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ fatt għaliex sostniet li l-kumpens irrikonoxxut ġie stabbilit permezz ta’ metodu ta’ kalkolu stabbilit ex post. Mid-dokumenti annessi qed jidher, minflok, il-kontra.
Full & Egal Universal Law Academy