Kawża T-234/15: Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Mejju 2015 – Systema Teknolotzis AE vs Il-Kummissjoni
C2702015MT3010120150509MT0037301312
Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Mejju 2015 – Systema Teknolotzis AE vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-234/15)2015/C 270/37Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Partijiet
Rikorrenti: Systema Teknolotzis AE (Ateni, il-Ġreċja) (rappreżentant): E. Georgilas, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tilqa’ dan ir-rikors;
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Marzu 2015 [SG-Greffe(2015) D/3003/11 Marzu 2015] dwar l-irkupru mingħand ir-rikorrenti ta’ somma totali ta’ seba’ mija u sittax-il elf u tliet mija u erbgħa u tletin EURO u ħames ċenteżmi (EUR 716334,05) bl-interessu u
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 89 tar-Regolament 1268/2012 ( 1 ) u tal-obbligu ta’ motivazzjoni (Artikolu 296 TFUE). Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex motivata biżżejjed, speċjalment u speċifikament, iċ-ċaħda tat-talba tar-rikorrenti li tirrigwarda l-irkupru tad-dejn tagħha fil-kuntest ta’ ftehim ta’ riżoluzzjoni ta’ seba’ snin; dwar il-proġetti PlayMancer u MOBISERV. Bl-istess mod, għall-proġett PowerUp, hija tikkostitwixxi deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba tal-irkupru tal-ammont dovut fuq tliet snin.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq użu żbaljat, fin-nuqqas ta’ qbiż tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali u ta’ ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni fatturi importanti meta hija adottat id-deċiżjoni kkontestata, li hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni fatti essenzjali li ġew sottomessi lilha u li hija adottat soluzzjonijiet li wasslu inevitabbilment għar-rovina finanzjarja tar-rikorrenti.
3.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex miżura neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan baġitarju mixtieq. Id-deċiżjoni teffetwa b’mod eċċessiv l-interessi vitali tar-rikorrenti u thedded l-eżistenza per se tagħha kif ukoll l-kapaċità ta’ funzjonament bħala negozju u dik ta’ produzzjoni.
( 1 ) Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362 tal-31 ta’ Diċembru 2012, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy